Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Fidi taʼ Familja fi Żmien l-Għawġ

Il-Fidi taʼ Familja fi Żmien l-Għawġ

Il-​Fidi taʼ Familja fi Żmien l-​Għawġ

INDIA, tifla ħelwa taʼ disaʼ snin minn Wisconsin, fl-​Istati Uniti, taf x’jiġifieri meta xi ħadd ikun marid. Fil-​fatt, diġà għamlet tliet operazzjonijiet kbar u bosta proċeduri oħrajn inqas serji. Ommha Lori tgħid: “Għal sitt snin sħaħ ħajjet India kienet tiċċentra madwar is-​swali t’emerġenza, perijodi taʼ żmien fl-​isptar, u l-​viżti għand it-​tabib.”

Dan kollu beda meta India kellha sena u nofs. Bdiet billi kellha sintomi mhux tas-​soltu, fosthom dijarea kronika, deni qawwi, stonku minfuħ, u telf taʼ piż mhux normali. Kellha wkoll uġigħ f’żaqqha. Bil-​lejl għal sentejn sħaħ, iċ-​ċkejkna India kienet kemm-il darba tqum tingħi, tokrob, u xi kultant saħansitra tgħajjat bl-​agunija.

Waqt li t-​tobba pprovaw jifhmu x’kellha, India kompliet tbati ferm. “It-​tarbija tagħna kienet bażikament qed tmut bil-​ġuħ,” tgħid Lori. “Għal iktar minn sena,” iżid jgħid Mark, missier India, “kellna noqogħdu naraw lil bintna ż-​żgħira tiġi fix-​xejn u ma konniex nafu kif se ngħinuha. Niftakarni nħossni totalment bla ħila lejl wieħed meta jien u Lori bdejna nitkellmu dwar il-​funeral taʼ India, li dak iż-​żmien konna naħsbu li ma stajniex nevitawh.”

Maż-żmien, instab li India kellha l-​kolite bl-​ulċeri​—marda li tattakka l-​kisja minn ġewwa tal-​musrana l-​ħoxna. Kellha wkoll marda li teffettwa l-​kanali tal-​bili fil-​fwied (sclerosing cholangitis primarja). Dan il-​mard kien hemm kura għalih. Madankollu, kien hemm bżonn t’operazzjoni, u għall-​kolite bl-​ulċeri kien hemm bżonn tal-​mediċini. Minħabba ż-​żewġ kundizzjonijiet li kellha, riedet il-​ħin kollu tiġi eżaminata u tingħata kura hi u tirkupra.

Issa għaddew iktar minn sebaʼ snin mindu India mardet għall-​ewwel darba. Grazzi għall-​kura taʼ tobba tajbin, hi miexja ’l quddiem u qed tfiq. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, Mark u Lori jħossu li l-​fidi tagħhom fil-​Kelma t’Alla​—b’mod partikulari dak li tgħid dwar il-​mard, il-​mewt, u t-​tama taʼ l-​irxoxt fil-​futur—għenhom jissaportu. India tħossha l-​istess. “India dejjem kienet issibha faċli titkellem dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt kif inhi spjegata fil-​Bibbja,” tgħid Lori. “Hija reali ħafna għaliha.”

Darba minnhom meta India kienet l-​isptar fil-​kamra tal-​logħob għat-​tfal, hi ltaqgħet maʼ tifla li oħtha kellha l-​lewkimja. Lori tirrakkonta x’ġara wara: “It-​tifla qalet lil India li kienet qed tibżaʼ li oħtha se tmut. India mbagħad qaltilha x’inhi l-​mewt skond il-​Bibbja u li hi ma kinitx tibżaʼ mill-​mewt. L-​għada omm it-​tifla ġiet fuqi b’xi mistoqsijiet. Baqgħet skantata li India kienet taf titkellem daqshekk ċar u bla biżaʼ dwar affarijiet bħal dawn.”

Mark u Lori sabu li t-​talb taʼ sħabhom fit-​twemmin kien t’appoġġ kbir ferm għalihom. “Qabel,” jgħid Mark, “meta kont ngħid lil xi ħadd li kont se niftakar fih fit-​talb tiegħi jew meta kont nitlob miegħu, dejjem xtaqt li kien hemm iktar x’nistaʼ nagħmel. Issa nirrealizza kemm hu importanti dan it-​talb għal oħrajn u flimkien magħhom. It-​talb kien l-​unika ħaġa u l-​iktar ħaġa importanti li setgħet issir għalina fiż-​żminijiet diffiċli li għaddejna minnhom. Kemm għandna aħwa li jafu jħobbu!”

Mark iħoss ukoll li l-​mard taʼ India għenhom jeżaminaw il-​prijoritajiet tagħhom. “Il-​ħarsa tagħna lejn l-​affarijiet materjali bla dubju nbidlet,” jgħid hu. “Kemm jidhru ma jiswew xejn dawn meta xi ħadd minn uliedek ikun marid! L-​affarijiet importanti fil-​ħajja kienu​—u għadhom​—ir-​relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah u ħutna li tant għandhom imħabba.”

Mark u Lori kif ukoll India u ħutha jħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien profetizzat mill-​profeta Isaija meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”​—Isaija 33:24; Apokalissi 21:4.

[Stampa f’paġna 30]

India Erickson

[Stampa f’paġna 31]

L-​Isptar tat-​Tfal taʼ San Diego

[Stampa f’paġna 31]

India mal-​familja tagħha