Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Periklu—Pjanti Qattiela!

Periklu—Pjanti Qattiela!

Periklu—Pjanti Qattiela!

Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-​Britannja

KULĦADD jaf li xi annimali jieklu l-​pjanti. Imma kont taf li xi pjanti jieklu l-​annimali? Hemm xi 550 speċi identifikata taʼ dawn il-​pjanti karnivori (li jieklu l-​laħam), jew insettivori (li jieklu l-​insetti), u hemm oħrajn li għadhom qed jinstabu. Dawn il-​pjanti taʼ l-​għaġeb jistgħu jagħmlu fotosinteżi, imma dawk li jikbru f’ħamrija aċiduża u bla nitroġenu ma jkollhomx biżżejjed sustanzi essenzjali, bħan-​nitrati. L-​insetti jipprovdu sors importanti ieħor taʼ ikel għal dawn il-​pjanti mġewħin.

Kull pjanta għandha l-​metodu tagħha kif taqbad il-​priża. Xi pjanti għandhom nases li jingħalqu jew nases oħra, filwaqt li oħrajn jiġbdu ’l-vittmi tagħhom f’nases jiżolqu jew fuq uċuħ iwaħħlu li ma jkunu jistgħu jaħarbu minnhom b’xejn. Ejja niflu ftit il-​pjanti li jieklu l-​laħam.

Nases Jingħalqu u Nases Oħra

X’aktarx li l-​iktar pjanta karnivora magħrufa hija l-​Venus flytrap (Dionaea muscipula), li titwal sa 30 ċentimetru. Din tinsab fl-​Amerika taʼ Fuq fi nħawi t’art mimlijin pît fl-​istati tal-​Carolina tat-​Tramuntana u tan-​Nofsinhar. Għandha weraq ileqq u taʼ kulur jgħajjat li fit-​tarf tiegħu ssib glandoli li jipproduċu fluwidi ħelwin​—tentazzjoni li l-​insetti jsibuha diffiċli jirreżistuha! U hemm jinsab il-​periklu, għax f’nofs il-​werqa tal-​Venus flytrap, li hi magħmula minn żewġ taqsimiet forma taʼ nofs tond, hemm tliet xagħriet li jġagħlu n-​nassa tingħalaq. Meta xi ħlejqa aljenata tmiss ix-​xagħar, il-​werqa tingħalaq. Bħas-​snien taʼ xi nassa taʼ l-​azzar, is-​snien fit-​tarf tal-​werqa jagħlqu f’xulxin u ma jħallux il-​priża taħrab.

Jekk in-​nassa tingħalaq minħabba xi ħaġa li tkun taret fiha bir-​riħ​—bħal xi biċċa zokk niexef—il-​pjanta terħiha fi ftit jiem. Imma meta l-​organi tal-​pjanta li jġagħluha tħoss jindunaw li jkun hemm sustanzi tan-​nitroġenu, il-​pjanta toħroġ l-​enzimi li jibdlu l-​ġisem taʼ l-​insett maqbud f’ikel għaliha. Dan il-​proċess jieħu minn 10 ijiem sa 35 jum, skond kemm tkun kbira l-​priża.

Ħaġa taʼ interess hi li jekk tintmess xagħra waħda biss, forsi b’xi qatra xita, in-​nassa ma tingħalaqx. Il-​pjanta tirreaġixxi biss meta jintmessu żewġ xagħriet jew iktar​—anki wara intervall t’20 sekonda. In-​nassa tgħaġġel biex tingħalaq skond it-​temperatura u d-​dawl tax-​xemx li jkun hemm. F’ċerti kundizzjonijiet tingħalaq b’veloċità taʼ 0.03 taʼ sekonda.

In-​nases taʼ ċerti pjanti jgħaġġlu saħansitra iktar minn hekk. Per eżempju, ħu l-​bladderwort (Utricularia vulgaris), li primarjament hija pjanta taʼ l-​ilma, b’weraq taħt l-​ilma. Il-​weraq fih ħafna boroż, u kull werqa għandha nassa li tingħalaq u ħafna xagħar twil. Meta xi ħlejqa żgħira ħafna bħaż-​żagħrun tal-​ġwiebi (Daphnia pulex) tmiss ix-​xagħar, in-​nassa tinfetaħ. Minħabba li l-​pressa taʼ l-​ilma ġol-​borża hija inqas minn dik taʼ barra, il-​vittma ċkejkna tinġibed ’il ġewwa u n-​nassa tingħalaq warajha. Dan jistaʼ jiġri f’temp qasir taʼ 0.029 taʼ sekonda!

Nases Jiżolqu

Fost l-​akbar pjanti li jieklu l-​laħam hemm il-​pjanti li bl-​Ingliż jissejħu pitcher plants li jixxebilku (tal-ġens Nepenthes). Ftit minnhom, bħal dawk li jinsabu fl-​Asja tax-​Xlokk, huma dwieli li jikbru fuq il-​qċaċet tas-​siġar. Dawn fihom nases li jesgħu sa żewġ litri likwidu biex jaqbdu ħlejjaq kbar bħal xi żrinġ. Xi wħud jingħad li qabdu wkoll firien. Imma n-​nases kif jaħdmu?

Kull werqa taʼ dawn il-​pjanti tkun qisha buqar u għandha għatu biex ma jħallix ix-​xita tidħol fiha. Insett jitħajjar mill-​kulur jgħajjat tal-​werqa u l-​abbundanza taʼ nektar li għandha, imma t-​truf tagħha jiżolqu. Meta l-​insett jipprova jieħu n-​nektar, jiżloq u jibqaʼ nieżel fl-​għadira taʼ likwidu li jkun hemm fil-​qiegħ. Ċertu xagħar fil-​werqa mdendel ’l isfel ma jħallix l-​insett jaħrab. Iktar minn hekk, in-​nektar taʼ xi pjanti minn dawn fih droga li tistordi l-​priża.

Fost dawn il-​pjanti, żgur li l-​iktar waħda b’dehra li tolqot l-​għajn hija l-​cobra plant (Darlingtonia californica). Din tikber fil-​muntanji taʼ Kalifornja u Oregon fl-​Istati Uniti. Il-​werqa tal-​pjanta tixbah ħafna lil kobra lesta għall-​attakk. Meta l-​insett jidħol f’ħalq il-​pjanta dan jitħawwad minħabba d-​dawl li donnu jkun dieħel minn twieqi żgħar. L-​insett jibqaʼ jtir lejn id-​dawl biex jipprova jaħrab, imma għalxejn. Meta jgħejja jaqaʼ fil-​likwidu f’qiegħ il-​pjanta u jegħreq.

Prezzjużi fid-​Dar u b’Mod Kummerċjali

Il-​pjanti msejħin butterworts (Pinguicula vulgaris) għandhom weraq iwaħħal li jattira lid-​dubbiena sciarid u d-​dubbiena bajda. Dawn l-​insetti jattakkaw kemm il-​pjanti tad-​djar kif ukoll tas-​serer kummerċjali. In-​nases tad-​dubbien magħmulin mill-​bniedem huma effettivi imma ma jagħmlux distinzjoni, u għalhekk jaqbdu wkoll in-​naħal u d-​dubbien tal-​fjuri. In-​nassa tal-​butterwort hija ferm aħjar. Magħha jeħlu biss l-​insetti żgħar li jagħmlu ħsara.

Il-​pitcher plants taʼ l-​Amerika taʼ Fuq qed isiru iktar popolari mal-​ġardinara. Il-​fjuri u l-​weraq sbieħ tagħhom jistgħu jitqabblu fil-​ġmiel maʼ pjanti oħrajn, u faċli biex tikkultivahom. Barra minn hekk, dawn jieklu ammont kbir taʼ dubbien. Fil-​fatt, kull grupp taʼ weraq jistaʼ jaqbad eluf taʼ dubbien fi staġun wieħed. In-​naħal m’huwiex f’riskju, għax milli jidher ma jogħġbuhx dawn il-​pjanti. Imma l-​pjanti kif jiġu fertilizzati mingħajr ma jaqbdu l-​insetti li jdakkruhom? L-​ewwel joħorġu l-​fjuri, waqt li l-​weraq ikun għadu qed jikber. Sakemm il-​weraq jimmatura, il-​fjuri jilħqu jmutu u l-​insetti li jdakkru jkunu marru xi mkien ieħor.

Pjanta li faċli tkabbarha u li tiflaħ għal varjetà taʼ temperaturi hija l-​fork leaf sundew taʼ l-​Awstralja (Drosera dichotoma). “Hija pjanta ideali jekk in-​nemus ma jħallikx toqgħod bil-​qiegħda barra fil-​għaxija,” jgħid Chris Heath, speċjalista tal-​pjanti karnivori fiċ-​Ċentru Edukattiv dwar l-​Ambjent fir-​Rabaʼ u l-​Ġonna taʼ Walworth f’Londra. “Ħawwilha f’qasrija mdendla fejn il-​qtar ileqq tagħha taʼ likwidu jwaħħal se jiġbed in-​nemus.” In-​nemus li jolqot xi werqa jeħel minħabba x-​xagħar iwaħħal tagħha. Dan ix-​xagħar huwa milwi ’l ġewwa u b’hekk jagħfas lill-​insett maʼ wiċċ il-​werqa.

Il-​Preservazzjoni tal-​Pjanti Predaturi

B’dispjaċir ngħidu li ħafna pjanti karnivori jikbru f’postijiet li qed jinqerdu mill-​bniedem. Per eżempju, il-​pitcher plant li tixxeblek taʼ l-​Asja tax-​Xlokk tinsab fil-​periklu minħabba tip t’agrikultura li fiha jsir il-​qtugħ u l-​ħruq tas-​siġar. Xi postijiet oħra fejn l-​art fiha ħafna għadajjar, l-​ilma qed jitneħħa biex jitlaʼ xi bini. Xi speċi diġà saru estinti. *

Tixtieq tkabbar pjanta karnivora? M’hemmx għalfejn tiħodhom mill-​ambjent naturali tagħhom fejn jikbru, għax hemm diversi li tistaʼ tixtrihom faċilment mingħand uħud li jnissluhom miż-​żerriegħa jew minn parti taʼ pjanta. L-​istruzzjonijiet biex tkabbarhom huma sempliċi: Żomm il-​pjanta mxarrba l-​ħin kollu bl-​ilma tax-​xita. Barra minn hekk, il-​pjanti karnivori jħobbu ħafna x-​xemx, imma dawk li ġejjin minn żoni taʼ klima moderata, aħjar jitħallew daqsxejn kesħin fl-​istaġun tax-​xitwa. Għandek bżonn il-​paċenzja, għax ċerti pjanti jdumu tliet snin qabel jimmaturaw. Għallinqas m’hemmx għalfejn tagħtihom sustanzi. Wara kollox, jafu jsibu l-​ikel waħedhom!

[Nota taʼ taħt]

^ par. 19 Xi pjanti li jieklu l-​insetti huma protetti mill-​Konvenzjoni fuq il-​Kummerċ Internazzjonali taʼ l-​Ispeċi f’Periklu.

[Kaxxa f’paġna 19]

Ikel għall-​Fungi

L-​iżgħar pjanti li jieklu l-​laħam huma fungi. Dawn jaqbdu f’nassa dud tond żgħir ħafna li jgħix fil-​ħamrija. Xi fungi minn dawn għandhom ċapep iwaħħlu fuq iz-​zokk tagħhom, imma oħrajn għandhom tliet nases li huma ħoxnin 0.0025 ċentimetru, li jifgaw id-​dudu tond li bla ma jinduna jitkaxkar minn bejniethom. Malli d-​dudu jinqabad, jiġi attakkat mill-​ħjut tal-​fungu, u ftit wara jmut. Dawn il-​fungi qed jiġu studjati għall-​potenzjal li għandhom biex jikkontrollaw dan id-​dud li minħabba fih issir ħsara kbira lill-​uċuħ tar-​rabaʼ kull sena li tiswa miljuni taʼ liri.

[Kaxxa f’paġna 19]

L-​Insetti Jiddefendu Ruħhom!

Mhux l-​insetti kollha jmutu bil-​pjanti insettivori. Per eżempju, id-​dubbiena tal-​laħam għandha xi ħaġa miżjuda maʼ kull sieq. Biha, l-​insett ikun jistaʼ jitlaʼ max-​xagħar imdendel ’l isfel tal-​pitcher plant. Meta l-​bajd tad-​dubbiena tal-​laħam ifaqqas, id-​dud ċkejken jiekol l-​insetti maqbudin fil-​pjanta fejn ikunu mietu. Imbagħad malli jkunu lesti biex jagħmlu l-​fosdqa, dawn itaqqbu l-​werqa u jaħarbu. Mill-​banda l-​oħra, il-​larvi taʼ farfett żgħir jaħarbu billi jiksu b’għanqbuta x-​xagħar tal-​pitcher plant li jistgħu jkunu taʼ ostaklu. Xi brimb b’makakkerija jinseġ l-​għanqbuta tiegħu fil-​parti taʼ fuq taʼ dawn il-​pjanti biex ikollu l-​ewwel għażla mill-​insetti li jipprovaw jittawlu. Minn taʼ l-​inqas tip wieħed taʼ brimb għandu ġilda speċjali li biha jkun jistaʼ jistkenn fil-​likwidu tad-​diġestjoni tal-​pjanta jekk ikun fil-​periklu.

[Stampa f’paġna 16]

Werqa tal-​pitcher plant li tixxeblek

[Stampa f’paġna 16, 17]

Il-​Venus flytrap

Fil-​werqa fuq ix-​xellug tidher dubbiena maqbuda; fil-​werqa fuq il-​lemin jidher ix-​xagħar li jġiegħel lin-​nassa tingħalaq

[Sors]

Pjanti: Copyright Chris Heath, Kentish Town City Farm, London

[Stampa f’paġna 17]

Il-​fjura u l-​werqa mhux matura tal-​cobra plant

[Sors]

Copyright Chris Heath, Kentish Town City Farm, London

[Stampa f’paġna 18]

Pitcher plant taʼ l-​Amerika taʼ Fuq

Il-​fjura tagħha fiha daqs larinġa

[Stampa f’paġna 18]

Il-​butterwort

Id-​dubbien sciarid u d-​dubbien l-​abjad jinqabad fuq il-​weraq iwaħħal tagħha

[Stampi f’paġna 18]

Il-​weraq tal-​pitcher plant taʼ l-​Amerika taʼ Fuq

Stampa taʼ ġewwa: dubbiena tiekol in-​nektar li jistordiha

[Stampa f’paġna 18]

Il-​fork leaf sundew

Insett jinqabad mix-​xagħar iwaħħal tal-​werqa

[Sors]

Pjanti: Copyright Chris Heath, Kentish Town City Farm, London