Ġmiel Moħbi fid-Dlam
Ġmiel Moħbi fid-Dlam
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIS-SLOVENJA
B’LAMPA ċkejkna f’idu, Luka Čeč mexa bil-mod taħt l-art fi dlam taqtgħu b’sikkina. Ferm ’l isfel taħt l-art, tkaxkar għal fuq blata għolja u ġie premjat b’dehra inkredibbli. Quddiem għajnejh feġġet dinja tiddi u tleqq. X’kien sab? Passaġġ ġdid minn ġo l-Għar taʼ Postojna, fis-Slovenja.
Din l-iskoperta fir-rebbiegħa taʼ l-1818 kienet il-bidu taʼ dik li issa hi industrija tat-turiżmu li miexja ħafna ’l quddiem. Ukoll, fetħet it-triq għal iktar speljoloġija, li hi l-istudju u l-esplorazzjoni xjentifika taʼ l-għerien. Biex tagħti titwila mill-qrib lejn din is-sistema meraviljuża t’għerien, tistaʼ tingħaqad magħna għal żjara f’Postojna, belt fil-punent tas-Slovenja.
Post Fejn l-Għerien Huma Abbundanti
B’iktar minn 20 kilometru taʼ passaġġi u grotti, is-sistema t’għerien f’Postojna hi fost l-akbar fl-Ewropa. L-għerien jinsabu fil-Kras, jew Karst, reġjun fis-Slovenja, li hu witja magħmula mill-ġir li testendi madwar 50 kilometru ’l ġewwa mill-Baħar Adrijatiku, bejn l-alpi Ġuljani u Dinariċi. L-għerien taʼ Postojna huma ftit mill-eluf taʼ kaverni f’dan ir-reġjun.
Illum il-kelma “karst” għandha tifsira vasta. It-terminu jintuża mill-ġeoloġi mid-dinja kollha biex jiddeskrivu tip taʼ post li hu simili għar-reġjun Kras. Dan it-tip taʼ art jinsab f’ħafna partijiet tad-dinja, inkluż l-Awstralja, l-Amerika Ċentrali, iċ-Ċina, l-Indo-Ċina, u r-Russja, kif ukoll il-Karibew u l-Mediterran. Dan it-tip taʼ art x’aktarx ikun xi xagħri bil-blat fejn l-erożjoni tkun ipproduċiet għerien, ħofor fil-blat, u nixxigħat u għadajjar taħt l-art.
Peress li parti kbira mis-Slovenja hija taʼ din l-għamla naturali magħrufa bħala karst, il-pajjiż għandu abbundanza t’għerien u formazzjonijiet oħra taħt l-art. L-Għar taʼ Postojna hu impressjonanti daqs għerien famużi oħra taʼ dan it-tip bħal Mammoth Cave taʼ
Kentucky, l-Istati Uniti, u l-Għar tal-Flawt tal-Qasab f’Kuei-lin, iċ-Ċina.Titwila ġo l-Għerien
L-ewwel deskrizzjoni taʼ l-Għar taʼ Postojna tmur lura sas-seklu 17, meta l-istudjuż Sloven Janez Vajkard Valvasor kiteb dwaru fil-ktieb tiegħu The Glory of the Duchy of Carniola. Valvasor iddeskriva l-għerien taʼ dak il-post bħala li għandhom “kolonni t’għamla stramba.” Lil dawn xebbahhom maʼ “kull xorta taʼ ġrieden, sriep, u annimali oħra . . . jew għamliet differenti taʼ mostri, uċuħ sfigurati, fatati, u affarijiet bħal dawn.” Hu żied: “L-orrur u l-biżaʼ jiżdiedu wkoll minħabba l-ħafna passaġġi, ħofor, u abbissi fuq kull naħa.” Ma niskantawx li wara li qraw din id-deskrizzjoni tal-biżaʼ, ftit kienu dawk li ssograw jidħlu ’l ġewwa ħafna fl-għerien fid-dlam li jwaħħxek!
Madankollu, maż-żmien kibret il-popolarità taʼ l-Għar taʼ Postojna. Dan kien minnu speċjalment wara li Čeč għamel l-iskoperta tiegħu fl-1818. Is-sena taʼ wara, l-għerien infetħu għall-pubbliku. Iżda kien wara li għaddew il-ferrovija fl-1872 u d-dawl elettriku fl-1884 li ħafna nies setgħu jaraw b’għajnejhom stess dawn il-meravilji naturali. X’raw?
Illum is-sistema t’għerien f’Postojna hija magħrufa għall-passaġġi sbieħ tagħha. Il-kuluri ħajjin u l-figuri mhux tas-soltu taʼ l-istalattiti u l-istalagmiti jagħtu lill-passaġġi taʼ l-għerien dehra taʼ ġojjelli. Biċċiet minnhom ileqqu qishom miksijin bid-djamanti, waqt li oħrajn jitfgħu sfumaturi sbieħ taʼ lewn isfar u aħmar. Kitbiet mal-ħitan juru li l-viżitaturi tal-passat ukoll tpaxxew bil-ġmiel uniku taʼ l-għerien.
Skoperta taʼ Speċi Ġodda
Fl-esplorazzjoni taʼ dawn l-għerien immensi ma nstabux biss formazzjonijiet rari fil-blat iżda wkoll għamliet taʼ ħajja li qabel ma kinux jafu bihom. Sal-ġurnata taʼ llum, instabu iktar minn għaxar speċi ġodda fis-sistema t’għerien f’Postojna.
Čeč għamel waħda minn dawn l-iskoperti fl-1831, li ferħu biha dawk kollha li jistudjaw l-għerien minn madwar id-dinja kollha. Čeč skopra ħanfusa taʼ l-għerien mhix tas-soltu, li semmewha Leptodirus hohenwarti, li tfisser “t’għonqha dejjaq.” Kif jindika isimha, l-għonq taʼ din il-ħanfusa hu rqiq. Għandha wkoll rasha żgħira, żaqqha minfuħa, u antenni u saqajn twal ħafna. Sfortunatament, l-ispeċi inizjali nqasmet aċċidentalment u ma setax isir studju fil-fond fuq din l-ispeċi qabel ma nstabet ħanfusa oħra bħalha 14-il sena wara.
Ħlejqa stramba oħra li nstabet f’dan il-post hija l-olm, tip taʼ gremxula għamja li tgħix fl-ilma. Lura fl-1689, Valvasor irrefera għaliha bħala ‘nisel id-dragun.’ Din il-ħlejqa ċkejkna li tgħix kemm fuq l-art u kemm fl-ilma (anfibju) ilha ħafna tiġi studjata mix-xjenzati.
Għerien fil-Qrib
L-għerien taʼ Postojna huma biss waħda mill-ħafna sistemi t’għerien f’dan ir-reġjun. L-Għar Škocjan li jinsab qrib u li ilu fil-Lista tal-Wirt Dinji taʼ l-UNESCO mill-1986, huwa straordinarju b’mod speċjali. Il-viżitaturi li jiġu jaraw din is-sistema t’għerien jibqgħu skantati bil-kobor enormi tal-kaverni u l-abbissi. Jintqal li huma l-akbar fl-Ewropa. Per eżempju, parti mis-sistema taʼ l-għerien hija twila 300 metru, wiesgħa 100 metru, u għolja 110 metri!
Għassa mad-daħla taʼ l-Għar Predjama hemm fortizza kbira fejn kien joqgħod il-kavallier leġġendarju Erazem Jamski. Jintqal li għal sekli sħaħ il-kastell kien taʼ sfida għall-invażuri. Il-provvisti kienu jitwasslu minn ġo passaġġi sigrieti taħt l-art li kienu jagħtu għall-kaverna taʼ taħt il-kastell. Skond l-istorja, Erazem sfida lill-attakkanti billi kien iwaddbilhom iċ-ċirasa friska jew il-laħam mixwi biex jurihom li ma kienx nieqes mill-provvisti waqt li kien ristrett bejn is-swar tal-kastell. Kemm l-istorja hi vera ma nafux, iżda l-passaġġi sigrieti huma realtà viżibbli.
L-esplorazzjoni tad-dinja affaxxinanti taʼ l-għerien f’dan ir-reġjun karst tistaʼ ġġib ħafna sorpriżi sbieħ mhux mistennija. Henry Moore, skultur famuż mad-dinja kollha, iddeskriva l-Għar taʼ Postojna, billi qal: “Din hi l-aqwa esibizzjoni taʼ l-iskultura tan-Natura li qatt rajt.” Jekk ikollok l-opportunità li tmur tarah, għandek mnejn taqbel miegħu.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 24]
Il-“Ħuta Umana”
Proteus anguinus hija magħrufa lokalment bħala l-ħuta umana minħabba l-kulur mhux tas-soltu tal-ġilda tagħha, li tfakkar lil xi wħud fil-ġilda tal-bnedmin. Dan l-annimal bl-għadam, li jgħix kemm fuq l-art kif ukoll fl-ilma (anfibju), jinsab biss fl-ilma taʼ taħt l-art tar-reġjun karst fil-grigal taʼ l-Italja, is-Slovenja, u lejn in-nofsinhar. Il-ġilda bla kulur u l-għajnejn nexfin tiegħu m’humiex taʼ żvantaġġ, ladarba jgħix fi dlam totali minn meta jkun fil-bajda sa ma jmut. Ħaġa taʼ l-iskantament hi li ġie rapportat li wħud minnhom jgħixu anki sa 100 sena, u dan l-anfibju jistaʼ jibqaʼ ħaj għal għadd taʼ snin mingħajr ikel.
[Sors]
Arne Hodalic/www.ipak.org
[Stampa f’paġna 24]
1. Kaverna fl-għerien Škocjan hi għolja 110 metri
2. Hemm fortizza għassa mad-daħla taʼ l-Għar Predjama
3. L-għerien taʼ Postojna saru rinomati mad-dinja kollha
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 23]
Arne Hodalic/www.ipak.org