Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Benefiċċji li Jiġu meta Toqgħod Taqra lit-Tfal

Il-Benefiċċji li Jiġu meta Toqgħod Taqra lit-Tfal

Il-​Benefiċċji li Jiġu meta Toqgħod Taqra lit-​Tfal

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​POLONJA

L-​organizzaturi tal-​kampanja annwali “Il-​Polonja Kollha Taqra lit-​Tfal” qalu: “Il-​qari hu ċ-​ċavetta kemm taʼ l-​għarfien u kemm taʼ l-​abbiltà intelletwali. . . . Dan jagħmilha possibbli biex jinkiseb it-​teżor tal-​ħsieb u taʼ l-​għarfien tal-​bniedem.” Jekk dan huwa minnu, ħafna adulti u tfal għala jikkunsidraw il-​qari bħala xi ħaġa li għandhom jagħmluha imma li ma jiħdux pjaċir jagħmluha?

Dawk li bdew din il-​kampanja qalu: “Id-​drawwa tal-​qari u l-​imħabba għall-​kotba għandhom jiġu stabbiliti fl-​infanzja.” Huma jgħidu lill-​ġenituri: “Jekk trid li t-​tfal tiegħek ikunu għaqlin u jkollhom suċċess fl-​iskola u fil-​ħajja, aqralhom kuljum għal 20 minuta.”

Il-​ġenituri huma inkuraġġiti wkoll biex ma jipposponux il-​qari lit-​tfal tagħhom imma biex “jibdew malajr kemm jistaʼ jkun.” Meta? “Ejja naqrawlhom lit-​trabi tagħna, inżommuhom f’dirgħajna, inħarsu lejhom bl-​imħabba, u nqanqlu l-​interess tagħhom bil-​vuċi tagħna,” il-​ġenituri hekk huma mħeġġin biex jagħmlu. “B’dan il-​mod tinbena rabta dejjiema bejn il-​qari u sentimenti taʼ sigurtà, pjaċir, u intimità. Flimkien maʼ dan, il-​qari jistimula l-​iżvilupp mentali tagħhom.”

L-organizzaturi tal-​kampanja jenfasizzaw li “l-​qari lit-​tfal issa hu iktar importanti minn qatt qabel,” u jenfasizzaw benefiċċji oħra. Il-​qari jgħallem lit-​tfal kif jaħsbu, “jgħinhom jifhmu lil nies oħra, id-​dinja, u lilhom infushom, . . . iqanqal fihom l-​interess, jiżviluppa l-​immaġinazzjoni, jistimula żvilupp emozzjonali, jikkultiva s-​sensittività u l-​empatija, jgħallimhom valuri morali, . . . u jibni l-​fiduċja fihom infushom.” M’għandniex xi ngħidu, huwa “l-​kura kontra ħafna influwenzi koroh . . . li jheddu l-​moħħ u l-​qalb tat-​tfal,” jikkonkludu dawk li jmexxu l-​kampanja.

Sabiex il-​qari jkun effettiv b’mod speċjali, għandhom jintużaw pubblikazzjonijiet li jgħinu liż-​żgħar jersqu qrib lejn il-​Ħallieq tagħhom tas-​smewwiet. Il-​Bibbja hija l-​aqwa ktieb li jeżisti biex jgħinna nersqu qrib lejn Alla. ‘Minn mindu kien tarbija,’ tgħid il-​Bibbja, iż-​żagħżugħ Timotju kien ġie mgħallem “il-​kitba qaddisa.” (2 Timotju 3:​15) Fi programm taʼ qari lit-​tfal, il-​ġenituri jistgħu jinkludu kotba bbażati fuq il-​Bibbja bħal Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja u Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir, miktubin speċjalment għaż-​żgħar u pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.