Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Ngħidlu X’Qed Inħoss?

Kif Nistaʼ Ngħidlu X’Qed Inħoss?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Ngħidlu X’Qed Inħoss?

“Nixtieq inkun naf ir-​risposta tal-​mistoqsija, Il-​ġuvni jew it-​tfajla għandha tistqarr imħabbitha?”—Laura. a

JISTAʼ jkun xi ħadd li għadek tiltaqaʼ miegħu jew forsi xi ħadd li ilek tafu​—u int tixtieq li jkun iktar milli sempliċement ħabib. Int konvinta li hu jħossu l-​istess imma jibżaʼ jew mistħi wisq biex jgħidlek. Għalhekk qed tikkunsidra jekk ikunx għaqli li int tieħu l-​ewwel pass. b

Qabel ma nidħlu f’iktar dettalji, l-​ewwel għandna naħsbu dwar kif iħossuhom dawk taʼ madwarek​—dawk fil-​familja u fil-​komunità tiegħek. Per eżempju, hija d-​drawwa lokali li l-​ġenituri tiegħek isibulek sieħeb? c Huwa minnu li forsi int tħoss li l-​għerusija u ż-​żwieġ huma kwistjonijiet persunali. Madankollu, il-​Kristjani jipprovaw jevitaw li joffendu lil oħrajn bla bżonn. Għandhom ukoll jikkunsidraw is-​sentimenti tal-​membri tal-​familja u t’oħrajn li jħobbuhom.

Madankollu, f’ħafna pajjiżi llum hija xi ħaġa normali li persuni jagħżlu huma lil min se jitgħarrsu qabel jiddeċiedu jekk jiżżewġux. Tkun qed tagħmel xi ħaġa ħażina jekk it-​tfajla tieħu l-​inizjattiva u tesprimi interess romantiku fil-​ġuvni? Għal darb’oħra, għandhom jiġu kunsidrati s-​sentimenti tal-​familja u tal-​komunità. Se jaħsad jew joffendi lil diversi wħud dan il-​pass?

X’tgħid iktar il-​Bibbja dwar il-​mistoqsija jekk mara għandhiex tieħu l-​inizjattiva? Fi żminijiet Bibliċi, Rut, mara li kellha l-​biżaʼ t’Alla, avviċinat raġel jismu Bogħaż biex tistaqsih biex jiżżewwiġha. U Alla Ġeħova bierek l-​isforzi tagħha! (Rut 3:​1-13) M’għandniex xi ngħidu, Rut ma kinitx tifla żgħira; kienet armla, u ovvjament t’età kbira biżżejjed biex tiżżewweġ. U lanqas m’aġixxiet b’nuqqas taʼ serjetà jew qagħdet titkessaħ maʼ Bogħaż. Minflok, hi segwiet mill-​qrib il-​liġijiet t’Alla dwar iż-​żwieġ.​—Dewteronomju 25:​5-10.

Forsi int għandek età kbira biżżejjed biex tikkunsidra ż-​żwieġ, u hemm ċertu ġuvni li int interessata fih. Minkejja dan, li tiftaħ qalbek maʼ xi ħadd li forsi ma jħossux bl-​istess mod hija kwistjoni delikata u riskjuża. Qisek ħa tpoġġi qalbek f’idejn ħaddieħor. Se jittrattaha b’tenerezza jew se jwaqqagħha maʼ l-​art? L-​aħjar mod biex tevita umiljazzjoni bla bżonn jew li tweġġaʼ l-​emozzjonijiet tiegħek hu li ssegwi l-​prinċipji Bibliċi.

Aġixxi bil-​Għaqal

Huwa faċli li tibda toħlom dwar l-​imħabba li għandek lejn xi ħadd. Forsi anki tibda timmaġina l-​ġurnata tat-​tieġ tiegħek u l-​ħajja taʼ wara. Madankollu, filwaqt li tistaʼ tieħu pjaċir b’ħolm bħal dan, huwa biss fantasija. Jistaʼ jipproduċi fik xewqat qawwijin li ma tistax tissodisfahom. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “it-​tama mtawwla tmarrad il-​qalb.” (Proverbji 13:12) Il-​fantasiji jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-​ġudizzju tiegħek. Madankollu, Proverbji 14:15 jgħid: “Min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” Li wieħed ikun moħħu jilħaqlu jfisser li jkollu sens komun u jkun għaqli. Kif tistaʼ turi l-​għaqal fejn tidħol l-​imħabba?

L-​ewwelnett, ipprova aġixxi “bi ħsieb.” (Proverbji 13:16) Bħalma qalet waħda tfajla, “ma tistax verament tħobb lil xi ħadd qabel ma ssir tafu.” Qabel ma toffri qalbek lil xi ħadd, oqgħod attenta għal dak li jagħmel u kif jitkellem. Innota kif jittratta lil oħrajn. “Staqsi lil sħabu dwaru, lil nies adulti li jafuh sew,” jissuġġerixxi wieħed ġuvni. “Jitkellmu tajjeb dwaru” dawk fil-​kongregazzjoni Kristjana tiegħu? (Atti 16:2) Tfajla oħra jisimha Isabel tissuġġerixxi wkoll li “toħorġu fi grupp u ssir taf lill-​familja tiegħu għax dan jistaʼ jkun t’għajnuna.” Meta toħorġu fi grupp tistaʼ tosservah mingħajr ma tkun taħt ħafna pressjoni.

Biex issir taf lil xi ħadd b’dan il-​mod jirrikjedi l-​ħin u l-​paċenzja. Imma se jgħinek tara attitudnijiet, karatteristiċi, u kwalitajiet li jew se jsaħħu s-​sentimenti tiegħek jew se jbiddluhom. Proverbji 20:11 jgħid: “Mqar tifel [jew ġuvni] jingħaraf minn għemilu, jekk hux safi u tajjeb f’imġibtu.” Iva, eventwalment l-​azzjonijiet tiegħu se juru dak li hu minn ġewwa.

Għalhekk, uri l-​għaqal billi twarrab it-​tentazzjoni li tgħaġġel u turi s-​sentimenti tiegħek qabel il-​waqt. Jekk tgħaġġel u hu jwieġeb b’mod favorevoli, iktar tard forsi ssib li m’huwiex sieħeb addattat għaż-​żwieġ. d Wara li tkun ikkommettejt ruħek, jekk twaqqaf ir-​relazzjoni forsi tweġġaʼ s-​sentimenti tal-​ġuvni​—forsi anki b’mod profond.

L-​Impressjoni li Tagħti

Forsi dan il-​ġuvni qed josserva lilek ukoll! Qiegħda tippreżenta lilek innifsek b’tali mod li jispikkaw il-​kwalitajiet divini tiegħek? “Jien innotajt li ħafna tfajliet ma jilbsux b’mod xieraq,” tgħid Isabel. “Jekk trid li jinnotak individwu spiritwali, għandek tilbes b’mod modest.” Minkejja dak li forsi tgħid id-​dinja tal-​moda, jekk tiżżejjen “bi lbies addattat, bil-​modestja u b’moħħ f’loku,” raġel li għandu kwalitajiet divini iktar se jinġibed lejk.​—1 Timotju 2:9.

Il-Bibbja tinkuraġġixxi wkoll lill-​Kristjani żgħażagħ biex ikunu “t’eżempju . . . fil-​kliem.” (1 Timotju 4:​12) Il-​mod kif titkellem jikxef ħafna dwarek. X’għandek tagħmel meta jiġuk opportunitajiet biex titkellem mal-​ġuvni li għandek grazzja miegħu? Jekk hu mistħi, forsi jħossu skomdu u mifxul. Tfajla jisimha Abbie tgħid, “Forsi int ikollok tibda l-​konversazzjoni biex tara kif hu jirreaġixxi.”

Kif? Jekk tiħodlu rasu titkellem dwarek innifsek, forsi jikkonkludi li int persuna egoista u vojta. Il-​Bibbja tagħtik il-​parir biex ma ‘tfittixx l-​interessi persunali tiegħek biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.’ (Filippin 2:4) Jekk tistaqsih xi ftit mistoqsijiet xierqa dwaru jew dwar xi jħobb forsi hu jħossu iktar komdu biex jitkellem.

Dan żgur mhux żmien li tuża “xufftejn giddieba” jew ‘ilsien qarrieq’ billi tfaħħru żżejjed. (Salm 120:2) Ġuvni għaref se jinduna li kliem bħal dan mhux sinċier. Fl-​istess ħin, evita li tgħid affarijiet għax taħseb li dak hu li jixtieq jismaʼ. Dan huwa minnu speċjalment jekk il-​konversazzjoni ssir iktar serja u tibdew tiddiskutu affarijiet bħall-​miri spiritwali tagħkom. Dejjem kun naturali, billi tkun sinċiera, onesta, u ġenwina. B’dan il-​mod biss tistgħu tkunu tafu jekk il-​ħajjiet tagħkom humiex mexjin fl-​istess direzzjoni.

Jekk Ma Jkunx Hemm Respons

Però, xi ngħidu jekk minkejja dawn l-​isforzi diskreti, hu ma juri ebda sentimenti romantiċi? Forsi għaddew diversi ġimgħat​—jew xhur—u xorta għadu m’hux qed juri interess fik. Għandek taħseb li qed jaġixxi hekk sempliċement għax qed jistħi? Forsi tajjeb tistaqsi lilek innifsek: ‘Jekk hu verament daqstant timidu, lest għaż-​żwieġ? Jekk niżżewġu, ikun kapaċi jieħu t-​tmexxija bħala l-​kap tal-​familja, jew jistenna li jien nieħu t-​tmexxija?’ (1 Korintin 11:3) Mistoqsija oħra li għandek taħseb dwarha hi, ‘Hu verament mistħi jew sempliċement mhux interessat fija b’mod romantiku?’ Din taʼ l-​aħħar forsi hi konklużjoni diffiċli biex tasal għaliha. Imma jekk tiffaċċjaha tistaʼ tevita l-​umiljazzjoni taʼ li tikxef is-​sentimenti romantiċi tiegħek lil xi ħadd li ma jħossux kif tħossok int.

Forsi tħoss li int rajt evidenza taʼ interess romantiku. Tħoss li hu sempliċement qed jiħodha wisq bil-​lajma biex jesprimi kif iħossu u kieku b’daqsxejn inkuraġġiment jaġixxi. Jistaʼ jkun. Imma jekk int tiddeċiedi li tieħu l-​inizjattiva, għandek tirrealizza li dan jistaʼ jkun taʼ riskju. Għandek taħseb sew mhux biss dwar dak li għandek tgħid imma wkoll dwar meta l-​aħjar li tgħidu.

Per eżempju, forsi tiddeċiedi li jekk tindikalu li tixtieq l-​attenzjoni tiegħu jkun aħjar milli taqbad u tgħidlu li “tħobbu.” F’ambjent rilassat u addattat, tistaʼ sempliċement tgħidlu li tixtieq issir tafu aħjar. Tinkwetax jekk l-​espressjonijiet tiegħek jinstemgħu daqsxejn xotti. Is-​sentimenti sinċieri wara l-​kliem jistgħu jgħidu ħafna iktar mill-​kliem stess. Ftakar ukoll, int qed tesprimi xewqa li tibdew toħorġu flimkien, mhux qed tistaqsih biex tiżżewġu. Minkejja dan, hu forsi jinħasad, għalhekk agħtih daqsxejn ħin biex jifhem dak li tkun għedtlu.

Jekk int verament issir taf lil dan il-​ġuvni u rajt b’għajnejk stess li hu qalbu tajba u jagħder, m’għandikx għalfejn tinkwieta li se jaġixxi b’mod kattiv jew li se jumiljak. Imma kif għandek taġixxi jekk ir-​risposta tiegħu, għalkemm jgħidha bil-​ħlewwa, tkun le? U ġuvni kif għandu jaġixxi f’din is-​sitwazzjoni? Artiklu fil-​futur se jikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Għalkemm dan l-​artiklu hu indirizzat lit-​tfajliet, ġuvintur u oħrajn li qed jikkunsidraw l-​għerusija se jsibu l-​pariri Skritturali taʼ benefiċċju wkoll.

c Żwiġijiet fejn il-​ġenituri jagħżlu lil min se tiżżewweġ mhux bilfors jirriżultaw f’nuqqas taʼ kuntentizza. Per eżempju, fi żminijiet Bibliċi ż-​żwieġ taʼ Iżakk u Rebekka kien wieħed bħal dawn, u Iżakk sar ‘iħobbha.’ (Ġenesi 24:67) X’nitgħallmu minn dan? Tkunx ħafif biex twarrab drawwiet lokali sakemm dawn ma jmorrux kontra l-​liġi t’Alla.​—Atti 5:​29.

d Il-kapitli 28 sa 31 tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu​—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, jistgħu jgħinuk tagħraf jekk xi ħadd ikunx lest għaż-​żwieġ.

[Stampa f’paġna 22]

Jekk tosserva kif jaġixxi, forsi s-​sentimenti tiegħek għalih jinbidlu

[Stampa f’paġna 22]

Jekk int interessat f’xi ħadd b’mod romantiku, tkellem m’adulti responsabbli li jafuh