L-Obeżità—Hija Verament Problema?
L-Obeżità—Hija Verament Problema?
“L-obeżità fl-adoloxxenti qisha epidemija.”—S. K. Wangnoo,
kap konsulent taʼ l-endokrinoloġija taʼ l-Isptar Indraprastha Apollo, f’Delhi, l-Indja.
BĦALMA jgħid il-kumment t’hawn fuq, ħafna familji Indjani tal-klassi medja qallbu għal stil taʼ ħajja li qed jirriżulta f’obeżità fost iż-żgħażagħ. Din l-epidemija qed tinfirex maʼ ħafna pajjiżi minħabba li iktar u iktar nies qed jagħmlu inqas eżerċizzju u qed jieklu ikel li mhux tajjeb għas-saħħa. Konsulent fil-mediċina taʼ l-adoloxxenti qal: “Il-ġenerazzjoni li jmiss [fil-Britannja] se tkun . . . l-iktar waħda li tbati bl-obeżità fl-istorja tal-bniedem.” Il-Guardian Weekly irrapportat: “Xi darba l-obeżità kienet problema taʼ l-adulti. Issa l-Britannja għandha ġenerazzjoni taʼ żgħażagħ li, minħabba d-drawwiet tagħhom taʼ l-ikel u l-istil taʼ ħajja sedentarju, jispiċċaw bi problemi li dehru l-ewwel fl-Istati Uniti. L-obeżità fit-tul twassalhom biex jimirdu b’mard bħad-dijabete, il-mard tal-qalb u l-kanċer.”
L-awturi tal-ktieb Food Fight jgħidu: “L-ikel u x-xorb żejjed ħadu l-post tal-malnutrizzjoni bħala l-problema ewlenija taʼ l-ikel madwar id-dinja.” Don Peck, li kiteb f’The Atlantic Monthly, jgħid: “Madwar disaʼ miljun Amerikan issa qed ibatu minn ‘obeżità li twassal għall-mard.’ Dawn l-uħud ikunu jiżnu madwar 45 kilo iktar milli suppost.” Il-problemi fis-saħħa marbutin mal-piż iwasslu għal 300,000 mewt prematura fis-sena fl-Istati Uniti, “iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra minbarra t-tipjip.” Peck kompla: “L-obeżità dalwaqt tgħaddi l-ġuħ u l-mard infettiv bħala l-akbar problema taʼ saħħa tan-nies madwar id-dinja.” Għalhekk, min jistaʼ jinjora t-theddida taʼ l-obeżità? Fil-ktieb Eat, Drink, and Be Healthy (Kul, Ixrob, u Ibqaʼ f’Saħħtek) it-tabib Walter C. Willett jikteb li wara t-tipjip, il-piż tal-ġisem huwa t-tieni l-iktar fattur importanti li se jeffettwalek is-saħħa futura tiegħek. L-iktar kelma importanti hawnhekk hija s-saħħa futura.
Xi Tfisser l-Obeżità?
Persuna meta tkun kunsidrata li tbati mill-obeżità u mhux sempliċement għandha piż żejjed? Il-klinika Mayo f’Rochester, Minnesota, fl-Istati Uniti, tgħid: “Bażikament, l-obeżità tfisser li jkollok piż żejjed estremament minħabba xaħam żejjed.” Iżda kif tiddetermina x’inhu l-piż żejjed għal kull persuna? It-tabelli tat-tul u l-piż jistgħu jagħtu indikazzjoni taʼ jekk persuna għandhiex sempliċement piż żejjed jew tbatix bl-obeżità. (Ara t-tabella f’paġna 5.) Madankollu, dawn ma jinkludux id-differenzi taʼ kif inhu magħmul il-ġisem. Il-klinika Mayo tgħid: “Dak li jindika jekk għandikx il-problema taʼ l-obeżità m’huwiex il-piż iżda x-xaħam fil-ġisem.” Per eżempju, atleta aktarx ikollu iktar piż minħabba t-toqol tal-muskoli jew l-istruttura taʼ l-għadam. X’inhuma r-raġunijiet bażiċi għall-piż żejjed jew l-obeżità? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti din il-mistoqsija.