Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħajja fil-Biżaʼ

Ħajja fil-Biżaʼ

Ħajja fil-​Biżaʼ

ROXANA * tibżaʼ tgħid lir-​raġel tagħha li tixtieq issib impjieg part-time. Meta talbitu jagħtiha l-​flus għal tal-​linja biex tmur tara lil ommha, hu lagħbilha daqqa sew, tant li kellha bżonn kura medika. Hi tgħix kontinwament fil-​biżaʼ.

Rolando qabel kien iħalli lil martu tuża t-​trasport pubbliku biex tmur lura d-​dar bil-​lejl, imma issa sar jgħaddi għaliha bil-​karozza. Tant qed ikun hemm rapporti taʼ vjolenza f’dawk l-​inħawi li jibżaʼ li jiġrilha xi ħaġa.

Haidé taħdem fil-​qalba tal-​belt kapitali. Darba, waqt li kienet sejra lura d-​dar, inqabdet f’nofs marċ taʼ protesta li spiċċa bil-​vjolenza. Issa kull darba li tismaʼ xi dimostranti għaddejjin, jaqbadha paniku sħiħ. Hi tgħid: “Inħoss li qiegħda fil-​periklu. Ma nixtieqx nibqaʼ naħdem hawnhekk. Imma ma nistax nagħmel mod ieħor.”

Roxana, Rolando, u Haidé huma effettwati mill-​biżaʼ—u dan mhux biss f’xi emerġenza. Il-​biżaʼ jeffettwahom il-​ħin kollu. Meta n-​nies ikollhom jgħixu fil-​biżaʼ, dawn għandhom mnejn iħossuhom bla enerġija. Il-​biżaʼ jistaʼ jisirqilhom il-​ferħ għaliex ma jħallihomx jagħmlu dak li jixtiequ. Il-​biżaʼ jistaʼ jiddomina l-​ħsieb tagħhom u ma jħallihomx jikkonċentraw fuq affarijiet oħra.

Ħajja fil-​biżaʼ hija stressanti ferm. Spiss twassal għal dipressjoni u tistaʼ tirrovinalna saħħitna. “L-​istress jeqred is-​sistema taʼ l-​immunità li tipproteġina mill-​mard, u hu fattur li jikkaġuna l-​biċċa l-​kbira mill-​mard,” tispjega rivista dwar is-​saħħa. “Il-​ġisem jibda jiddeterjora qabel iż-​żmien, speċjalment l-​organi involuti. Jistgħu jiżviluppaw ukoll sintomi oħra bħal pressjoni, mard tal-​qalb u tal-​kliewi, problemi fl-​istonku u fl-​imsaren, ulċeri, uġigħ taʼ ras, nuqqas taʼ rqad, dipressjoni u ansjetà. Meta din il-​kundizzjoni tippersisti għal żmien twil, twassal għal eżawriment.”

Fid-dinja taʼ llum huwa komuni li n-​nies jgħixu fil-​biżaʼ. Qatt se naraw dinja li fiha n-​nies jistgħu jgawdu ħajja mingħajr biżaʼ?

[Nota taʼ taħt]

^ Xi ismijiet ġew mibdulin.