Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Tfal “Diffiċli” Jistgħu Jinbidlu

“Ħafna mit-​tfal diffiċli li huma taʼ l-​età li jmorru l-​iskola primarja joħorġu mill-​problemi tagħhom meta jikbru,” tgħid The Sydney Morning Herald. “Huma jistgħu jsiru adoloxxenti bilanċjati.” L-​Istitut Awstraljan taʼ l-​Istudju tal-​Familja għamel riċerka u ra l-​progress taʼ 178 tifel u tifla li fl-​età taʼ madwar 11 jew 12-il sena wrew tlieta jew iktar minn dawn il-​karatteristiki, bħal per eżempju kienu aggressivi ħafna, ma kinux jikkooperaw, ma kellhomx kontroll fuqhom infushom, ma kinux kapaċi jiffokaw fuq xogħolhom, ma kienx ikollhom kwiet (hyperactive), u kienu jbatu minn ħafna burdati. Sitt snin wara, l-​imġiba taʼ 100 minn dawk iż-​żgħażagħ kienet kważi l-​istess bħal taʼ grupp taʼ żgħażagħ li kienu jaġixxu b’mod iktar rilassat. X’kien dak li għenhom jinbidlu? Ir-​rapport jgħid li t-​tfal li saru adoloxxenti kuntenti kienu dawk li m’għamluhiex maʼ kumpanija ħażina u wkoll wisq probabbli kellhom iktar superviżjoni mill-​ġenituri tagħhom.

Jaħdmu Meta Jkunu Ma Jifilħux

It-​Telegraph, gazzetta fuq l-​Internet fil-​Britannja, tgħid li “n-​nies li jisforzaw lilhom infushom biex imorru x-​xogħol avolja jkunu ma jifilħux,” jistgħu jkunu qed iżidu ċ-​ċans li jaqbadhom mard tal-​qalb. Ix-​xjenzati fil-​University College f’Londra studjaw id-​dokumenti tas-​saħħa u l-​attendenza tax-​xogħol fuq medda t’għaxar snin taʼ iktar minn 10,000 individwu li jaħdmu mal-​gvern f’Londra. Bejn 30 u 40 fil-​mija mill-​ħaddiema li ma joqogħdux id-​dar jistrieħu meta jkunu ma jifilħux​—saħansitra anki meta jkollhom riħ komuni—“jirdoppjaw iċ-​ċans li jiżviluppaw mard tal-​qalb fis-​snin taʼ wara,” qal Sir Michael Marmot, id-​direttur taʼ l-​istudju.

L-​Iktar Kelma Diffiċli biex Tiġi Tradotta fid-​Dinja

“L-​iktar kelma diffiċli fid-​dinja biex tiġi tradotta hija identifikata bħala ‘ilunga’ li ġejja mil-​lingwa Tshiluba,” li hi mitkellma fir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo, jgħid il-​BBC News. Mill-​għażla taʼ kliem li kien hemm, din il-​kelma kienet il-​waħda li qalgħet l-​iktar voti bħala l-​iktar kelma diffiċli fost l-​istħarriġ li sar minn eluf taʼ lingwisti. Ilunga tfisser “individwu li huwa lest li jaħfer kwalunkwe offiża li ssir l-​ewwel darba, li jittolleraha t-​tieni darba, imma li ma jaħfirhiex it-​tielet darba.” Kelma diffiċli oħra kienet naa, kelma Ġappuniża li hi użata biss “fl-​inħawi Kansai fil-​Ġappun biex tenfasizza l-​istqarrija taʼ xi ħadd jew biex taqbel miegħu.” Skond Jurga Zilinskiene, direttriċi taʼ l-​aġenzija tat-​traduzzjoni u l-​interpretazzjoni li rranġat biex isir dan l-​istħarriġ, “in-​nies kultant jinsew li l-​interpretu . . . irid jittraduċi mhux biss minn lingwa għal oħra imma minn kultura għal oħra, [u] kultant, l-​idea ekwivalenti sempliċement ma tkunx teżisti fiż-​żewġ kulturi.”

Il-​Qari għall-​Gost Jgħin lill-​Istudenti Jġibu Riżultati Aħjar

Il-​gazzetta Milenio taʼ Mexico City tgħid li individwu iktar se jġib marki aħjar jekk jaqra għall-​gost milli mill-​istudju għal sigħat sħaħ, l-​edukazzjoni tal-​ġenituri, l-​użu tan-​noti li jkun ħa fil-​klassi, jew l-​użu tal-​kompjuter. Studju li sar dwar mijiet t’eluf taʼ testijiet li saru biex l-​istudenti jkunu jistgħu jidħlu fl-​iskejjel jindika li dawk l-​istudenti li jiddedikaw ħin kemm għall-​istudju taʼ l-​iskola u kemm għall-​qari għall-​gost għandhom iktar ċans li jirnexxu fl-​iskola. Il-​kotba li l-​istudenti jagħżlu biex jaqraw m’għandhomx għalfejn ikunu dwar suġġetti li jistudjaw l-​iskola imma għandhom mnejn jinkludu dawk li sempliċement jieħdu pjaċir bihom bħal bijografiji, kotba tal-​poeżiji, u kotba fuq suġġetti xjentifiċi. Mill-​banda l-​oħra, ir-​rapport juri li l-​istudenti li jqattgħu ħafna sigħat jaraw it-​TV kuljum, minflok ma joqogħdu jaqraw, iġibu marki baxxi.