Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħelsien mill-Biżaʼ Huwa Possibbli?

Ħelsien mill-Biżaʼ Huwa Possibbli?

Ħelsien mill-​Biżaʼ Huwa Possibbli?

JISTAʼ xi ħadd li qed jgħix fid-​dinja perikoluża taʼ llum ikun ħieles kompletament mill-​biżaʼ? Ma tantx. Anki nies li għandhom fidi f’Alla jiffaċċjaw perikli li jikkaġunaw l-​ansjetà. Per eżempju, fl-​ewwel seklu E.K., l-​appostlu Pawlu, li kien jivvjaġġa ħafna, semma li ġarrab nawfraġju, iffaċċja perikli mix-​xmajjar, perikli mill-​ħallelin, u perikli fil-​belt. (2 Korintin 11:​25-28) L-​istess illum, il-​biċċa l-​kbira minna jkollna niffaċċjaw sitwazzjonijiet taʼ periklu.

Madankollu, aħna nistgħu nieħdu prekawzjonijiet għaqlin, u jekk innaqqsu r-​riskji forsi nnaqqsu wkoll l-​ansjetajiet. Il-​Bibbja tgħid: “Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.” (Proverbji 22:3) X’inhuma xi miżuri prattiċi li għandna nieħdu?

Nieħdu l-​Prekawzjonijiet

Hu interessanti li għalkemm il-​Bibbja nkitbet ħafna żmien ilu, fiha nsibu ħafna prinċipji li għadhom japplikaw biex nevitaw il-​perikli llum. Per eżempju, il-​Bibbja tgħid: “L-​għaref għajnejh f’wiċċu, iżda l-​iblah jimxi fid-​dlam.” (Koħèlet 2:​14) Jagħmel sens li toqgħod attent min ikun hemm madwarek u kemm jistaʼ jkun tevita postijiet mudlama. Jekk inhu possibbli meta tmur lura d-​dar għaddi minn toroq imdawlin tajjeb, anki jekk dan ikun ifisser li ttawwal xi ftit. Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Tnejn min-​nies aħjar minn wieħed waħdu . . . Jekk xi ħadd jaħbat għal wieħed minnhom, it-​tnejn flimkien jistgħu jrażżnuh.” (Koħèlet 4:​9, 12) Jekk tgħix fi nħawi perikolużi, tistaʼ tiftiehem maʼ xi ħadd biex jimxiha miegħek sad-​dar?

Jekk xi ħadd jattakkak, forsi b’xi arma biex jisirqek, hu għaqli li tiftakar li l-​ħajja hija iktar prezzjuża minn kwalunkwe ħaġa li jistaʼ jkollok. (Mattew 16:26) Tajjeb li tiftakar ukoll li meta jinġabru folol taʼ nies biex jipprotestaw, dawn ikunu perikolużi u ma tafx x’jistaʼ jfettlilhom.​—Eżodu 23:2.

Jekk hemm xi ħadd li qed jagħtik fastidju u jgħaddilek kummenti immorali, jgħid ċajt pastaż, jew jipprova jmissek, l-​aħjar li turih ċar u tond li ma tridx kunfidenzi żejda. Forsi jkollok bżonn titlaq minfejn tkun, bħalma għamel Ġużeppi meta mara immorali qabditu minn ħwejġu. Hu “ħarab u ħareġ ’il barra.” (Ġenesi 39:12) Jekk ma tkunx tistaʼ titlaq minfejn tkun, tistaʼ tgħidlu: “Ara ma jfettillikx!” jew “Ara ma tmissnix!” jew inkella “M’iniex qed nieħu gost b’dan id-​diskors.” Jekk tistaʼ, evita postijiet fejn huwa komuni li tistaʼ taqlaʼ fastidju.

Kif Tkampa mal-​Biżaʼ fid-​Dar

X’tistaʼ tagħmel jekk tibżaʼ minn żewġek li jkun vjolenti? Forsi jkun għaqli li tfassal pjan kif tistaʼ taħrab fil-​każ li r-​raġel jitlagħlu f’daqqa u jhedded is-​saħħa jew il-​ħajja tiegħek jew tat-​tfal. * Il-​Bibbja tirrakkonta kif Ġakobb ħejja pjan biex jaħrab fil-​każ li ħuh Għesaw juża l-​vjolenza. Kif ġraw l-​affarijiet, ma kellux bżonn jagħmel dak li ppjana, imma din kienet prekawzjoni għaqlija. (Ġenesi 32:​7-9 [32:​6-8, NW]) Il-​pjan biex taħrab għandu mnejn jinvolvi li ssib lil xi ħadd li jkun jistaʼ jilqgħek f’każ taʼ xi emerġenza. Tistaʼ tiddiskuti minn qabel maʼ din il-​persuna x’jistaʼ jkollok bżonn. Ikun għaqli li jkollok id-​dokumenti importanti u affarijiet oħra għal-​lest fejn tkun tistaʼ ssibhom faċilment.

Għażla oħra tistaʼ tkun li tirrapporta dwar l-​abbuż taʼ żewġek lill-​awtoritajiet u tfittex ilprotezzjoni tagħhom. * Il-​Bibbja tgħallem li kulħadd ikollu jiffaċċja l-​konsegwenzi taʼ l-​azzjonijiet tiegħu. (Galatin 6:7) Dwar l-​awtorità governattiva, il-​Bibbja tgħid: “Hi l-​ministru t’Alla għalik, għall-​ġid tiegħek. Imma jekk qed tagħmel il-​ħażin, ibżaʼ.” (Rumani 13:4) Wieħed li jattakka lil xi ħadd fid-​dar ikun qed jagħmel att kriminali daqslikieku qed jattakka lil xi ħadd fit-​triq. F’ħafna pajjiżi huwa att kriminali wkoll li xi ħadd jhedded persuna u jsegwiha kulfejn tmur.

Dawn il-​miżuri li ddiskutejna għandhom mnejn itaffu xi ftit mill-​biżaʼ. Imma l-​Bibbja ma toffrix biss pariri prattiċi. Hija wkoll ktieb taʼ profeziji li t-​twettiq tagħhom hu ċert u tirrivela dak li Alla qed jagħmel issa u dak li se jagħmel fil-​futur. Il-​Bibbja liema tama toffri għan-​nies li huma mġagħlin jgħixu fil-​biżaʼ?

Is-​Sinifikat taʼ l-​Atmosfera taʼ Biżaʼ

Huwa sinifikanti li l-​appostlu Pawlu kiteb: “Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, . . . mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb.” (2 Timotju 3:​1-3) Dan il-​kliem ċertament qed jiddeskrivi żminijiet tal-​biżaʼ!

Meta Ġesù tkellem dwar “tmiem is-​sistema,” hu qal: “Ġens iqum kontra ġens, u saltna kontra saltna; u jkun hemm terremoti kbar, u f’post wara l-​ieħor ikun hemm mard li jittieħed u nuqqas taʼ ikel; u jkun hemm dehriet tal-​biżaʼ u, mis-​sema, sinjali kbar.” (Mattew 24:​3, 7, 8; Luqa 21:​10, 11) Għalhekk, id-​“dehriet tal-​biżaʼ” li rajna u li qed jikkontribwixxu għal din l-​atmosfera taʼ biżaʼ li hawn illum, m’għandhomx jissorprenduna. Imma dawn xi jfissru?

Ġesù qal: “Meta taraw dawn l-​affarijiet iseħħu, kunu afu li s-​saltna t’Alla tkun qrib.” (Luqa 21:31) Fi żmienna, aħna nistgħu nistennew gvern immexxi minn Alla biex jaħkem mis-​sema fuq l-​umanità kollha. (Danjel 2:​44) Il-​ħajja kif se tkun f’dak iż-​żmien?

Ħelsien mill-​Biżaʼ!

Il-​Bibbja tiddeskrivi żmien fil-​futur mimli paċi meta ma jkunx hawn iktar gwerer, in-​nies ħżiena ma ssibhomx, u l-​art tkun mimlija b’nies li jħobbu lil Alla. Pietru, wieħed mill-​appostli taʼ Ġesù, kiteb li fil-​futur se jkun hemm “jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” Mhux se jkun hemm xi ħadd ħażin minn min nibżgħu għaliex fuq l-​art se “tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:​7, 9, 13) Immaġina x’serħan li ngħixu fost nies taʼ min jafdahom u li jħobbu lil xulxin! Dan il-​prospett jgħinna nħarsu b’lenti differenti lejn iż-​żminijiet perikolużi li għaddejjin minnhom. M’humiex se jkomplu sejrin għal dejjem.​—Salm 37:​9-11.

Għall-benefiċċju taʼ dawk li jġarrbu l-​ansjetà, Ġeħova qal lill-​profeta tiegħu: “Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: ‘Agħmlu l-​ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-​ħlas taʼ Alla wasal; Hu stess ġej biex isalvakom.’” (Isaija 35:4) B’hekk, il-​qaddejja taʼ l-​Alla l-​veru jistgħu jħarsu ’l quddiem b’fiduċja sħiħa. (Filippin 4:​6, 7) Dawk li kellhom bilfors jgħixu fil-​biżaʼ jitfarrġu ferm meta jkunu jafu li Ġeħova m’abbandunax l-​iskop oriġinali tiegħu li l-​art tkun mimlija b’nies li jafuh u li jimitaw il-​kwalitajiet taʼ mħabba tiegħu.​—Ġenesi 1:​26-28; Isaija 11:9.

Aħna nafu li xejn ma se jżomm lil Ġeħova milli jwettaq l-​iskopijiet taʼ mħabba li hu għandu għall-​umanità. (Isaija 55:​10, 11; Rumani 8:​35-39) Meta nifhmu dan, il-​kliem taʼ Salm magħruf sew jieħu tifsira speċjali. Hemmhekk naqraw: “Il-​Mulej hu r-​ragħaj tiegħi. . . . hu jrejjaqni. Imexxini fit-​triq tas-​sewwa minħabba l-​isem tiegħu. Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-​ħsara, għax inti miegħi.” (Salm 23:​1-4) Għalkemm dawn iż-​żminijiet tal-​biżaʼ jistgħu jmorru għall-​agħar, dinja ħielsa mill-​biżaʼ hija qrib u żgur li se tiġi.

[Noti taʼ taħt]

^ Biex tkun taf dwar ċirkustanzi meta separazzjoni minn sieħeb fiż-​żwieġ tkun fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja, ara Stenbaħ! tat-​8 taʼ Frar, 2002, paġna 10.

^ Rigward il-​vittmi taʼ vjolenza fid-​dar, ara l-​Awake! tat-​8 taʼ Novembru, 2001, paġni 3-12, u l-​Awake! tat-​8 taʼ Frar, 1993, paġni 3-14.

[Stampi f’paġna 8-10]

Alla dalwaqt se jġib dinja ħielsa mill-​biżaʼ