Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Ninġibed Lejn Kumpanija Ħażina?

Għala Ninġibed Lejn Kumpanija Ħażina?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Għala Ninġibed Lejn Kumpanija Ħażina?

“Kont naf li m’għandix nitħabbeb ħafna miegħu, imma għażilt li ngħalaq għajnejja. Ma ridtx nemmen li raġel ried iqattaʼ l-​ħin miegħi.”—Nancy. *

“Kont immur waħdi niskejzja fir-​rink, u ma domtx ma bdejt nissieħeb regolarment mal-​‘ħbieb’ li għamilt hemmhekk. F’qasir żmien, bdejt ngħix ħajja immorali.”​— Dan.

KEMM Nancy u kemm Dan kellhom bidu spiritwalment b’saħħtu f’ħajjithom. Nancy trabbiet f’familja li kellha l-​biżaʼ t’Alla u bdiet taqsam il-​fidi tagħha m’oħrajn minn meta kellha disaʼ snin. Dan daħal fil-​ministeru full-time meta kien adoloxxenti. Però, it-​tnejn li huma kellhom problemi serji li tefgħuhom lura fil-​ħajja spiritwali tagħhom. Għala? Involvew ruħhom maʼ kumpanija ħażina.

Ġieli bla mistenni ħassejtek miġbud lejn xi ħadd li, sinċerament, kont taf li kellu influwenza ħażina fuqek? L-​individwu setaʼ kien sieħbek tal-​klassi li kienu jogħġbuh l-​istess affarijiet—jew saħansitra xi ħadd tas-​sess oppost li kellek ġibda romantika lejh.

Probabbilment ftakart fil-​parir tal-​Bibbja: “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Imma huma dawk kollha li ma jqimux lil Ġeħova kumpanija ħażina? Xi ngħidu jekk għandhom xi kwalitajiet li jiġbduk jew li saħansitra tammirahom? Barra minn hekk, xi ngħidu għal xi ħadd li hu taʼ l-​istess twemmin imma li m’huwiex eżemplari spiritwalment? Qabel inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, ejja nikkunsidraw kif u għala tistaʼ tħoss din il-​ġibda.

Għala Tħossok Miġbud?

Ladarba l-​bnedmin kollha huma magħmulin fuq xbihat Alla, nistgħu nistennew li xi wħud li ma jafux lil Ġeħova se juru kwalitajiet sbieħ. B’riżultat taʼ dan, forsi ssib li tistaʼ tirrispetta lil ċerti nies u saħansitra tinġibed lejhom, għalkemm ma jadurawx lill-​Alla l-​veru. Għandek twarrab għalkollox lil dawn l-​uħud minħabba li ma jafux il-​veritajiet tal-​Bibbja? Lanqas xejn. Meta l-​Bibbja tagħtina l-​parir biex “nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd,” dan jinkludi lil dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin Kristjan tiegħek. (Galatin 6:10) Mela l-​fatt li toqgħod attent meta tagħżel il-​ħbieb tal-​qalb tiegħek ma jfissirx li għandek taġixxi daqslikieku int superjuri għal ħaddieħor. (Proverbji 8:13; Galatin 6:3) Din l-​imġiba kieku tirrifletti ħażin fuq it-​twemmin Kristjan tiegħek.

Madankollu, xi żgħażagħ Kristjani għamlu iktar milli sempliċement kienu dħulin; huma fformaw rabtiet mill-​qrib maʼ individwi li għandhom ftit jew xejn interess fl-​affarijiet spiritwali. Dan, li semmejnieh qabel, sar tajjeb ħafna fl-​iskejzjar. In-​nies li beda jissieħeb magħhom regolarment fir-​rink lokali ma kinux Kristjani. Maż-​żmien, Dan ngħaqad mal-​“ħbieb” ġodda tiegħu fi mġiba immorali u beda jesperimenta bid-​droga. Malli rrealizza li l-​istil taʼ ħajtu ma kienx għadu fi qbil mal-​Kristjanità, Dan abbanduna l-​ministeru tiegħu u waqaf jattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Għaddew bosta snin qabel ma reġaʼ kiseb is-​saħħa biex jagħmel il-​bidliet neċessarji ħalli jiġi lura għall-​qima vera.

Melanie ħassitha miġbuda lejn seħbitha fittwemmin li ma kinitx sejra tajjeb spiritwalment. “Qaluli li kellha bżonn ftit inkuraġġiment, u allura bdejt nissieħeb magħha,” spjegat Melanie. M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex ‘iwieżnu lid-​dgħajfin.’ (1 Tessalonikin 5:14) Imma Melanie bdiet tissieħeb mal-​ħabiba ġdida tagħha fil-​ħwienet tax-​xorb, fejn is-​sħubijiet l-​oħrajn wassluha għal imġiba taʼ tmaqdir.

L-​Irwol tal-​Familja

Is-​sitwazzjoni tal-​familja tistaʼ tikkontribwixxi għall-​ġibdiet tiegħek. Michelle kienet titħasseb dwar għala donnu kienet dejjem tinġibed lejn subien li ma jesprimux l-​emozzjonijiet tagħhom u li ma jurux konsiderazzjoni. Hi kkonkludiet li kienu jfakkruha f’missierha, li qatt ma kellha rabta mill-​qrib miegħu u li donnu qatt ma kellu ħin għaliha. Hi temmen li tant drat tfittex l-​approvazzjoni u l-​attenzjoni taʼ raġel li qatt ma kien ikun disponibbli li mingħajr ma taf ħassitha miġbuda lejn dawn it-​tip taʼ relazzjonijiet.

B’kuntrast maʼ dan, żagħżugħ imrobbi minn ġenituri Kristjani jistaʼ jkun kurjuż dwar kif jgħixu oħrajn, għaliex iħoss li l-​ġenituri tiegħu jew tagħha kienu protettivi wisq. Kemm jekk dan hu l-​każ u kemm jekk le, taħseb li hu xieraq li tpatti għal dan billi tissieħeb maʼ ‘ħbieb tad-​dinja’? (Ġakbu 4:4) Ikkunsidra xi ġralu Bill.

Għalkemm minn età żgħira ommu għallmitu l-​Iskrittura, Bill għażel li ma jiddedikax ħajtu lil Ġeħova, għaliex ħass li jekk jagħmel dan kien se jnaqqas il-​libertà tiegħu. Peress li ried isir jaf għalih innifsu kif tkun il-​ħajja ’l bogħod mill-​Kristjanità vera, hu beda jissieħeb maʼ grupp li influwenzah biex jibda jgħix ħajja taʼ drogat, bil-​vjolenza, u l-​kriminalità. Wara ġirja bil-​karozzi biex jaħrab mill-​pulizija, hu weġġaʼ u qattaʼ ħafna xhur f’koma. It-​tobba ħasbu li x’aktarx kien se jmut. B’ferħ, Bill ħareġ mill-​koma. Imma issa hu agħma u diżabilitat. Hu tgħallem mill-​esperjenza qarsa tiegħu u issa hu Kristjan dedikat. Imma Bill irrealizza wkoll li meta titgħallem bil-​qares tistaʼ tbati l-​konsegwenzi għall-​bqija taʼ ħajtek.

Influwenzi Oħra

Kultant id-​divertiment fuq il-​mezzi tax-​xandir jinfluwenza l-​ħsibijiet taż-​żgħażagħ dwar kif għandu jkun ħabib ideali. Per eżempju, ħafna kotba, programmi tat-​televixin, films, u vidjos tad-​diski jpinġu eroj li għall-​ewwel jidher żorr jew sarkastiku imma mbagħad jispiċċa biex ikollu kwalitajiet taʼ mogħdrija f’qalbu. Dan jagħti l-​impressjoni li min jidher aħrax u egoist, fil-​fatt, ikun qalbu tajba u ġentili. Iktar minn hekk, tistaʼ tingħata l-​idea li ħabib tajjeb, spiss wieħed tas-​sess oppost, huwa dak li hemm bżonn biex jiġu żviluppati dawn il-​kwalitajiet sbieħ. Huwa minnu li dan il-​ħsieb iħajjar lin-​nies ikunu jridu jixtru u jaraw dawn l-​istejjer. Però, kemm-il darba taħseb li din il-​fantasija romantika sseħħ fir-​realtà? B’sogħba, xi żgħażagħ waqgħu għal dawn il-​fantasiji taʼ ħsara u ssieħbu maʼ persuni egoistiċi u vjolenti, jew saħansitra żżewġuhom, u mbagħad stennew għalxejn li dawn “jittrasformaw” ruħhom f’persuna ġentili.

Ikkunsidra raġuni oħra għala xi wħud jinġibdu lejn kumpanija ħażina: Huma jħossu li ħadd m’għandu grazzja magħhom, u għalhekk jaċċettaw kważi lil kulmin jidher miġbud lejhom. Nancy, li semmejnieha qabel, kienet taf x’tgħid il-​Bibbja biex ‘tiżżewweġ biss fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39) Però, hi dejjem ħasset li ma kinitx attraenti, u għalhekk ħadet pjaċir meta seħibha tax-​xogħol li ma kienx taʼ l-​istess twemmin wera interess romantiku fiha. Hi bdiet toħroġ miegħu u kienet kważi daħlet fil-​periklu li tikkommetti l-​immoralità sesswali.

Bħalma juru l-​eżempji li semmejna, hemm għadd kbir taʼ raġunijiet għala Kristjan jinġibed lejn nies li huma influwenza ħażina—u jidher li hemm daqstant skużi biex tifforma ħbiberiji mill-​qrib maʼ wħud bħal dawn. Xorta waħda, dawn il-​ħbiberiji żgur li jwasslu għal riżultati taʼ niket, saħansitra diżastrużi. Għala?

Il-​Qawwa tal-​Ħbiberija

Il-​fatt hu li int issir bħal sħabek. B’dan il-​mod, dawk li nqattgħu l-​ħin tagħna magħhom għandhom qawwa kbira fuqna u jinfluwenzawna. Proverbji 13:20 juri li din il-​qawwa tistaʼ tkun għat-​tajjeb jew għall-​ħażin: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.” Il-​ħbieb tal-​qalb, bħal tnejn min-​nies rekbin fl-​istess karozza, żgur li jieħdu l-​istess direzzjoni u jaslu fl-​istess destinazzjoni. Allura staqsi lilek innifsek: ‘Il-​ħajja li qed jgħix sieħbi hija l-​ħajja li rrid ngħix jien? Se twassalni biex nilħaq miri spiritwali?’

Huwa minnu li jistaʼ jkun diffiċli teżamina s-​sitwazzjoni bis-​sinċerità. Jistgħu jkunu involuti sentimenti qawwijin. Imma huma s-​sentimenti waħedhom gwida taʼ min joqgħod fuqha meta tiġi biex tagħżel il-​ħbieb? Forsi smajt bil-​parir li jiġi ripetut spiss, “Agħmel dak li tgħidlek qalbek.” Imma Proverbji 28:26 (Karm Żammit) jgħid: “Min jafda f’qalbu stess hu iblah: iżda min jimxi bil-​għaqal, ikun meħlus.” Għala? Għaliex “fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9; Numri 15:39) Il-​qerq ifisser li tkun żleali jew falz jew tinganna. Int lest li tafda lil xi ħadd li hu magħruf bħala qarrieqi jew traditur? Il-​qalb figurattiva tagħna tistaʼ tqarraq bina. Għalhekk, relazzjoni mhux bilfors tkun tajba sempliċement għax tħoss li hija tajba.

Gwida li tistaʼ tassew toqgħod fuqha hija l-​Kelma t’Alla. Kuntrarju għall-​qalb imperfetta tiegħek, il-​prinċipji Bibliċi qatt ma se jittraduk jew jiddiżappuntawk. Kif jistgħu l-​prinċipji tal-​Bibbja jgħinuk tiddetermina jekk xi ħadd huwiex se jkun ħabib li jibnik? U kif tistaʼ tevita li tagħmel għażla taʼ ħsara meta tagħżel ħabib għal ħajtek kollha—xi ħadd li trid tiżżewġu? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’artiklu fil-​futur.

[Nota taʼ taħt]

^ L-ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 20]

Il-​mezzi tax-​xandir jistgħu jinfluwenzaw dak li naħsbu dwar kif għandu jkun ħabib ideali