Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Tant Nies Jgħixu fil-Biżaʼ?

Għala Tant Nies Jgħixu fil-Biżaʼ?

Għala Tant Nies Jgħixu fil-​Biżaʼ?

L-​UMANITÀ hija mdawra b’atmosfera taʼ biżaʼ. Din hi xejra inviżibbli imma li tinduna biha, atmosfera li teffettwa kważi lil kulħadd, avolja spiss ħadd ma jagħti kasha. X’inhu li pproduċa din l-​atmosfera? Xi jġiegħel lil ċerti nies iħossuhom imbeżżgħin meta joħorġu minn djarhom? Għala ħafna jħossuhom fil-​periklu fuq il-​post tax-​xogħol? Għala ħafna jinkwetaw minħabba l-​perikli li jistgħu jsibu ruħhom fihom uliedhom? X’perikli jġagħlu lin-​nies jibżgħu fi djarhom stess?

M’għandniex xi ngħidu, hemm diversi affarijiet li jikkaġunaw il-​biżaʼ, imma aħna se nikkunsidraw erbaʼ perikli li jistgħu jeffettwaw kontinwament lin-​nies​—il-​vjolenza fil-​bliet, il-​fastidju sesswali, l-​istupru, u l-​vjolenza fid-​dar. L-​ewwel, ejja neżaminaw il-​vjolenza fil-​bliet. Dan is-​suġġett hu speċjalment f’waqtu issa għaliex kważi nofs il-​bnedmin jgħixu fil-​bliet.

Perikli fil-​Bliet

L-​ewwel bliet wisq probabbli nbnew għall-​protezzjoni, imma ħafna nies issa qed jaraw il-​bliet bħala postijiet perikolużi. Fejn qabel dawn kienu jitqiesu taʼ kenn issa saru tal-​biżaʼ. Iċ-​ċentri ffollati tal-​bliet joffru opportunitajiet ideali għall-​ħallelin biex jattakkaw u jisirqu lin-​nies. Barra minn hekk, f’ċerti bliet huwa perikoluż li tidħol fl-​inħawi fejn joqogħdu n-​nies foqra għax it-​toroq ma tantx ikunu mdawlin u ftit li xejn tara pulizija fihom.

Kultant in-​nies ikollhom raġun għalxiex jibżgħu; in-​numru taʼ nies li jmutu mewta vjolenti huwa kbir ħafna. Skond rapport maħruġ mill-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa, kull sena jmutu 1.6 miljun ruħ mad-​dinja kollha kaġun tal-​vjolenza. Fl-​Afrika, minn kull 100,000 ruħ, kull sena bejn wieħed u ieħor 60.9 jmutu mewta vjolenti.

Ħafna nies, postijiet, u organizzazzjonijiet li kienu meqjusa bħala bla periklu issa jidhru li huma taʼ theddida għas-​sigurtà. Per eżempju, ħafna postijiet fejn jilagħbu t-​tfal, skejjel, u ħwienet issa qed jitqiesu bħala nħawi tal-​biżaʼ li fihom iseħħu ħafna atti kriminali. F’ċerti każi mexxejja reliġjużi, ħaddiema soċjali, u għalliema​—nies li suppost jipprovdu l-​protezzjoni—ittradew lin-​nies li poġġew il-​fiduċja fihom. Rapporti li xi wħud iwettqu abbużi fuq it-​tfal iġagħlu lill-​ġenituri jaħsbuha darbtejn jekk jafdawx lil uliedhom f’idejn ħaddieħor. Il-​pulizija suppost li jipproteġu lin-​nies, imma f’ċerti bliet il-​korruzzjoni u l-​abbuż tal-​poter mill-​pulizija huma komuni. Ma tistax tħassar il-​memorja taʼ dak li wettqu l-​forzi tas-​“sigurtà” f’ċerti pajjiżi fil-​gwerer ċivili, li fihom in-​nies lanqas biss jafu x’sar mill-​maħbubin tagħhom wara li nqabdu mill-​forzi militari. Għalhekk, f’diversi partijiet tad-​dinja, il-​pulizija u s-​suldati minflok ma naqqsu l-​atmosfera taʼ biżaʼ iktar żiduha.

Il-ktieb Citizens of Fear​—Urban Violence in Latin America (Ċittadini tal-​BiżaʼVjolenza fil-​Bliet fl-​Amerika Latina) jgħid: “Iċ-​ċittadini tal-​bliet kapitali fl-​Amerika Latina jgħixu kontinwament fil-​biżaʼ, f’nofs xi wħud mill-​iktar kundizzjonijiet perikolużi fuq l-​art. F’dak ir-​reġjun vast, kull sena madwar 140 elf ruħ imutu mewta vjolenti, u wieħed minn kull tliet ċittadini safa vittma direttament jew indirettament tal-​vjolenza.” F’partijiet oħra tal-​globu wkoll, spiss isiru protesti politiċi fil-​bliet kapitali. Meta dawn il-​protesti jsiru vjolenti, ħafna nies jipprofittaw ruħhom mill-​konfużjoni biex jisirqu l-​ħwienet, u dan joħloq kaos ġenerali. In-​nies li jidħlu l-​belt b’xogħol jew b’xi qadja faċilment jinqabdu f’nofs folol irrabjati.

F’ħafna pajjiżi sar hemm differenza enormi bejn il-​livelli t’għajxien taʼ l-​għonja u tal-​foqra, u dan iqanqal sentimenti taʼ mibegħda. Għadd kbir taʼ nies li jħossuhom imċaħħdin mill-​ħtiġijiet bażiċi jidħlu u jisirqu fl-​inħawi fejn joqogħdu n-​nies sinjuri. Għalkemm dan għadu ma ġarax f’xi bliet, is-​sitwazzjoni tidher li hi bħal bomba li waslet biex tisplodi​—u ħadd ma jaf meta.

Minbarra t-​theddida tal-​ħallelin u r-​rivoluzzjonarji hemm ukoll affarijiet oħra li qed jikkaġunaw l-​ansjetà u dawn qed ikomplu jżidu maʼ l-​atmosfera taʼ biżaʼ.

It-​Terrur Minħabba Fastidju Sesswali

Miljuni taʼ nisa jgħaddu minn din l-​esperjenza kerha kuljum minħabba t-​tisfir, il-​ġesti oxxeni, u l-​ħars suġġestiv. Ir-​rivista Asia Week tgħid: “Stħarriġ juri li mara minn kull erbaʼ nisa Ġappuniżi ġiet attakkata sesswalment fil-​pubbliku, u 90 fil-​mija mill-​inċidenti seħħew fil-​ferroviji. . . . Minn dawk li jiġu attakkati tnejn fil-​mija biss jieħdu azzjoni. Il-​maġġuranza qalu li r-​raġuni prinċipali għala ma jiħdux azzjoni hi minħabba li jibżgħu mir-​reazzjoni taʼ dawk li jkunu tawhom fastidju sesswalment.”

Il-fastidju sesswali żdied b’mod konsiderevoli fl-​Indja. “Appena mara tirfes mill-​bieb ’il barra jaqbadha biżaʼ kbir,” tispjega ġurnalista minn hemmhekk. “Maʼ kull pass li tagħmel tiffaċċja umiljazzjoni kiefra flimkien maʼ ħafna rimarki indeċenti.” Minn belt fl-​Indja fejn ir-​residenti jiftaħru kemm it-​toroq tagħhom huma bla periklu jasal dan ir-​rapport: “Il-​problema [taʼ din il-​belt] m’hijiex fit-​toroq imma fl-​uffiċċji. . . . 35 fil-​mija min-​nisa li sar stħarriġ fuqhom qalu li esperjenzaw fastidju sesswali fuq il-​post tax-​xogħol. . . . 52 fil-​mija min-​nisa qalu li minħabba l-​biżaʼ li jesperjenzaw fastidju sesswali fuq il-​post tax-​xogħol jippreferu jsibu xogħol b’paga baxxa . . . fejn ikollhom kuntatt man-​nisa” biss.

Biżaʼ mill-​Istupru

Il-​biżaʼ tan-​nisa m’huwiex biss għax jitilfu d-​dinjità tagħhom. Il-​fastidju sesswali xi drabi jinvolvi theddida taʼ stupru. Bir-​raġun, għal ħafna nisa l-​istupru hu att kriminali li jbeżżagħhom saħansitra iktar mill-​qtil. F’ħakka t’għajn, mara għandha mnejn issib ruħha f’post fejn tibżaʼ li tistaʼ tiġi stuprata. Forsi tara raġel li ma tkunx tafu jew li ma tafdahx. Qalbha tibda tħabbat sitta sitta hekk kif jaqbadha paniku sħiħ biex tipprova toħroġ minn dik is-​sitwazzjoni. ‘X’se jagħmel? ’Il fejn se naħrab? Għandi nibda nwerżaq?’ Esperjenzi spissi bħal dawn iżidu l-​effetti ħżiena fuq is-​saħħa tan-​nisa. Ħafna nies jagħżlu li ma jgħixux fil-​bliet, jew inkella jippreferu li ma jżurux il-​bliet minħabba biżaʼ bħal dan.

“Il-​biżaʼ, l-​ansjetà, u n-​niket huma kollha parti mill-​ħajja taʼ kuljum taʼ ħafna min-​nisa li jgħixu fil-​bliet,” jgħid il-​ktieb The Female Fear (Il-Biżaʼ tan-​Nisa). “Il-​biżaʼ mill-​istupru jġiegħel lin-​nisa jħossu li jridu jkunu għal-​lest, attenti u għassa, u minħabba f’hekk il-​mara taqbadha tensjoni kbira u ansjetà appena tħoss lil xi ħadd miexi eżatt warajha, speċjalment bil-​lejl. Dan hu . . . biżaʼ li n-​nisa qatt ma jistgħu jeħilsu minnu totalment.”

Delitti vjolenti jeffettwaw lil ħafna nisa. Imma, il-​biżaʼ mill-​vjolenza jeffettwa tistaʼ tgħid lin-​nisa kollha. The State of World Population 2000, pubblikazzjoni tal-​Ġnus Magħquda, tgħid: “Madwar id-​dinja, minn taʼ l-​inqas waħda minn kull tliet nisa ġiet imsawta, sforzata biex tagħmel is-​sess, jew abbużata b’xi mod jew ieħor​—spiss minn xi ħadd li tafu.” Qiegħda l-​atmosfera taʼ biżaʼ tinfirex iktar? Kemm hu komuni li n-​nies jgħixu fil-​biżaʼ anki fi djarhom stess?

Biżaʼ mill-​Vjolenza fid-​Dar

Il-​vizzju taʼ xi rġiel li fil-​privat isawtu lin-​nisa tagħhom sabiex jobduhom hija inġustizzja kbira li qed isseħħ madwar id-​dinja kollha​—u kien biss dan l-​aħħar li f’ħafna pajjiżi ġie rikonoxxut bħala att kriminali. Skond rapport fl-​Indja “minn taʼ l-​inqas 45 fil-​mija min-​nisa fl-​Indja jingħataw daqqiet taʼ ħarta, bis-​sieq, jew bil-​ponn minn żwieġhom.” L-​abbuż fiżiku fiż-​żwieġ hu periklu serju għas-​saħħa fid-​dinja kollha. Rigward nisa taʼ bejn il-​15 u l-​44 sena fl-​Istati Uniti, id-​Dipartiment Federali taʼ l-​Investigazzjoni (FBI) jirrapporta li iktar nisa jsofru ġrieħi minħabba vjolenza fid-​dar milli minħabba aċċidenti bil-​karozza, attakki minn ħallelin, u stupri kollha f’daqqa. Il-​vjolenza fid-​dar għalhekk hija ferm iktar serja minn xi argument taʼ darba fill li fih il-​miżżewġin jaslu biex jagħtu xi daqqa taʼ ħarta lil xulxin. Ħafna nisa jgħixu fil-​biżaʼ li jsofru ġrieħi jew jinqatlu f’darhom stess. Stħarriġ nazzjonali li sar fil-​Kanada juri li terz min-​nisa li kienu vittmi taʼ vjolenza fid-​dar xi darba jew oħra beżgħu li se jinqatlu. Fl-​Istati Uniti, żewġ riċerkaturi waslu għall-​konklużjoni: “Id-​dar hi l-​iktar post perikoluż għan-​nisa u spiss hi l-​post fejn issir kefrija u tortura.”

Ħafna nisa għala jinsabu maqbudin f’relazzjonijiet perikolużi bħal dawn? Bosta nies forsi jgħidu: ‘Għala ma jfittxux l-​għajnuna? Għala ma jitilqux mid-​dar?’ It-​tweġiba, f’ħafna każi, hi l-​biżaʼ. Il-​biżaʼ ssejjaħ l-​iktar karatteristika li tispikka tal-​vjolenza fid-​dar. L-​irġiel li jsawtu lin-​nisa tagħhom normalment jikkontrollawhom bil-​vjolenza u mbagħad jhedduhom li joqtluhom biex ma jikxfuhomx. Anki jekk il-​mara msawta tkun kuraġġuża biżżejjed biex tfittex l-​għajnuna, mhux dejjem issibha. Anki nies li jistmerru forom oħra taʼ vjolenza, għandhom it-​tendenza li jċekknu, jinjoraw, jew jiġġustifikaw il-​vjolenza mill-​irġiel fuq in-​nisa tagħhom. Iżjed minn hekk, barra mid-​dar ir-​raġel vjolenti għandu mnejn jidher mill-​aħjar. Spiss il-​ħbieb lanqas ikunu jistgħu jemmnu li jsawwat lil martu. Ħafna nisa abbużati ma jiġux emmnuti u ma jkollhomx fejn imorru, u għalhekk iħossu li m’għandhomx għażla oħra ħlief li jgħixu kontinwament fil-​biżaʼ.

Nisa msawtin li jitilqu mid-​dar xi kultant isiru vittmi taʼ tip ieħor t’abbuż, u dan hu li jiġu mheddin minn xi ħadd li jibqaʼ jsegwihom kulfejn imorru. Fl-​Amerika taʼ Fuq reċentement sar studju fuq elf mara fl-​istat taʼ Louisiana. Dan l-​istudju wera li 15 fil-​mija minnhom irrapportaw li xi ħadd kien isegwihom kulfejn kienu jmorru. Immaġina kemm jibżgħu. Xi ħadd li jkun heddek tibqaʼ ssibu maʼ wiċċek kulfejn tmur. Iċempillek, isegwik, joqgħod għassa tiegħek, u jistenniek. Forsi saħansitra tkun qed trabbi xi annimal u joqtolhulek. Verament ġrajjiet li jkexkxuk!

Int forsi m’intix vittma taʼ dan it-​tip taʼ biżaʼ. Imma l-​biżaʼ sa liema punt jeffettwa dak li tagħmel kuljum?

Il-​Biżaʼ Jeffettwa l-​Mod Kif Taġixxi?

Peress li ngħixu f’dinja mimlija biżaʼ, forsi lanqas biss inkunu konxji dwar kemm id-​deċiżjonijiet li nieħdu kuljum huma kontrollati mill-​biżaʼ. Il-​biżaʼ kemm spiss jeffettwa l-​mod kif taġixxi?

Iġagħlek il-​biżaʼ mill-​vjolenza tevita li int jew xi ħadd mill-​familja tiegħek jiġi lura d-​dar waħdu bil-​lejl? Tibżaʼ tuża t-​trasport pubbliku? Għażilt int ċertu xogħol minħabba l-​biżaʼ mill-​perikli waqt li tivvjaġġa għax-​xogħol u lura? Jew għażilt li tagħmel ċertu xogħol għax bżajt li jkollok taħdem jew tiġi f’kuntatt maʼ ċerti nies? Qiegħed il-​biżaʼ jeffettwa l-​ħajja soċjali jew l-​għażla tiegħek taʼ divertiment? Kien forsi l-​biżaʼ li tiltaqaʼ maʼ xi sakranazzi u nies pezza kustjoni li żammek lura milli tattendi għal ċerti avvenimenti sportivi u kunċerti? Effettwak il-​biżaʼ milli tagħmel l-​almu tiegħek fl-​iskola? Il-​biżaʼ li wliedhom isiru delinkwenti hu fattur li jinfluwenza lil ħafna ġenituri biex jagħżlu f’liema skola jibagħtu lil uliedhom. U l-​biżaʼ ċertament jispjega għala ħafna ġenituri jagħżlu li jwasslu lil uliedhom l-​iskola u lura minflok ma jħalluhom imorru bil-​mixi jew jużaw it-​trasport pubbliku.

Tabilħaqq, il-​bniedem qed jgħix f’atmosfera taʼ biżaʼ. Imma l-​biżaʼ mill-​vjolenza ilu jeżisti kważi mill-​bidu taʼ l-​istorja tal-​bniedem. Nistgħu verament nistennew xi ħaġa differenti? Huwa l-​ħelsien mill-​biżaʼ sempliċement ħolma? Jew hemm raġuni soda għala għandna nistennew futur li fih ħadd ma jibżaʼ li jiġrilu xi ħaġa?