Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek Titlob lill-Verġni Marija?

Għandek Titlob lill-Verġni Marija?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Għandek Titlob lill-​Verġni Marija?

DAWK kollha li jafu xi ħaġa dwar il-​Kristjanità żgur jafu dwar Marija. L-​Iskrittura tgħid li Alla li Jistaʼ Kollox bierek b’mod partikulari lil din il-​mara żagħżugħa billi għażilha biex tkun omm Ġesù. It-​twelid taʼ Ġesù kien uniku għax Marija kienet verġni meta kkonċepietu. Xi knejjes tal-​Kristjaneżmu ilhom żmien twil iqimu lil Marija b’mod speċjali. Fis-​sena 431 E.K., il-​Kunsill t’Efesu taha t-​titlu “Omm Alla,” u ħafna llum huma mgħallmin biex jitolbu lilha. *

Dawk li jqimu sinċerament jafu li għandhom jindirizzaw it-​talb tagħhom lill-​persuna proprja. Il-​Bibbja x’tgħallem dwar dan? Għandhom il-​Kristjani jitolbu lill-​Verġni Marija?

“Għallimna Nitolbu”

Fir-​rakkont taʼ l-​Evanġelju taʼ Luqa nsibu r-​rakkont meta wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù talbu: “Mulej, għallimna nitolbu.” Fir-​risposta tiegħu Ġesù beda b’dan il-​kliem: “Kulmeta titolbu, għidu, ‘Missier, ħa jitqaddes ismek.’” Bl-​istess mod, fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.”—Luqa 11:​1, 2; Mattew 6:9.

Mela, l-​ewwel ħaġa li nitgħallmu hi li t-​talb, jew il-​kliem li nużaw fil-​qima tagħna, għandu jiġi indirizzat lil Missier Ġesù, li hu Ġeħova. Il-​Bibbja mkien ma tgħidilna li għandna nitolbu lil xi ħaddieħor. Dan hu xieraq ladarba, bħalma ntqal lil Mosè meta rċieva l-​Għaxar Kmandamenti, Ġeħova hu “Alla għajjur.”—Eżodu 20:5.

Xi Ngħidu għar-​Rużarju?

Ħafna li jitolbu lil Marija ġew mgħallmin li meta n-​nies jgħidu dan it-​talb speċifiku ripetutament jaqilgħu l-​barkiet—bħall-​Ave Marija, il-​Missierna, u talb ieħor. Il-​ktieb Symbols of Catholicism jgħid li għall-​Kattoliċi, “l-​iktar forma taʼ devozzjoni għal Marija hi mingħajr dubju r-​rużarju.” Ir-​rużarju huwa eżerċizzju reliġjuż b’unur lill-​Verġni Marija. It-​terminu jirreferi wkoll għal qafla biż-​żibeġ u tintuża biex dak li jkun jgħodd kemm-il talba jgħid. Il-​ktieb jispjega li “ħames gruppi t’għaxar żibġiet, separati b’żibġa li tkun t’għamla differenti, huma stedina għal ħamsin talba taʼ l-​‘Ave Marija,’ ħamsa l-​‘Missierna,’ u ħamsa l-​‘Glorja.’” Jieħu pjaċir Alla jismaʼ r-​rużarju?

Għal darb’oħra, l-​istruzzjonijiet li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu jagħtuna tweġiba t’awtorità. Hu qal: “Meta titlob, toqgħodx tirrepeti l-​istess ħaġa, bħalma jagħmlu n-​nies tal-​ġnus, għax dawn jimmaġinaw li se jinstemgħu għax jużaw ħafna kliem.” (Mattew 6:7) Għalhekk, Ġesù qal speċifikament lis-​segwaċi tiegħu biex ma jirripetux talb speċifiku.

Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: ‘Imma Ġesù m’għallimx lid-​dixxipli tiegħu biex jirripetu l-​Missierna, li hi parti mir-​rużarju?’ Irridu nifhmu li Ġesù pprovda talba mudell, li saret magħrufa bħala l-​Missierna, jew it-​Talba tal-​Missierna. Madankollu, tajjeb ninnotaw li hu għamel hekk immedjatament wara li, bħalma rajna hawn fuq, wissa biex ma ‘noqogħdux nirripetu l-​istess ħaġa.’ Il-​fatt li Ġesù ma riedx li t-​talba mudell tiġi ripetuta bl-​amment huwa evidenti wkoll mill-​espressjonijiet differenti li uża fiż-​żewġ rakkonti mniżżlin li fihom hu għallem lid-​dixxipli tiegħu jitolbu. (Mattew 6:​9-15; Luqa 11:​2-4) L-​ideat li Ġesù esprima f’dawk l-​okkażjonijiet kienu simili, imma l-​kliem ma kienx l-​istess. Dan iwassalna għall-​konklużjoni li Ġesù kien sempliċement qed jipprovdi mudell jew eżempju taʼ kif għandhom jitolbu s-​segwaċi tiegħu u għal xiex setgħu jitolbu b’mod xieraq. Iktar importanti minn hekk, il-​kliem tiegħu jindika min se jilqaʼ t-​talb tagħna.

Rispett għal Marija

Għalkemm l-​Iskrittura ma tgħallimx li lKristjani għandhom jitolbu lil Marija, bl-​ebda mod ma tipprova tnaqqas mir-​rispett għall-​irwol li kellha biex jitwettqu l-​iskopijiet t’Alla. Il-​barkiet li ġew permezz taʼ Binha se jkunu taʼ benefiċċju etern għall-​umanità ubbidjenti kollha. Marija nfisha qalet: “Il-​ġenerazzjonijiet kollha jgħiduli hienja.” U l-​kuġina tagħha Eliżabetta qalet li Marija kienet “imbierka . . . fost in-​nisa.” U tabilħaqq hekk kienet. Kien privileġġ taʼ l-​għaġeb għal Marija li tintgħażel biex iġġorr lill-​Messija.—Luqa 1:​42, 48, 49.

Madankollu, Marija m’hijiex l-​unika mara li l-​Iskrittura ssejħilha mbierka. Minħabba dak li Ġagħel għamlet għall-​benefiċċju tal-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem, hi wkoll jingħad li kienet “imbierka fost in-​nisa.” (Mħallfin 5:24) Nisa leali msemmijin fil-​Bibbja bħal Ġagħel, Marija, u oħrajn li kienu jibżgħu minn Alla żgur li ħaqqhom li nimitawhom—imma mhux li nqimuhom.

Marija kienet waħda mis-​segwaċi leali taʼ Ġesù. Hi kienet preżenti f’ħafna okkażjonijiet matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art u wkoll waqt il-​mewt tiegħu. Wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, hi kienet ‘tippersisti fit-​talb’ maʼ ħut Ġesù. Din tagħtina raġuni biex nemmnu li hi kienet midluka bl-​ispirtu qaddis flimkien magħhom f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., u għalhekk kellha t-​tama li tkun waħda mill-​klassi taʼ l-​għarusa li se ssaltan maʼ Kristu fis-​sema.—Mattew 19:28; Atti 1:14; 2:​1-4; Rivelazzjoni 21:​2, 9.

Biss, xejn minn dan ma jagħtina l-​libertà li nitolbu lil Marija. It-​talb mill-​qalb huwa parti essenzjali mill-​qima tagħna, u l-​Kristjani huma inkuraġġiti biex ‘jipperseveraw fit-​talb.’ (Rumani 12:12) Madankollu, talb bħal dan għandu jiġi indirizzat lil Ġeħova biss, permezz taʼ Ġesù Kristu.—Mattew 4:10; 1 Timotju 2:5.

[Nota taʼ taħt]

^ L-idea li Marija hija omm Alla hi bbażata fuq idduttrina tat-​Trinità li m’hijiex skond it-​tagħlim taʼ l-​Iskrittura u li tgħid li Ġesù hu Alla.