Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Inżuru l-“Muntanja tan-Nar”

Inżuru l-“Muntanja tan-Nar”

Inżuru l-​“Muntanja tan-​Nar”

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​ITALJA

FTIT huma l-​postijiet fid-​dinja fejn tistaʼ tara veduta spettakolari taʼ l-​istess vulkan kemm jekk tkun fil-​kampanja, kemm jekk tkun ħdejn il-​baħar, u kemm jekk tkun fil-​belt. U jekk din il-​belt tkun Katanja, allura tkun qed tħares lejn l-​Etna li hi għolja 3,300 metru, hi l-​ogħla vulkan attiv fl-​Ewropa, u tinsab fin-​naħa tat-​tramuntana tal-​kosta tal-​lvant taʼ Sqallija.

Vulkan li Ilu Jiġi Osservat

L-​Għarab li ddominaw lil Sqallija għal żmien twil, lill-​vulkan tawh l-​isem taʼ Muntanja tan-​Nar, u l-​Etna ċertament li wriet li jixirqilha dan l-​isem għaliex regolarment tivvomta lava taħraq ferm mill-​profonditajiet tagħha. Tnejn mill-​eqdem testimonjanzi li għadhom jeżistu dwar l-​attività taʼ l-​Etna nkitbu minn Pindar u Aeschylus, li t-​tnejn iddeskrivew eruzzjoni li seħħet fis-​sena 475 Q.E.K. Iktar minn darba, il-​lava tat wirja taʼ l-​għaġeb għax ifformat bħal serp tan-​nar li niżel mal-​muntanja kollha qabel m’għodos fil-​baħar. Dan seħħ fis-​sena 396 Q.E.K., fl-​1329 E.K., u fl-​1669 E.K.​—u din l-​aħħar eruzzjoni hi meqjusa bħala l-​iktar famuża mill-​eruzzjonijiet “moderni” tagħha. Dakinhar, xmara lava wiesgħa xi żewġ kilometri u twila 25 kilometru qabżet is-​swar tal-​belt taʼ Katanja, belgħet id-​djar taʼ iktar minn 27,000 ruħ, u mliet parzjalment il-​port tal-​belt.

Huwa maħsub li l-​attività tal-​vulkan kompliet tiżdied fis-​seklu 20, li matulu kien hemm ħafna eruzzjonijiet. L-​iktar vjolenti, fl-​1928, qerdet ir-​raħal taʼ Mascali. Fis-​snin li għaddew, il-​lava u l-​irmied komplew joħolqu problemi u ansjetà għan-​nies lokali.

Profil taʼ “l-​Omm il-​Kbira”

Xi wħud jgħidu li l-​Etna bdiet tiġi fformata mill-​inqas 170,000 sena ilu bil-​ħruġ tal-​magma, jew blat imdewweb. Il-​fażijiet differenti taʼ l-​attività taʼ l-​eruzzjonijiet tagħha pproduċew madwar 250 vulkan żgħir fuq il-​ġnub tal-​vulkan prinċipali. Dawn jidhru qishom trabi madwar ommhom, u minħabba f’hekk, il-​vulkan tawh il-​laqam taʼ l-​Omm il-​Kbira.

Jekk tmur iddur bil-​karozza jew tirkeb il-​ferrovija għal dawra pittoreska madwar l-​Etna, se tinnota varjetà taʼ xeni li jġennuk. Dawn jinkludu l-​Monti Rossi (l-Għoljiet Ħomor) qrib Nicolosi, il-​Kratieri Silvestri, u l-​ħofra vasta tal-​Valle del Bove (Wied il-​Gendus), li tistaʼ tidher minn Giarre u Zafferana.

Għalkemm mhix mifhuma għalkollox, listorja ġeoloġika tal-​vulkan tmur lura ħafna fiż-​żmien. Il-​ħruġ tal-​magma taħt il-​baħar u fl-​inħawi tax-​xatt ifforma l-​kosta fit-​tramuntana taʼ Katanja. Parti minn din il-​kosta hi magħrufa bħala r-​Riviera dei Ciclopi, jew il-​Kosta taċ-​Ċiklopi, li hi karatterizzata mill-​irdumijiet suwed tal-​lava. Eżatt quddiem l-​irdum f’Aci Trezza, mill-​baħar joħroġ blat b’forma verament stramba, imsejjaħ il-​Faraglioni.

Rabta Mhux tas-​Soltu

Forsi tistaqsi jekk in-​nies li jgħixu biswit il-​vulkan jibżgħux li dan jistaʼ jiżbroffa x’ħin ifettillu. Meta l-​Etna tkun kalma, l-​Etnej, kif jissejħu n-​nies lokali, jinsew li saħansitra jeżisti l-​vulkan. “Il-​bhima hi kalma,” kiteb Guy de Maupassant, awtur Franċiż tad-​19-il seklu, fil-​ktieb tiegħu Journey to Sicily. “Hi rieqda hemmhekk ’il bogħod.” Jekk tidher sħaba taʼ duħħan, l-​Etnej għandhom mnejn jagħtu daqqa t’għajn ħafifa lejn il-​muntanja. Madankollu, jekk jisimgħu ħoss qawwi f’nofs taʼ lejl, isibu l-​gallariji u t-​toroq tagħhom miksijin bl-​irmied, jew jiskopru li mneħirhom u għajnejhom huma mimlijin irmied, l-​attitudni tagħhom tinbidel. Allura, juru b’mod għaqli li jibżgħu mill-​Etna u jirrispettawha​—speċjalment meta jaraw xmara ħamra taʼ lava nieżla mal-​muntanja bil-​mod il-​mod imma bla waqfien, tiblaʼ kulma ssib quddiemha.

Minkejja dan, in-​nies li joqogħdu f’dawk l-​inħawi jqisu l-​Etna bħala “ġgant ħabib tagħhom.” Wara kollox, avolja kkaġunat ħsara kbira​—billi qerdet inħawi urbani, uċuħ tar-​rabaʼ u, iktar reċenti, faċilitajiet tat-​turisti​—ftit ħadet ħajjiet. Wara l-​eruzzjonijiet qerridin tagħha, meta kinset magħha l-​frott taʼ ħidmet il-​bniedem, in-​nies lokali b’rieda soda sempliċement jaqbdu jaħdmu u jibdew mill-​ġdid.

Il-poeta Taljan Giacomo Leopardi ddeskriva sew kemm in-​nies li jgħixu biswit il-​vulkan huma marbutin m’arthom. Hu xebbah lil dawn in-​nies mal-​ġummar, pjanta li spiss tikber f’ambjent vulkaniku. Il-​fjuri sofor tagħha huma sbieħ u jleqqu. Dawn jibqgħu weqfin u b’xejn ma jaqgħu sakemm tasal fuqhom ix-​xmara tal-​lava. Ladarba tkun spiċċat l-​eruzzjoni u l-​blat ikun bired, il-​pjanta tal-​ġummar terġaʼ tibda tikber, b’saħħitha u determinata, hekk kif bil-​paċenzja kollha tikber u twarrad mill-​ġdid!

L-​Etna Qed Tinbidel

Dawk li jistudjaw il-​vulkani huma taʼ l-​opinjoni li dan il-​“ġgant ħabib” donnu qed jinbidel. Sa ftit żmien ilu, l-​Etna ma kinitx meqjusa bħala vulkan li setaʼ jisplodi, imma issa, tgħid ir-​rivista Focus, “dak li konna nqisuh bħala vulkan attiv imma mhux perikoluż qed jiġi kunsidrat b’iżjed u iżjed suspett.” Skond twissija li ngħatat minn riċerkaturi Franċiżi u Taljani, l-​Etna “qed tinbidel bil-​mod il-​mod minn vulkan mhux splużiv, jiġifieri, vulkan li jnixxi l-​lava bil-​mod il-​mod u ftit jarmi gass, għal vulkan splużiv.” Għaldaqstant, Paola Del Carlo, riċerkatriċi fl-​Istitut Nazzjonali Taljan tal-​Ġeofiżika u l-​Vulkanoloġija taʼ Katanja, tgħid li “fit-​30 sena li għaddew, kemm l-​attività mhix splużiva u kemm dik splużiva [tal-vulkan] żgur li saru iktar intensi, u hu diffiċli li tbassar bl-​eżatt x’se jiġri fil-​futur.”

Spettaklu Straordinarju

Minkejja li tqanqal il-​biżaʼ u trid tiġi rispettata, l-​Etna toffri spettaklu straordinarju. Sew jekk il-​vulkan ikun miksi bl-​abjad fix-​xitwa u sew jekk ikun liebes il-​kannella skur fis-​sajf, jew inkella meta kwiet kwiet jiddomina l-​kosta, jheżżeż l-​art u l-​qlub, jew jixgħel l-​iljieli bin-​nar, hu jixhed favur il-​qawwa taʼ Dak li ħalqu. (Salm 65:7 [65:​6, NW]; 95:​3, 4) Jekk xi darba jkollok iċ-​ċans iżżur il-​gżira sabiħa taʼ Sqallija, tinsiex iżżur l-​Etna. Se taraha ’l bogħod b’dak il-​ftit duħħan karatteristiku tagħha. “Tinkwetax jekk tismaʼ t-​tkarwit,” ikunu ħfief biex jgħidulek in-​nies tal-​post. “Hu biss il-​mod kif l-​Etna tagħtik merħba.”

[Mappa f’paġna 15]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​ITALJA

SQALLIJA

L-​Etna

[Stampa f’paġna 14]

Tpinġija taʼ l-​Etna mill-​1843

[Sors]

Culver Pictures

[Stampa f’paġna 15]

26 taʼ Lulju, 2001

[Stampa f’paġna 15]

28 taʼ Lulju, 2001, b’Katanja fl-​isfond

[Stampa f’paġna 15]

30 t’Ottubru, 2002

[Stampa f’paġna 15]

12 taʼ Settembru, 2004

[Stampa f’paġna 16]

Blat b’forma verament stramba msejjaħ il-​Faraglioni

[Stampa f’paġna 17]

In-​nies lokali jirreferu għall-​Etna bħala “ġgant ħabib tagħhom”

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Ir-​ritratti kollha: © Tom Pfieffer; il-​mappa: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

L-​isfond: © WOLFGANG KAEHLER 2005, www.wkaehlerphoto.com; Faraglioni: Dennis Thompson/Unicorn Stock Photos