Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jipprovaw Jitimgħu Biljun Ruħ

Jipprovaw Jitimgħu Biljun Ruħ

Jipprovaw Jitimgħu Biljun Ruħ

KULJUM, biljun ruħ ma jiklux biżżejjed biex jissodisfaw il-​ġuħ tagħhom. Madankollu, din il-​kundizzjoni kiefra mhux suppost li teżisti, skond il-​Ġnus Magħquda.

“Intom għedtu li l-​ewwel prijorità tagħkom hi li teqirdu l-​faqar estrem.” Dan il-​kliem qalu Kofi Annan, is-​Segretarju Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda, fit-​8 taʼ Settembru, 2000, lil assemblea taʼ l-​iktar irġiel u nisa taʼ poter fid-​dinja. Dawn kienu nġabru flimkien għas-​Summit tal-​Millennju tal-​Ġnus Magħquda, li matulu diversi wħud minn dawn il-​mexxejja għamlu bla tlaqliq kummenti dwar il-​problemi tan-​nies fqar fid-​dinja. “Il-​faqar estrem hu insult għall-​umanità,” qal il-​viċi-president tal-​Brażil. Il-​prim ministru tal-​Gran Britannja saħansitra wasal biex qal: “Il-​fatti diżastrużi juru li d-​dinja żviluppata falliet b’konnessjoni maʼ l-​Afrika b’mod li jaħsad u jagħmel għajb liċ-​ċivilizzazzjoni tagħna.”

Dawn iż-​żewġ kelliema wrew ċar li l-​ġnus kienu waqgħu fl-​għajb għax naqsu li jagħmlu kulma setgħu biex jitimgħu lin-​nies bil-​ġuħ. Bħala prova tax-​xewqa tagħhom li jtejbu l-​kundizzjonijiet tal-​ħajja għall-​bnedmin kollha fuq l-​art, dawk li attendew is-​summit wiegħdu li jieħdu azzjoni permezz taʼ riżoluzzjoni fi tmien partijiet li kienet tinkludi dan li ġej: “Se nagħmlu kulma nistgħu biex neħilsu lil sħabna rġiel, nisa, u tfal mill-​kundizzjonijiet miżerabbli u inumani tal-​faqar estrem, li fil-​preżent qed ijassar lil iktar minn biljun minnhom. . . . Aħna determinati wkoll li sa l-​2015 innaqqsu bin-​nofs il-​proporzjon taʼ nies fid-​dinja li jaqilgħu inqas minn dollaru kuljum u l-​proporzjon taʼ nies li qed ibatu l-​ġuħ.”

Xi progress sar minn Settembru 2000 ’l hawn biex tintlaħaq din il-​mira nobbli?

Il-​Fatti Aħjar mill-​Paroli

Fl-​2003, l-​Inizjattiva tal-​Gvern Globali tal-​Forum Ekonomiku Dinji bdiet tagħmel stima taʼ dak li sar biex jintlaħqu l-​miri li tniżżlu fid-​Dikjarazzjoni tal-​Millennju tal-​Ġnus Magħquda. Ir-​rapport uffiċjali, maħruġ fil-​15 taʼ Jannar, 2004, jgħid: “Rigward l-​iktar miri importanti tagħha, id-​dinja qed tonqos kompletament li tagħmel l-​isforz meħtieġ.” Dwar il-​ġuħ, ir-​rapport jgħid: “Il-​problema m’hijiex l-​iskarsezza assoluta taʼ ikel fid-​dinja​—hemm biżżejjed għal kulħadd. Il-​problema hi li l-​ikel disponibbli u n-​nutriment adattat ma jaslux għand dawk li m’għandhomx flus.”

Dwar il-​problema in ġenerali tal-​faqar, ir-​rapport jgħid: “Ir-​responsabbiltà għall-​miżuri ineffettivi li qed jittieħdu hi prinċipalment tal-​gvernijiet, sinjuri u fqar. Iżda sistema ekonomika globali mfassla mis-​sinjuri hija spiss maħsuba b’tali mod li tkun taʼ żvantaġġ għal dawk l-​iktar fqar. Minkejja l-​ħafna kliem fieragħ tagħhom, il-​pajjiżi sinjuri ftit li xejn juru interess biex ibiddlu dik is-​sistema jew biex jagħtu ħafna iżjed għajnuna lill-​pajjiżi l-​iktar fqar sabiex dawn jiżviluppaw.” Minkejja din il-​kritika, il-​politikanti jkomplu jiddibattu minflok ma jaġixxu u l-​gvernijiet ikomplu jimmanipulaw l-​affarijiet, kull wieħed għall-​vantaġġ tiegħu. Sadattant, il-​fqar fid-​dinja jibqgħu b’żaqqhom vojta.

Rapport bil-​miktub mill-​Forum Ekonomiku Dinji, intitolat “Mix-​Xewqa għall-​Azzjoni,” iwissi li “reġjuni sħaħ taʼ popolazzjoni se jiffaċċjaw żjieda fil-​ġuħ jekk ma jinbidlux ir-​regoli internazzjonali tal-​kummerċ. Hemm bżonn ukoll li l-​pjanijiet nazzjonali jikkonċentraw fuq kif jeliminaw il-​ġuħ u jiżdiedu l-​isforzi lokali li diġà rnexxew.” U min għandu bżonn jagħmel pjanijiet aħjar u iktar “sforzi lokali li diġà rnexxew”? Dawk l-​istess gvernijiet li fl-​2000 iddikjaraw pubblikament li huma determinati li jtejbu s-​sitwazzjoni taʼ l-​umanità kollha.

Wegħda li ma titwettaqx tistaʼ twassal għal diżappunt; ħafna wegħdi li ma jitwettqux iwasslu għal nuqqas taʼ fiduċja. Minħabba li ma żammewx kelmithom li jieħdu ħsieb il-​fqar, il-​gvernijiet dinjin issa tilfu l-​fiduċja tal-​poplu. Omm taʼ ħamest itfal li tgħix f’pajjiż fqir fil-​Karibew tistaʼ titmaʼ lill-​familja tagħha ikla waħda kuljum. Hi tgħid: “Jien jimpurtani biss jekk ikollniex x’nieklu. Ma jinteressanix min hemm fil-​poter. Aħna qatt ma ħadna xejn mingħand xi ħadd fil-​poter.”

Il-kittieb Bibliku Ġeremija qal: “Jien naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Il-​fatt li l-​gvernijiet umani ma solvewx il-​problemi tal-​fqar jikkonferma din il-​verità Biblika.

Iżda hemm Mexxej li għandu kemm il-​poter u kemm ix-​xewqa meħtieġa biex isolvi l-​problemi tal-​bniedem, u l-​Bibbja tidentifikahulna. Meta dan il-​Mexxej jieħu kollox f’idejh, ħadd qatt ma jerġaʼ jkun bil-​ġuħ.

Bażi għal Tama

‘Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, u int tagħtihom l-​ikel f’waqtu.’ (Salm 145:15) Min hu dan il-​Wieħed li qiegħed attent għall-​bżonn tal-​bnedmin għall-​ikel? Il-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova. Għalkemm l-​umanità ilha tbati l-​ġuħ u ġġarrab problemi oħra għal eluf taʼ snin, Ġeħova minn dejjem kien interessat fin-​nies. Hu osserva l-​falliment tal-​gvernijiet umani, u l-​Bibbja, il-​Kelma infallibbli tiegħu, turi li dalwaqt se jpoġġi l-​gvern tiegħu flokhom.

Ġeħova jgħid: “Għax jien għamiltu s-​sultan tiegħi, fuq Sijon, l-​għolja mqaddsa tiegħi!” (Salm 2:6) Din il-​proklamazzjoni mill-​ogħla awtorità fl-​univers tagħtina raġuni biex nittamaw. Filwaqt li l-​mexxejja umani spiss naqsu li jgħinu lis-​sudditi tagħhom, Ġesù Kristu, bħala s-​Sultan maħtur minn Alla, se jġib benefiċċji li l-​iktar nies fqar taʼ l-​art qatt ma esperjenzawhom.

Permezz taʼ dan is-​Sultan, Ġeħova se jitmaʼ lill-​imġewħin kollha. “Jagħmel il-​Mulej taʼ l-​eżerċti għall-​popli kollha fuq din il-​muntanja, mejda b’ikel fin,” jgħid Isaija 25:6. Taħt is-​Saltna t’Alla f’idejn Kristu, in-​nies qatt ma se jkunu neqsin mill-​ikel tajjeb, jgħixu fejn jgħixu. Dwar Ġeħova, il-​Bibbja tgħid: “Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-​ġid.”​—Salm 145:16.

[Kumment f’paġna 13]

“Il-​fatti diżastrużi juru li d-​dinja żviluppata falliet b’konnessjoni maʼ l-​Afrika b’mod li jaħsad u jagħmel għajb liċ-​ċivilizzazzjoni tagħna.”—Tony Blair, il-​Prim Ministru Ingliż

[Stampa f’paġna 12]

L-​ETJOPJA: F’dan il-​pajjiż madwar 13-il miljun ruħ jiddependu mill-​għajnuna għall-​ikel. Dan it-​tifel li jidher hawn fuq hu wieħed minnhom

[Stampa f’paġna 12]

L-​INDJA: Dawn l-​istudenti jingħataw l-​ikel l-​iskola

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 12]

Fuq: © Sven Torfinn/Panos Pictures; taħt: © Sean Sprague/Panos Pictures