Meta Naġixxu b’Kuxjenza Tajba Nigglorifikaw lil Alla
Meta Naġixxu b’Kuxjenza Tajba Nigglorifikaw lil Alla
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-UKRAINA
FI TRIQITHOM lejn id-dar wara laqgħa Kristjana, il-familja Chibisov, li huma Xhieda taʼ Ġeħova fl-Ukraina, sabu portmoni bil-flus, kif ukoll liċenzja tas-sewqan, xi credit cards, u madwar Lm160. F’din il-familja taʼ ħamsa, ir-raġel biss kellu impjieg. Kien jaqlaʼ madwar Lm20 fix-xahar. Għalhekk, dawn il-flus setgħu kienu t’għajnuna kbira għalihom. X’għamlu?
L-omm tgħid: “It-tfal bniet tagħna mill-ewwel bdew jiddiskutu x’jistgħu jagħmlu biex jirritornaw il-portmoni lil sidu, li mil-liċenzja tas-sewqan indunaw li kienet mara. Jien u r-raġel tiegħi konna ferħanin ħafna naraw it-tfal tagħna juru bl-azzjonijiet li l-kuxjenza tagħhom kienet imħarrġa tajjeb. L-għada ċempilt lill-mara li kienet tilfet il-portmoni. Olha bdiet tibki bil-ferħ, u ġiet tgħidilna li hi u r-raġel tagħha kellhom xi ħwienet fejn konna noqogħdu aħna. Il-flus li kien hemm fil-portmoni kienu l-paga tax-xahar għall-impjegati tagħhom. Barra minn hekk, wieħed mid-dokumenti finanzjarji li kien hemm fil-portmoni kien importanti ħafna għar-rekords tan-negozju tagħha.
“Olha staqsietna fejn konna sibna l-portmoni. Għednielha fejn, u spjegajnielha wkoll li konna hemm għax konna ġejjin lura mil-laqgħa Kristjana tagħna. Meta offrejnielha xi letteratura mill-Bibbja, hi aċċettat b’rispett.
“Ftit tal-ġimgħat wara, waħda Xhud fil-kongregazzjoni tagħna qaltilna li waqt li kienet qed toffri xi letteratura mill-Bibbja lil xi ħadd li kien għaddej fit-triq, waħda mara spjegatilha li qabel ma kinitx toqgħod tismaʼ lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma issa mhux biss kienet lesta li tismaʼ iżda wkoll biex tieħu l-letteratura. Hi qalet li dan kien minħabba li xi Xhieda kienu rritornaw portmoni lit-tifla tagħha.”
[Stampa f’paġna 31]
Il-familja Chibisov