Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Minn Lussu għal Bżonn—L-Istorja tas-Sapun

Minn Lussu għal Bżonn—L-Istorja tas-Sapun

Minn Lussu għal BżonnL-​Istorja tas-​Sapun

FTIT prodotti huma komuni jew bżonnjużi daqs is-​sapun. Mindu nkunu trabi sa ma nixjieħu, dan jagħmel parti mill-​ħajja tagħna taʼ kuljum. Meta saret l-​ewwel sapuna fi żmien il-​qedem din kienet xi ħaġa taʼ lussu imma bil-​mod il-​mod saret bżonn taʼ kuljum.

Fil-fatt, kimiku tas-​seklu 19 iddikjara li lkwantità taʼ sapun li kien juża pajjiż kienet indikazzjoni eżatta taʼ l-​għana u ċ-​ċivilizzazzjoni tiegħu. Illum jitqies bħala essenzjali għall-​iġjene u saħħa tajba. Dan il-​prodott importanti kif sar karatteristika tal-​ħajja taʼ kuljum?

Żmien il-​Qedem

Ftit li xejn teżisti evidenza li s-​sapun kien jintuża għall-​iġjene persunali qabel l-​Era Komuni. Veru, it-​traduzzjoni tal-​Bibbja taʼ Karm Żammit f’Ġeremija 2:​22 tgħid: “Tinħasel bin-​nitru, u tuża ħafna sapun.” Madankollu, hemm xi jġagħalna niddubitaw jekk hawnhekk hux qed jirreferi għas-​sapun kif nafuh aħna​—sew jekk taʼ forma solida, trab, jew xi forma oħra. Traduzzjoni iktar reċenti tal-​kliem tal-​profeta tgħid: “Titnaddaf b’ħafna lissija,” sustanza tat-​tindif li fiha l-​alkali u li hi differenti ħafna mis-​sapun li nużaw illum.

Normalment, il-​Griegi, u iktar tard ir-​Rumani, kienu jużaw żjut ifuħu biex inaddfu ġisimhom. Għandhom mnejn li tgħallmu l-​arti li jagħmlu s-​sapun mingħand iċ-​Ċelti. Fil-​ktieb tiegħu Natural History, Plinju l-​Kbir, kittieb Ruman taʼ l-​ewwel seklu, juża l-​kelma saipo bil-​Galli, li x’aktarx minnha ġejja l-​kelma “sapun.”

Fis-sekli taʼ wara, kien hemm ftit referenzi għall-​użu tas-​sapun, għalkemm matul il-​Medju Evu, l-​Italja, Spanja, u Franza fil-​fatt stabbilew ruħhom bħala ċentri li jipproduċu s-​sapun. Madankollu, minkejja l-​isforzi li saru biex jipproduċu kwantitajiet kbar, jidher li s-​sapun ftit li xejn kien jintuża fl-​Ewropa. Fil-​fatt, sa l-​1672, meta wieħed Ġermaniż bagħat kaxxa sapun Taljan bħala rigal lil persuna aristokratika, hu ra li kien xieraq jibagħtilha wkoll deskrizzjoni dettaljata dwar kif setgħet tuża dan il-​prodott misterjuż!

L-​Ewwel Produzzjoni tas-​Sapun

Waħda mill-​ewwel riċetti dettaljati tas-​sapun dehret f’ġabra taʼ kitbiet tas-​seklu 12 dwar is-​sigrieti tan-​negozju taʼ l-​artiġjani. F’dawn is-​snin kollha l-​proċess tal-​produzzjoni bażikament baqaʼ ma nbidilx. Iż-​żjut u x-​xaħmijiet minn diversi sorsi kienu jitgħallew flimkien maʼ taħlita t’alkali aċiduża fi proċess li pproduċa sapun mhux irfinut. Din ir-​reazzjoni tissejjaħ idrolisi.

Wieħed jistaʼ jifhem li l-​kwalità tas-​sapun li jiġi prodott kien jiddependi mill-​materjali li jkunu ntużaw. L-​irmied mill-​injam u x-​xaħmijiet taʼ l-​annimali kienu jintużaw biex jagħmlu s-​sapun bażiku. B’dawn l-​ingredjenti, l-​ewwel nies li kienu jgħixu fil-​kolonji fl-​Istati Uniti kienu jipproduċu sapun kannella artab qisu ġelatina biex ikunu jistgħu jużawh kuljum. Ix-​xaħam imdewweb tal-​baqar u n-​nagħaġ, imsejjaħ dam, kien l-​ingredjent prinċipali għas-​sapun u għax-​xemaʼ taʼ dak iż-​żmien. Għalhekk, in-​negozjanti li kienu jissejħu xemmiegħa spiss kienu jagħmlu u jbigħu ż-​żewġ prodotti. Fl-​aħħar parti tal-​proċess, kienu jżidu ftit melħ mat-​taħlita tas-​sapun li tkun qiegħda tagħli sabiex jipproduċu sapun iebes, li faċilment setaʼ jinġarr minn post għall-​ieħor, u kienu jħalltulu wkoll fwieħa tal-​lavanda, tal-​gawlterja, jew tal-​ħlewwa.

Ġeneralment, is-​sapun magħmul fin-​nofsinhar taʼ l-​Ewropa kien isir miż-​żejt taż-​żebbuġa. Il-​manifatturi tas-​sapun f’postijiet bi klima iktar kiesħa komplew jużaw ix-​xaħam taʼ l-​annimali. Xi wħud saħansitra użaw iż-​żejt tal-​ħut. Għalkemm dan is-​sapun kien tajjeb għall-​ħasil tal-​ħwejjeġ, ma tantx kienu jieħdu gost jinħaslu bih! Iżda, ix-​xaħmijiet u ż-​żjut huma biss parti mill-​istorja tas-​sapun.

Minn Xogħol bl-​Idejn għal Industrija

Għal ħafna sekli, l-​alkali użati biex jagħmlu s-​sapun kienu jiġu prodotti mill-​irmied taʼ ċerti pjanti, inkluż il-​ħaxix tal-​baħar. Fi Spanja, il-​pjanta tas-​sogħda (Genus Salsosa) kienet tinħaraq u tipproduċi rmied alkalin li jissejjaħ barilja. Meta dan kien jitħallat maż-​żejt taż-​żebbuġa li kien jiġi prodott lokalment, ir-​riżultat kien ikun sapuna bajda taʼ l-​aqwa kwalità msejħa Kastilja.

Fis-seklu 18 żdiedet id-​domanda internazzjonali għall-​potassa biex tintuża fil-​produzzjoni tas-​sapun, tal-​ħġieġ, u tal-​porvli. * Għall-​ħabta taʼ l-​1790, Nicolas Leblanc, kirurgu u kimiku Franċiż, żviluppa proċess għall-​produzzjoni taʼ l-​alkali mill-​melħ komuni. Iktar tard, xi kimiċi rnexxielhom jipproduċu idrossidu tas-​sodju mis-​salmura. Dawn l-​iżviluppi fetħu t-​triq għall-​industrijalizzazzjoni tal-​produzzjoni tas-​sapun.

Is-​Sapun Jikseb Isem Tajjeb

Is-​seklu 19 kien żmien taʼ riformi importanti li fihom spikkaw l-​isforzi biex jedukaw lin-​nies dwar is-​saħħa u l-​iġjene. Iżda, is-​sapun taʼ dak iż-​żmien kien għadu fil-​maġġuranza tiegħu ċappa kannella mħallta bi fdalijiet t’alkali li jirritaw il-​ġilda. Kien għadu jsir bl-​idejn, sempliċement mgħolli f’kaldaruni. Kien jasal għand il-​pubbliku bħala blokka sapun mingħajr isem li kellha titqattaʼ f’biċċiet minn tal-​ħanut u mbagħad dawn kienu jinbiegħu bl-​użin.

Ċertu sapun kien jagħmel ir-​ragħwa malajr imma minnu kien joħroġ qtar taż-​żejt li kien idelliklek idek u wara ċertu żmien kien jinten. Xi manifatturi li raw li d-​domanda għas-​sapun kienet qed tikber, bdew jinkludu affarijiet oħra bħaċ-​ċitronella biex jgħattu r-​riħa tinten b’riħa tfuħ taʼ lumi.

Kien wasal iż-​żmien għal iktar titjib. Is-​sapun magħmul miż-​żejt tal-​ħxejjex, li kellu iktar karatteristiki pjaċevoli, beda jsir iktar popolari. Ir-​rivoluzzjoni fit-​trasport għamlitha iktar faċli għall-​produtturi tas-​sapun biex ikunu jistgħu jiksbu l-​aqwa ingredjenti minn għadd taʼ sorsi. Fl-​Afrika tal-​Punent kienet tikber il-​palma taż-​żejt. Mill-​frott imlaħħam tagħha kienu jieħdu sustanza qisha butir li kellha kulur jgħajjat u li saret l-​ingredjent bażiku fis-​sapun u l-​kosmetiċi. Il-​gżejjer tal-​Paċifiku pproduċew il-​kopra, il-​qalba mnixxfa tal-​ġewż taʼ l-​Indi, li minnha jittieħed iż-​żejt. Minħabba l-​ingredjenti eżotiċi miksubin mill-​pajjiżi mbiegħda, ir-​reputazzjoni tas-​sapun bdiet titjieb.

Il-manifatturi fehmu li l-​indafa hija xewqa naturali. Il-​konsumatur kellu jiġi konvint li ma setax jgħaddi mingħajr is-​sapun. Dawk li bdew jirreklamaw is-​sapun ma damux m’assoċjaw il-​prodotti u r-​riżultati li kellhom m’affarijiet bħalma huma l-​għasel, id-​dawl tax-​xemx, u l-​borra. Oħrajn ipproduċew kopji taʼ xogħlijiet artistiċi famużi fir-​reklami u fuq is-​sapun tagħhom biex jagħtuhom dehra eleganti u sofistikata. Hekk kif beda s-​seklu l-​ġdid, id-​domanda għas-​sapun xterdet mad-​dinja kollha. Din tat bidu għal industrija sħiħa taʼ rreklamar. Fl-​1894, kliem li jinkuraġġixxi lin-​nies jixtru s-​sapun saħansitra deher fuq in-​naħa taʼ wara tal-​bolli fi New Zealand. Is-​sapun issa kellu reputazzjoni tajba.

Produzzjoni Moderna

L-​ewwel industriji li pproduċew is-​sapun kienu jgħallu l-​ingredjenti f’kaldaruni kbar ħafna miftuħin. Bniedem tas-​sengħa kien jikkontrolla l-​proċess bil-​paletti. Mill-​mod kif is-​sapun kien jiżżerżaq minn fuq il-​paletta taʼ l-​idejn, li tkun ġiet imsaħħna, hu setaʼ jiddetermina jekk l-​ingredjenti jew il-​proċess kellux bżonn xi aġġustamenti.

Illum il-​produzzjoni tas-​sapun tinvolvi tliet passi ġenerali. L-​ewwel pass hu l-​idrolisi, li jinvolvi r-​reazzjoni taʼ diversi żjut jew xaħmijiet maʼ l-​alkali sabiex jiġi prodott sapun mhux imħallat u gliċerina f’taħlita li fiha madwar 30 fil-​mija ilma. Xi drabi, dan il-​pass għadu jsir permezz tal-​proċess tat-​togħlija fil-​kaldarun, imma l-​biċċa l-​kbira minn dawk li jipproduċu s-​sapun illum jużaw sistemi kompjuterizzati taʼ idrolisi. It-​tieni pass hu t-​tnixxif bis-​sħana, bil-​ġbid taʼ l-​arja, u bl-​isprej sabiex is-​sapun mhux imħallat jagħtuh forma żgħira fit-​tond li jkun fiha biss madwar 12 fil-​mija ilma. Imbagħad hemm it-​tielet u l-​aħħar pass. Dan jinvolvi li lil dan is-​sapun iħalltulu xi fwieħa, kulur, u ingredjenti oħra li jagħmlu s-​sapun differenti u jfuħ. Is-​sapun jiġi pressat u mmarkat billi jiddaħħal fi pressa tas-​sapun ħalli jieħu l-​forma karatteristika tiegħu. Il-​konsumaturi issa jixtiequ li s-​sapun li jużaw id-​dar ikollu iktar fwejjaħ tal-​frott jew tal-​pjanti, u dan iservi biex iġagħalhom iħossuhom iktar “naturali” u mimlijin enerġija meta jinħaslu bih!

Għalkemm saru avanzi kbar biex jiġi mifhum aħjar il-​mod kif inhuma magħmulin id-​deterġenti, li l-​produzzjoni tagħhom ħadet spinta, is-​sapun tradizzjonali baqaʼ popolari. Ftit huma dawk li jiċħdu li s-​sapun huwa bżonnjuż għall-​iġjene u saħħa tajba. Iżda tidher xi ħaġa stramba li, fi żmien meta d-​dinja hija mimlija bil-​ħmieġ morali u spiritwali, l-​indafa fiżika issa hija possibbli iktar minn qatt qabel. Iżda, l-​indafa li tidher minn barra hija imprezzabbli meta tirrifletti s-​safa tal-​persuna minn ġewwa.

[Nota taʼ taħt]

^ Il-potassa hija dak li jibqaʼ wara li taħlita alkalina jew lissija tkun ġiet mgħollija sakemm ikun nixef l-​ilma kollu. Il-​potassa li tkompli tissajjar sakemm jinħarqu l-​impuritajiet tipproduċi trab abjad fin li jissejjaħ karbonat tal-​potassju.

[Stampa f’paġna 24]

Il-​produzzjoni tas-​sapun fl-​Amerika taʼ Fuq

[Stampa f’paġna 25]

Bubbles, minn Sir John E. Millais, intużat bħala reklam tas-​sapun

[Stampa f’paġna 25]

Il-​produzzjoni tas-​sapun tradizzjonali permezz tal-​proċess tat-​togħlija fil-​kaldarun

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 25]

Fuq: Victoria & Albert Museum, London/Art Resource, NY; taħt: © Jeff Greenberg/Index Stock Imagery