Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tikxef l-Astroloġija l-Futur Tiegħek?

Tikxef l-Astroloġija l-Futur Tiegħek?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Tikxef l-​Astroloġija l-​Futur Tiegħek?

KIF tistaʼ ttejjeb ħajtek u jkollok suċċess fit-​tfittxija għall-​imħabba u l-​flus? Ħafna nies iduru lejn l-​astroloġija għat-​tweġiba. Kuljum miljuni taʼ nies jaqraw l-​oroskopju fil-​gazzetti bit-​tama li jtejbu l-​prospetti tagħhom. Intqal ukoll li anki ċerti mexxejja dinjin iħallu l-​oroskopju jiggwida d-​deċiżjonijiet tagħhom.

Hija l-​astroloġija taʼ min joqgħod fuqha? L-​astroloġi kif jagħmlu t-​tbassir tagħhom? Għandhom il-​Kristjani jħallu l-​kwiekeb u l-​pjaneti jiddeterminaw kif jgħixu?

X’Inhi l-​Astroloġija?

Skond The World Book Encyclopedia, l-​astroloġija “hija bbażata fuq it-​twemmin li l-​kwiekeb u l-​pjaneti jifformaw disinji li jistgħu jikxfu l-​karattru jew il-​futur taʼ individwu.” L-​astroloġi jistqarru li l-​pożizzjonijiet eżatti tal-​pjaneti u s-​sinjali taż-​żodjaku fil-​ħin tat-​twelid taʼ persuna jistgħu jinfluwenzawlu ħajtu. * Il-​pożizzjoni taʼ dawn il-​kwiekeb u l-​pjaneti f’ħin speċifiku tissejjaħ l-​oroskopju.

It-twemmin fl-​astroloġija ilu jeżisti sekli sħaħ. Xi erbat elef sena ilu, il-​Babiloniżi bdew ibassru l-​futur skond il-​pożizzjoni tax-​xemx, il-​qamar, u l-​ħames pjaneti li l-​iktar jidhru. Huma stqarrew li dawn il-​kwiekeb u l-​pjaneti jipproduċu ċerti forzi li jeffettwaw l-​imġiba tal-​bniedem. Iktar tard inkludew is-​sinjali taż-​żodjaku fit-​tbassir tagħhom.

Storja Twila taʼ Falliment

Il-​Bibbja tenfasizza l-​konnessjoni bejn Babilonja u l-​astroloġija, u diversi drabi tagħmel referenza għall-​astroloġi Babiloniżi. (Danjel 4:7; 5:​7, 11) Fi żmien il-​profeta Danjel, l-​astroloġija tant kienet mifruxa fil-​Kaldija (Babilonja) li meta ntuża t-​terminu “Kaldin” kien prattikament qed jirreferi għall-​astroloġi.

Danjel esperjenza mhux biss l-​influwenza taʼ l-​astroloġija fuq Babilonja imma wkoll il-​falliment taʼ l-​astroloġi biex ibassru l-​waqgħa tal-​belt. (Danjel 2:​27) Innota x’bassar il-​profeta Isaija b’eżattezza żewġ sekli qabel. “Ħa jqumu l-​astroloġi, u dawk li jħabbru bil-​kwiekeb, u dawk li bil-​qamar igħidu x’sa jiġri, u jsalvawk minn dak li ġej għalik!” kiteb Isaija bi stmerrija. “Ma jeħilsux lilhom infushom.”​—Isaija 47:​13, 14, KŻ.

Milli jidher, l-​astroloġi Babiloniżi ma setgħux ibassru l-​waqgħa tal-​belt saħansitra minn ftit sigħat qabel. U meta l-​ħaqq t’Alla stess deher fuq il-​ħajt fil-​palazz tas-​Sultan Beltassar, l-​astroloġi ma setgħux jinterpretaw il-​kitba misterjuża.​—Danjel 5:​7, 8.

Illum l-​astroloġi wrew li għadhom ineffettivi f’li jbassru ġrajjiet sinifikanti. Wara li eżaminaw iktar minn 3,000 tbassir astroloġiku speċifiku, l-​investigaturi xjentifiċi R. Culver u Philip Ianna waslu għall-​konklużjoni li 10 fil-​mija biss kienu twettqu. Analista informat sew jistaʼ jbassar ġrajjiet b’iktar eżattezza.

F’Konflitt mat-​Tagħlim Bibliku

Madankollu, il-​profeti Ebrej ma ċaħdux l-​astroloġija sempliċement għaliex ma kellhiex suċċess f’li tbassar il-​futur b’eżattezza. Il-​Liġi li Alla ta lil Mosè wissiet b’mod speċifiku lill-​Iżraelin kontra li jfittxu t-​tbassir. “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok . . . min jeħber, min jitkixxef il-​ġejjieni,” qalet il-​Liġi. “Mistkerrah quddiem il-​Mulej kull min jagħmel dawn il-​ħwejjeġ.”​—Dewteronomju 18:​10, 12.

Għalkemm l-​astroloġija mhix imsemmija bl-​isem f’din l-​iskrittura, żgur li l-​projbizzjoni kienet tinkludi din il-​prattika. L-​Encyclopædia Britannica tinnota li l-​astroloġija hija “tip taʼ tbassir li jikkonsisti f’li jbassru ġrajjiet dwar l-​art u l-​bnedmin billi josservaw u jinterpretaw il-​kwiekeb fissi, ix-​Xemx, il-​Qamar, u lpjaneti.” Il-​forom kollha tat-​tbassir​—kemm jekk huma bbażati fuq il-​kwiekeb jew oġġetti oħra​—imorru kontra l-​gwida t’Alla. Għala? Hemm raġuni tajba.

Minflok ma nattribwixxu s-​suċċess jew il-​falliment tagħna lill-​kwiekeb, il-​Bibbja tgħid biċ-​ċar li “dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Alla jżomm lil kull wieħed u waħda minna responsabbli għall-​azzjonijiet tagħna, ladarba aħna aġenti morali ħelsin. (Dewteronomju 30:​19, 20; Rumani 14:12) Huwa minnu li forsi nsofru aċċident jew marda minħabba ġrajjiet li ma nistgħux nikkontrollaw. Imma dawn il-​kalamitajiet, tispjega l-​Iskrittura, iseħħu minħabba li “f’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi,” mhux minħabba l-​oroskopju tagħna.​—Koħèlet 9:​11.

Rigward ir-​relazzjonijiet bejn il-​bnedmin, il-​Bibbja tħeġġiġna biex nilbsu kwalitajiet bħall-​mogħdrija, il-​qalb tajba, l-​umiltà, il-​ħlewwa, is-​sabar fit-​tul, u l-​imħabba. (Kolossin 3:​12-14) Dawn il-​kwalitajiet huma ċ-​ċavetta għal ħbiberiji li jibqgħu u żwiġijiet b’saħħithom. “Attrazzjoni astroloġika” mhix gwida taʼ min joqgħod fuqha biex tagħżel sieħeb jew sieħba. Il-​psikologu Bernard Silverman analizza l-​oroskopji tat-​twelid taʼ xi 3,500 koppja, li 17 fil-​mija kienu ddivorzjaw. Ma sabx rata taʼ divorzju inqas fost dawk li kienu żżewġu lil xi ħadd li kien ‘kompatibbli b’mod astroloġiku.’

B’mod ċar, l-​astroloġija m’hijiex taʼ min joqgħod fuqha u tiżvijak. Tistaʼ ġġagħalna nwaħħlu fil-​kwiekeb u mhux fina nfusna meta nagħmlu l-​iżbalji. Fuq kollox, hija kundannata b’mod ċar fil-​Kelma t’Alla.

[Nota taʼ taħt]

^ Is-​sinjali taż-​żodjaku huma t-​12-il kostellazzjoni differenti fis-​smewwiet li jużaw l-​astroloġi.