Mur fil-kontenut

Il-Bibbja Kif Baqgħet Teżisti sal-Lum?

Il-Bibbja Kif Baqgħet Teżisti sal-Lum?

Il-​Bibbja Kif Baqgħet Teżisti sal-​Lum?

Huwa miraklu li l-​Bibbja għadha f’idejna llum u li nistgħu naqrawha. Din tlestiet kważi 2000 sena ilu. Il-​Bibbja nkitbet fuq materjal li jitmermer bħall-​papiru jew ġilda tal-​annimali. Oriġinarjament, din inkitbet f’lingwi li llum il-​ġurnata ma tantx għadek issib min jitkellimhom. Iktar minn hekk, xi gvernijiet jew mexxejja reliġjużi għamlu minn kollox biex jeqirdu l-​Bibbja.

IL-​BIBBJA kif baqgħet teżisti wara dawn is-​snin kollha? U kif saret l-​iktar ktieb magħruf fid-​dinja? Ejja naraw żewġ raġunijiet.

Saru Ħafna Kopji

L-​Iżraelin ħadu ħsieb sew l-​iskrolli oriġinali tal-​Bibbja billi għamlu ħafna kopji tagħhom. Pereżempju, sultan taʼ Iżrael kellu “jikteb fi ktieb kopja taʼ din il-​liġi għalih innifsu minn fuq dik li hemm għand il-​qassisin, il-​Leviti.”—Dewteronomju 17:18.

Ħafna Iżraelin kienu jieħdu pjaċir jaqraw il-​Bibbja għax kienu jafu li din kienet il-​Kelma t’Alla. B’hekk, skribi ttrenjati ħafna kienu joqogħdu attenti li jikkopjawha sew. Wieħed minnhom kien Esdra. Hu kien “kopista tas-​sengħa tal-​liġi taʼ Mosè, li kienet ngħatat minn Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel.” (Esdra 7:6) Il-​Masoreti kkopjaw l-​Iskrittura Ebrajka, jew “It-​Testment l-​Antik.” Bejn wieħed u ieħor dan għamluh bejn is-​sena 500 u s-​sena 1,000 wara Kristu (WK). Dawn kienu jgħoddu kull ittra biex jevitaw l-​iżbalji. Peress li għamlu ħafna kopji u għamlu ċert li jikkopjawhom b’mod eżatt, il-​Bibbja għadha teżisti għalkemm ħafna pprovaw jeqirduha.

Pereżempju, iżjed minn 150 sena qabel Kristu (QK), mexxej Sirjan ipprova jeqred il-​kopji kollha tal-​Iskrittura Ebrajka fil-​Palestina. Rakkont Lhudi jgħid: “Kull skroll tal-​liġi li sabu qattgħuh u ħarquh.” The Jewish Encyclopedia tgħid: “L-​uffiċjali ħaduh bis-​serjetà l-​kmand li kellhom biex ifittxu u jeqirdu dawn l-​iskrolli . . . Huma qatlu lil kull min kellu xi ktieb qaddis.” Imma xi Lhud fil-​Palestina u f’postijiet oħra rnexxielhom iżommu kopji tal-​iskrolli.

Ftit wara li l-​kittieba lestew l-​Iskrittura Griega Kristjana, jew “It-​Testment il-​Ġdid,” oħrajn għamlu ħafna kopji taʼ dawn l-​ittri ispirati, profeziji, u rakkonti. Pereżempju, Ġwanni kiteb l-​Evanġelju tiegħu fil-​belt taʼ Efesu jew viċin. Madankollu, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod, fl-​Eġittu, sabu kopja taʼ parti żgħira minn dan il-​ktieb. L-​esperti jgħidu li din il-​kopja saret f’inqas minn 50 sena wara li Ġwanni kiteb l-​Evanġelju tiegħu. Dan juri li xi Kristjani f’postijiet ’il bogħod mill-​ewwel irċivew kopji taʼ dawn il-​kitbiet ispirati.

Ħafna nies kellhom kopja tal-​Kelma t’Alla, u din hija raġuni oħra għala baqgħet teżisti mijiet taʼ snin wara Kristu. Eżempju wieħed hu dak li jgħidu xi studjużi tal-​istorja dwar dak li ġara fi Frar tas-​sena 303 WK. Il-​mexxej Ruman Dijoklezjanu kkmanda lis-​suldati tiegħu jidħlu ġo knisja u jaħarqu l-​kopji kollha tal-​Iskrittura. Hu ħaseb li jekk jeqred il-​kitbiet imqaddsin tagħhom, kien se jneħħi għalkollox il-​Kristjanità. L-​għada, hu ordna li fl-​Imperu Ruman kollu, kull kopja tal-​Bibbja kellha tinħaraq. Imma xi kopji tal-​Bibbja xorta baqgħu jeżistu u reġgħu ġew ikkopjati. Fil-​fatt, partijiet kbar taʼ żewġ kopji tal-​Bibbja bil-​Grieg li x’aktarx ġew miktubin ftit wara l-​persekuzzjoni taʼ Dijoklezjanu għadhom jeżistu. Waħda qiegħda f’Ruma u l-​oħra qiegħda fil-​British Library f’Londra, l-​Ingilterra.

Il-​kitbiet oriġinali tal-​Bibbja għadhom ma nstabux. Imma eluf taʼ kopji tal-​Bibbja sħiħa jew partijiet minnha miktubin bl-​idejn għadhom jeżistu sal-​lum. Ftit minnhom huma antiki ħafna. Inbidel il-​messaġġ tal-​Bibbja hekk kif ġiet ikkopjata? Dwar l-​Iskrittura Ebrajka, l-​istudjuż W.H. Green qal: “Nistgħu nkunu ċerti li l-​ebda ktieb antik ieħor ma ġie kkopjat b’mod eżatt bħal dan.” Sir Frederic Kenyon, li hu espert fil-​kitbiet tal-​Bibbja, qal hekk dwar l-​Iskrittura Griega Kristjana: “L-​iżjed kopji antiki li jeżistu llum il-​ġurnata saru ftit snin wara li l-​kittieba oriġinali kitbu dawn il-​kotba tal-​Bibbja. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti mija fil-​mija li l-​Bibbja li għandna llum hija eżatta. . . . M’hemmx ktieb antik ieħor li nistgħu nkunu daqshekk ċerti minnu.”

It-​Traduzzjoni tal-​Bibbja

Raġuni oħra għala ħafna nies jistgħu jaqraw il-​Bibbja iżjed minn ktieb ieħor hija għax ġiet tradotta b’ħafna lingwi. Dan jurina li Ġeħova jrid li n-​nies minn kull nazzjon u lingwa jqimuh “bl-​ispirtu u l-​verità.”—Ġwanni 4:23, 24; Mikea 4:2.

L-​ewwel traduzzjoni tal-​Iskrittura Ebrajka li nafu biha hija l-​verżjoni tas-​Settanta bil-​Grieg. Din it-​traduzzjoni kienet saret għal-​Lhud li ma kinux jgħixu fil-​Palestina u li kienu jitkellmu bil-​Grieg. Din tlestiet madwar 200 sena qabel Ġesù ġie fuq l-​art. Ftit sekli wara li l-​Bibbja kollha tlestiet, ġiet tradotta f’ħafna lingwi. Imma aktar tard, slaten u anki qassisin, minflok inkuraġġew lin-​nies biex jaqraw il-​Kelma t’Alla, għamlu kulma setgħu biex ma jkollhomx Bibbja. Il-​qassisin ma riedu lil ħadd jittraduċi l-​Bibbja fil-​lingwa li ħafna min-​nies kienu jitkellmu għax huma ma riduhomx jitgħallmu l-​verità dwar Alla.

Irġiel kuraġġużi m’obdewx lill-​Knisja u l-​gvernijiet. Huma rriskjaw ħajjithom biex jittraduċu l-​Bibbja fil-​lingwa tan-​nies. Wieħed minnhom kien William Tyndale mill-​Ingilterra. Għalkemm irġiel t’awtorità pprovaw iwaqqfuh, hu ttraduċa l-​ewwel ħames kotba tal-​Iskrittura Ebrajka mill-​Ebrajk għall-​Ingliż. Hu kien l-​ewwel wieħed li uża l-​isem t’Alla, Ġeħova, fil-​Bibbja bl-​Ingliż. Eżempju ieħor hu tal-​istudjuż tal-​Bibbja Casiodoro de Reina fi Spanja. Il-​Knisja Kattolika riedet toqtlu minħabba li kien qed jittraduċi l-​Bibbja bl-​Ispanjol. Waqt li kien qed jaħdem fuq it-​traduzzjoni tiegħu, hu kellu jaħrab lejn l-​Ingilterra, il-​Ġermanja, Franza, l-​Olanda, u l-​Iżvizzera. *

Illum, il-​Bibbja qed tkompli tiġi tradotta f’ħafna u ħafna lingwi u ppubblikata f’miljuni taʼ kopji. Il-​Bibbja għadha teżisti u issa n-​nies jistgħu jaqrawha iżjed minn kull ktieb ieħor. Dan juri li Ġeħova żamm il-​wegħda tiegħu li kiteb l-​appostlu Pietru: “Il-​ħaxix jidbiel, u l-​fjura taqaʼ, imma l-​kelma taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem.”—1 Pietru 1:24, 25.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 14 Il-​verżjoni taʼ Reina ġiet ippubblikata fl-​1569 u ġiet riveduta minn Cipriano de Valera fl-​1602.

[Stampa]

Kopji antiki tal-​Masoreti

[Stampa]

Parti minn skroll antik li fih Luqa 12:7, “. . . tibżgħux; intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt”

[Sors tal-istampa]

Foreground page: National Library of Russia, St. Petersburg; second and third: Bibelmuseum, Münster; background: © The Trustees of the Chester Beatty Library, Dublin