Ħarsa Lejn id-Dinja
Ħarsa Lejn id-Dinja
◼ Gandoffla li ttellgħet minn qiegħ l-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana qed tissejjaħ “l-ixjeħ annimal magħruf.” Ix-xjenzati għaddew is-saffi fil-qoxra tagħha li jindikaw kemm għandha żmien u ddeterminaw li l-gandoffla kellha 405 snin.—SUNDAY TIMES, IL-BRITANNJA.
◼ “Meta l-ekonomija tmur ħażin, anki dawk li għandhom il-biljuni jħossu l-effett. Sempliċement staqsi lill-psikoloġi tagħhom.”—THE NEW YORK TIMES, L-ISTATI UNITI.
It-Televixin Jeffettwa l-Imġiba Sesswali
“Hemm iktar u iktar evidenza li turi li l-attitudni taż-żgħażagħ lejn is-sess u l-imġiba sesswali tagħhom jiġu effettwati jekk ikunu esposti għal kontenut sesswali fuq it-televixin,” jgħid artiklu pubblikat fil-ġurnal Pediatrics. Fil-fatt, skont studju wieħed, l-adoloxxenti li jaraw ħafna programmi bħal dawn “għandhom ċans doppju li joħorġu tqal” minn dawk li jaraw ftit minn dan it-tip taʼ materjal. Spjegazzjoni waħda li tistaʼ tkun possibbli hi li t-televixin jagħti l-idea li l-imġiba sesswali ftit li xejn fiha riskji, billi t-tqala mhix mixtieqa u l-mard trasmess sesswalment ma jintwerewx b’mod realistiku biżżejjed. M’għandniex xi ngħidu, it-televixin huwa mezz wieħed biss fost dawk li jifformaw l-imġiba sesswali tal-adoloxxenti. Ir-riċerkaturi jissuġġerixxu wkoll li għandha tingħata attenzjoni bir-reqqa lir-rivisti, l-Internet, u l-mużika.
Każi Ġodda taʼ Ġdiem
Tlett elef ruħ fl-Istati Uniti qed jieħdu kura għall-marda tal-ġdiem, li tissejjaħ ukoll il-marda taʼ Hansen. Bejn wieħed u ieħor, kull sena jinstabu 150 każ ġdid. Ħafna mill-morda huma minn pajjiżi oħrajn. Madankollu, il-Programm Nazzjonali tal-Marda taʼ Hansen, ibbażat fil-belt taʼ Baton Rouge, Louisiana, “jara madwar 30 każ kull sena fost ir-residenti tan-naħa t’isfel taʼ Louisiana u l-Kosta tal-Golf taʼ Texas li twieldu fl-Istati Uniti u li qatt ma żaru pajjiż fejn din il-marda hi komuni,” tgħid is-Soċjetà Amerikana tal-Mediċina u l-Iġjene Tropikali. Ir-riċerkaturi għadhom ma jifhmux għalkollox kif tinfirex din il-marda. Jekk jinqabad kmieni, il-ġdiem jistaʼ jitfejjaq totalment. Madankollu, meta l-marda tkun żviluppat, il-ħsara fin-nervituri ma tkunx tistaʼ titreġġaʼ lura.
Serq taʼ Materjal Radjoattiv
“Il-possibbiltà li t-terroristi jakkwistaw materjal nukleari jew materjal ieħor radjoattiv għadha theddida gravi,” jgħid Mohamed ElBaradei, direttur ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika. “In-numru taʼ każi rapportati lill-Aġenzija li jinvolvu serq jew telf taʼ materjal nukleari jew radjoattiv huwa kbir b’mod allarmanti—kważi 250 każ fl-ewwel nofs tas-sena 2008 biss. Daqshekk ieħor huwa inkwetanti l-fatt li ħafna minn dan il-materjal qatt ma jerġaʼ jinstab.” Mhuwiex ċar jekk dan il-fenomenu rriżultax minħabba li hemm domanda akbar għal materjali radjoattivi jew jekk hux għax l-istati membri qed jirrapportaw it-telf iktar bl-eżatt.
Kitba Antika Tinstab f’Israel
Xi arkeoloġi Israeljani sabu kitba antika li tidher li nkitbet xi 1,000 sena qabel l-Iskrolli tal-Baħar il-Mejjet. Id-dokument, ħames linji taʼ kitba miktubin bil-linka fuq biċċa fuħħar, instab fi tħaffir taʼ fortizza Lhudija tal-10 seklu Q.E.K. f’Khirbet Qeiyafa, l-Israel. Id-dokument għadu ma ġiex deċifrat għalkollox, imma mid-dehra hu kitba legali li nkitbet minn skriba mħarreġ u fih “l-għerq tal-kliem ‘imħallef,’ ‘ilsir’ u ‘sultan,’” tgħid stqarrija lill-ġurnali mill-Università Ebrajka taʼ Ġerusalemm.
[Sors tal-Istampa f’paġna 11]
Gabi Laron/Istitut tal-Arkeoloġija/Università Ebrajka © Yosef Garfinkel