Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Iż-Żgħażagħ Kattoliċi Mħeġġin Jagħtu Xhieda

Iż-Żgħażagħ Kattoliċi Mħeġġin Jagħtu Xhieda

Iż-​Żgħażagħ Kattoliċi Mħeġġin Jagħtu Xhieda

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AWSTRALJA

F’LULJU tas-​sena l-​oħra nies Kattoliċi Rumani minn madwar id-​dinja ltaqgħu f’Sydney, l-​Awstralja, biex jiċċelebraw il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ 2008, avveniment reliġjuż sponsorjat mill-​Knisja Kattolika.

Il-viżitaturi, jew pellegrini, minn 170 pajjiż differenti nġemgħu fit-​toroq, ixejru l-​bnadar, jgħajtu, ikantaw, u jimlew il-​belt b’atmosfera festiva. Eluf taʼ spettaturi qagħdu jistennew fil-​Port taʼ Sydney biex jaraw jilmħux lill-​Papa Benedittu XVI, li wasal b’dgħajsa flimkien maʼ 12-il dgħajsa oħra b’diversi lwien. Xi 500 miljun ruħ segwew l-​ispettaklu dirett fuq it-​televixin.

L-aħħar quddiesa, li saret f’korsa tat-​tiġrijiet fil-​belt, ġibdet xi 400,000 ruħ, inkluż 4,000 uffiċjal tal-​knisja u 2,000 mill-​qasam tax-​xandir. Kienet l-​akbar okkażjoni taʼ nies miġburin f’daqqa li qatt kien hemm fl-​Awstralja, u saħansitra qabżet ir-​rekords li kien hemm fil-​Logħob Olimpiku taʼ Sydney fis-​sena 2000.

X’inhu l-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ? Għala jsir? X’attivitajiet jinkludi? U x’kixef dwar il-​fidi taż-​żgħażagħ hemmhekk f’Sydney?

“Fidi Dgħajfa”

Il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ isir kull sena biex tiġi ċelebrata l-​fidi taż-​żgħażagħ Kattoliċi. Il-​membri tal-​Knisja ġeneralment josservaw dan il-​jum fid-​djoċesi lokali tagħhom. Madankollu, kull sentejn jew tlieta, dan l-​avveniment isir f’belt kbira u ż-​żgħażagħ Kattoliċi minn madwar id-​dinja jiġu mistidnin jattendu. S’issa dawn il-​laqgħat ġew organizzati f’għaxart ibliet f’ħames kontinenti, u miljuni attendewhom.

Imma bħalma jammettu l-​uffiċjali tal-​knisja, l-​iskop tal-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ huwa wkoll biex inaqqas l-​ammont taʼ nies fil-​Knisja Kattolika li qed jitilfu l-​fidi u li m’għadhomx jattendu. “Qed niffaċċjaw problema serja taʼ nies li m’għadhomx jipprattikaw ir-​reliġjon Kattolika u sa ċertu punt għandhom fidi dgħajfa,” jgħid George Cardinal Pell, membru tal-​kleru Kattoliku fl-​Awstralja. “Il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ huwa attentat biex issir xi ħaġa dwar dan.”

In-numru taʼ qassisin qed jonqos mad-​dinja kollha, skont iċ-​ċifri tal-​Vatikan. F’dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin, ħafna eluf telqu minn qassisin sabiex jiżżewġu. Fl-​Awstralja, l-​għadd taʼ dawk li qed jieħdu t-​taħriġ biex isiru qassisin naqas b’iktar minn 70 fil-​mija f’dawn l-​aħħar 30 sena. L-​età medja tal-​qassisin fl-​akbar djoċesi tal-​Awstralja issa hija madwar 60 sena, xi 20 sena iktar mill-​età medja fl-​1977.

L-attendenza fil-​knisja f’ħafna pajjiżi naqset ukoll. Madwar 25 fil-​mija tal-​Awstraljani kollha jgħidu li huma Kattoliċi, imma 14 fil-​mija biss imorru l-​knisja regolarment. Mid-​dehra, inqas minn 10 fil-​mija taż-​żgħażagħ Kattoliċi jattendu. Sadanittant, ħafna Kattoliċi ma jobdux it-​tagħlim tal-​knisja dwar il-​moralità sesswali, il-​kontraċezzjoni, u d-​divorzju. Oħrajn huma diżappuntati minħabba l-​iskandli tal-​knisja, bħal dawk li jinvolvu lill-​qassisin pedofili.

Il-Jum Dinji taż-​Żgħażagħ “fil-​fatt huwa l-​aħħar attentat iddisprat biex iwaqqaf dan il-​kollass,” tgħid il-​gazzetta The Sydney Morning Herald. “Il-​mexxejja tal-​knisja fl-​Awstralja u f’Ruma qed ifittxu . . . tiġdid permezz taż-​żgħażagħ tagħhom.” Il-​mexxejja tal-​knisja kif qed jipprovaw jiġbdu liż-​żgħażagħ?

Wirjiet u Ċelebrazzjonijiet

Il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ 2008 kien jinkludi wirjiet konnessi mal-​knisja, diskussjonijiet fi gruppi, pellegrinaġġi reliġjużi, u folol kbar taʼ nies jisimgħu l-​quddies. Għalkemm dawn l-​attivitajiet messew qalb ħafna mill-​pellegrini, xi wħud innotaw attitudni oħra li kienet qed tagħti l-​ħajja lil dawn l-​attivitajiet. Żagħżugħa Kattolika jisimha Alexandra mill-​Istati Uniti qalet dwar il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ, “Mhu xejn ħlief party kbir.”

Din il-​laqgħa f’Sydney li nżammet għal sitt ijiem ippreżentat 450 avveniment festiv, inkluż kunċerti, films, reċti, wirjiet, u spettakli fit-​toroq. Il-​mużika kienet tvarja minn opera u kant Gregorjan sa heavy metal u rap. Il-​kunċerti rock ġibdu lil eluf taʼ żgħażagħ sfrenati.

Dawn l-​avvenimenti inkwetaw lil xi Kattoliċi. L-​okkażjoni “saret biss party ferrieħi—ġimgħa sħiħa taʼ xalar, kunċerti, u attivitajiet minn madwar id-​dinja bi ftit li xejn minn dak li hu tassew qaddis u sagru,” qal il-​qassis Peter Scott lill-​ABC News tal-​Awstralja. Fil-​fatt, fis-​sena 2000, il-​Papa Benedittu XVI, li dak iż-​żmien kien il-​Kardinal Ratzinger, kiteb: “Il-​mużika rock hija espressjoni taʼ passjonijiet fiżiċi qawwijin, u fil-​kunċerti tar-​rock tittrasforma ruħha f’kult, forma taʼ qima, fil-​fatt, f’oppożizzjoni għall-​qima Kristjana.”—L-​Ispirtu tal-​Liturġija.

Forsi tqum il-​mistoqsija, “Huwa l-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ avveniment li jbiddel il-​ħajja taʼ individwu?” “Forsi għal minoranza żgħira,” innota Paul Collins, li kien qassis. “Imma l-​biċċa l-​kbira jmorru lura għal kif kienu jgħixu qabel,” qal hu. “Bidla fundamentali ma ssirx bl-​ispettakli, imma billi wieħed jirrifletti, jippjana b’attenzjoni, u jkun determinat li jaħdem fuq problemi li jkunu ilhom għandu.”

‘Kunu Xhud Tiegħi’

Il-​mexxejja tal-​knisja huma konxji sew taʼ dawn il-​fatti. Għaldaqstant, il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ 2008 kellu t-​tema: “Intom ikollkom qawwa, meta jiġi l-​Ispirtu s-​Santu fuqkom, u tkunu xhud tiegħi.” a

L-isqfijiet ħeġġew lill-​pellegrini “jiskopru żelu appostoliku ġdid sabiex jagħtu xhieda iktar bis-​sħiħ tal-​Evanġelju fid-​dinja moderna.” Il-​Papa Benedittu XVI ħeġġeġ lill-​pellegrini biex isiru “ġenerazzjoni ġdida t’appostli,” u f’okkażjoni oħra ħeġġiġhom ixerrdu “l-​Aħbar Tajba fost ħbiebhom, il-​familji tagħhom, u kull min jiltaqgħu miegħu.”

Dan it-​tħeġġiġ laqat lil xi pellegrini sinċieri. Ramido, żagħżugħ t’20 sena mill-​Istati Uniti, qal lil riporter wieħed: “L-​għoti taʼ xhieda hu xi ħaġa li niħodha bis-​serjetà.” Imma Beatrice, tfajla taʼ 18-il sena mill-​Italja, osservat: “Iż-​żgħażagħ illum ma jitkellmux fuq Alla. Daż-żmien diffiċli ħafna li tkun xhud.” Żewġ tfajliet adoloxxenti minn Texas, fl-​Istati Uniti, qalu: “L-​uniċi nies li jagħtu xhieda fl-​inħawi tagħna huma Xhieda taʼ Ġeħova!” u ħafna pellegrini oħrajn ikkummentaw bħalhom.

Żgħażagħ li Jagħtu Xhieda

Tabilħaqq, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, żgħar u kbar, huma magħrufin sew għax-​xhieda li jagħtu b’mod żeluż. Għala jagħmlu dan? “Imħabba għal Alla, imħabba għan-​nies, u mħabba għall-​Bibbja,” jgħid Sotir, Xhud taʼ 22 sena minn Sydney.

Matul il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ 2008, kważi 400 Xhud taʼ Ġeħova minn Sydney, għalkemm m’attendewx dan l-​avveniment, ngħaqdu f’kampanja speċjali biex jaqsmu veritajiet Bibliċi mal-​pellegrini Kattoliċi li ġew f’pajjiżhom. “Ħadt gost niltaqaʼ maʼ dawn iż-​żgħażagħ Kattoliċi li kellhom rispett għal affarijiet spiritwali,” qal Travas, li għandu 25 sena. “Ħafna minnhom kellhom mistoqsijiet tajbin dwar il-​Bibbja, u ħadt pjaċir nurihom tweġibiet sodisfaċenti.”

“Jien ipprovajt inkun rilassata u informali magħhom,” qalet Tarsha, li għandha 23 sena. “Xtaqt nagħtihom merħba f’Sydney u nismaʼ x’kienu jemmnu.” “Fejn kien xieraq, tajt rigal lill-​viżitaturi—il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? b qal Frazer, li għandu 20 sena. “Kull min iltqajt miegħu ħa pjaċir bih.”

B’mod ċar, ħafna wħud li żaru Sydney ħadu gost jitkellmu maż-​żgħażagħ Xhieda taʼ Ġeħova. Suzanne, minn Fiji, staqsiet lil Belinda, Xhud taʼ 19-il sena, għala Alla jippermetti t-​tbatija. Belinda ssuġġeritilha li jiddiskutu t-​tweġiba preżentata fil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Meta spiċċaw, Suzanne qalet: “Ġeneralment in-​nies jgħiduli li Alla jaħdem b’modi misterjużi. Din id-​darba tassew ngħatajt tweġiba!” Meta Belinda tatha l-​ktieb, Suzanne qalet bi stagħġib: “Kont qed nipprova niftakar kulma għedtli. Ma ħsibtekx li se tħallini nżomm il-​ktieb!”

Mara mill-​Filippini staqsiet lil Marina, Xhud taʼ 27 sena, biex tiħdilha ritratt quddiem bini famuż f’Sydney. Imbagħad qabdu jitkellmu flimkien, u Marina tat lill-​mara l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? “Fil-​fatt dal-lejl tlabt biex nifhem il-​Bibbja aħjar,” qalet il-​mara. “Dan il-​ktieb jistaʼ jkun it-​tweġiba għat-​talba tiegħi!”

Levi, Xhud taʼ 27 sena, qabad konversazzjoni maʼ żewġ viżitaturi mill-​Panama, omm u bint. Id-​diskors taʼ bejniethom ma damx ma dar fuq affarijiet spiritwali u kompla b’diskussjoni tajba dwar it-​tagħlim tal-​Bibbja. It-​tnejn aċċettaw il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Iktar tard, Levi staqsiehom, “X’kien li laqatkom l-​iktar matul iż-​żjara tagħkom?” Bil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? f’idejha, it-​tifla wieġbet, “Li ltqajna miegħek.”

Iva, ħafna żgħażagħ Kattoliċi kienu ħerqanin li jkunu jafu iktar dwar il-​Bibbja. Xi ngħidu għalik? Tixtieq tifhem il-​Bibbja aħjar? Allura għala ma tistaqsix lix-​Xhieda taʼ Ġeħova għal studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas? Se tkun l-​għaxqa tagħhom li jgħinu lilek ukoll!

[Noti taʼ taħt]

a Din it-​tema hi parti minn kwotazzjoni minn Atti 1:8 mill-​Bibbja taʼ Saydon.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 27]

“Qed niffaċċjaw nuqqas kbir taʼ nies li jipprattikaw ir-​reliġjon u sa ċertu punt nuqqas taʼ fidi.”—George Cardinal Pell, Kattoliku Ruman

[Kaxxa/​Stampi f’paġna 25]

ESPOŻIZZJONI TAʼ VOKAZZJONIJIET FIL-​KNISJA

Il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ 2008 ppreżenta l-​akbar espożizzjoni taʼ vokazzjonijiet reliġjużi li qatt saret fl-​Awstralja. Iktar minn 100 ordni u aġenzija Kattolika ħeġġew lil iktar minn 50,000 pellegrin biex jikkunsidraw karrieri fil-​Knisja Kattolika bħala qassisin, sorijiet, jew ħaddiema reliġjużi.

[Stampa f’paġna 24, 25]

Pellegrini lebsin kuluri vivaċi mxew fit-​toroq

[Stampi f’paġna 26]

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fittxew li jkellmu lill-​pellegrini li żaru l-​belt taʼ Sydney

[Sors tal-​Istampa f’paġna 24]

Getty Images