Id-Dipressjoni—Kif Tikkuraha
Id-Dipressjoni—Kif Tikkuraha
“JIEN u żewġi fittixna kura medika, għamilna bidliet fl-istil taʼ ħajja tagħna, u stinkajna biex niżviluppaw rutina li jien nistaʼ nkampa magħha,” tgħid Ruth, li ilha tbati mid-dipressjoni għal ħafna snin. “Issa donna sibna mediċini effettivi, u sejra aħjar. Imma meta kien hemm żmien li fih xejn qisu ma kien qed jaħdem, l-imħabba kontinwa taʼ żewġi u l-ħbieb għenitni ma naqtax qalbi.”
Bħalma tindika l-esperjenza taʼ Ruth, il-pazjenti li jbatu mid-dipressjoni klinika jkollhom bżonn kull appoġġ li jistgħu jsibu, inkluż kwalunkwe kura medika xierqa. Jistaʼ jkun taʼ dannu li tinjora d-dipressjoni, għax xi drabi meta din ma tiġix ikkurata tistaʼ tipperikola l-ħajja. Madwar elfejn sena ilu, Ġesù Kristu rrikonoxxa li dawk b’esperjenza medika jistgħu jipprovdu l-għajnuna meħtieġa, meta qal li ‘dawk li huma morda għandhom bżonn tabib.’ (Marku 2:17) Il-fatt hu li t-tobba jistgħu jgħinu ħafna biex itaffu t-tbatija taʼ ħafna pazjenti dipressi. a
Xi Għażliet li Jgħinu
Hemm diversi tipi taʼ kura għad-dipressjoni, li jvarjaw skont is-sintomi tal-marda u kemm din tkun qawwija. (Ara l-kaxxa f’paġna 5, “X’Tip taʼ Dipressjoni?”) Ħafna nies jistgħu jiġu megħjunin mit-tabib tal-familja tagħhom, imma xi wħud ikollhom bżonn kura iktar speċjalizzata. It-tabib jistaʼ jordnalhom xi mediċina antidipressanti jew jirrikkmandalhom xi ħaġa oħra li tistaʼ tgħinhom. Xi wħud kellhom riżultati tajbin permezz taʼ mediċini magħmulin mill-ħxejjex, bdil fid-dieta, jew programm t’eżerċizzju kontrollat.
Kwistjonijiet Komuni
1. Ħbieb b’intenzjoni tajba imma bi ftit taħriġ mediku jew xejn jistgħu jipprovaw jgħidulek liema kura għandek taċċetta u liema tirrifjuta. Forsi jkollhom opinjonijiet sodi dwar jekk għandekx tieħu mediċini magħmulin mill-ħxejjex, mediċina ordnata mit-tabib, jew li ma tieħu xejn.
Qis dan: Kun ċert li kwalunkwe parir li taċċetta jkun ġej minn sors li tistaʼ toqgħod fuqu. Fl-aħħar mill-aħħar l-għażla informata trid tagħmilha int.
2. L-iskuraġġiment jistaʼ jġiegħel lill-pazjenti jwaqqfu l-kura li jkunu għażlu għax iħossu li ma jkunux sejrin għall-aħjar jew minħabba l-effetti koroh tal-kura.
Qis dan: “Il-pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.” (Proverbji 15:22) Programm taʼ terapija medika x’aktarx li jirnexxi iktar jekk ikun hemm komunikazzjoni tajba bejn it-tabib u l-pazjent. Spjega b’mod sinċier lit-tabib tiegħek x’qed jinkwetak jew iddeskrivilu s-sintomi, u staqsih jekk hemmx għalfejn tbiddel il-kura jew inkella għandekx bżonn sempliċement tistenna iktar qabel tibda tara l-benefiċċji tagħha.
3. Il-fatt li jkunu kunfidenti żżejjed jistaʼ jġiegħel lill-pazjenti jwaqqfu l-kura medika f’daqqa wara ftit ġimgħat għax iħossuhom
aħjar. Forsi jinsew kemm kienu koroh is-sintomi tagħhom qabel bdew il-mediċina.Qis dan: Jekk twaqqaf il-kura medika f’daqqa mingħajr ma tikkonsulta t-tabib jistaʼ jkollok konsegwenzi serji u li saħansitra jipperikolaw il-ħajja.
Għalkemm il-Bibbja mhijiex ktieb tal-mediċina, l-Awtur tagħha, Alla Ġeħova, hu l-Ħallieq tagħna. L-artiklu li jmiss se jeżamina l-faraġ u l-gwida li tipprovdi l-Kelma t’Alla kemm għal dawk li jbatu mid-dipressjoni u kemm għal dawk li jieħdu ħsiebhom.
[Nota taʼ taħt]
a Stenbaħ! ma japprovax xi kura partikulari. Kull individwu għandu jiżen bir-reqqa l-għażliet tiegħu qabel jieħu deċiżjoni persunali.
[Kaxxa f’paġna 5]
X’TIP TAʼ DIPRESSJONI?
Kemm tkun effettiva ċerta kura medika jiddependi minn liema tip taʼ dipressjoni jkollu l-pazjent.
◼ Id-dipressjoni maġġura għandha sintomi li huma qawwijin biżżejjed biex idumu sitt xhur jew iktar jekk ma tiġix ikkurata u li jeffettwaw kważi kull aspett tal-ħajja taʼ min ikun qed ibati minnha.
◼ Id-diżordni bipolari hu magħruf ukoll bħala dipressjoni manijaka. Min ibati minnu jistaʼ jesperjenza estremi emozzjonali li jinbidlu drammatikament bejn fażijiet twal t’attività eċċessiva (maniji) u fażijiet taʼ dwejjaq li jifnuh (dipressjonijiet).—Ara l-artiklu “Intom Ma Tafux X’Għad Isir Għada,” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru, 2000.
◼ Id-distimja (dysthymia), għalkemm ma ddgħajjifx lil dak li jkun daqs id-dipressjoni maġġura, għandha sintomi dipressivi li jagħmluha diffiċli għall-ġisem tal-pazjent biex jiffunzjona b’mod normali. Xi wħud jistgħu jesperjenzaw ukoll perijodi taʼ dipressjoni maġġura minn żmien għall-ieħor.
◼ Id-dipressjoni wara t-twelid taʼ tarbija (postpartum depression) hija kundizzjoni emozzjonali li teffettwa lil ħafna ommijiet wara l-ħlas u tixorbilhom saħħithom.—Ara l-artiklu “Nifhmu d-Dipressjoni wara t-Twelid taʼ Tarbija,” fil-ħarġa taʼ din ir-rivista tat-8 t’Awwissu, 2003.
◼ Id-dipressjoni staġjonali (seasonal affective disorder) x’aktarx tirriżulta minħabba nuqqas taʼ dawl tax-xemx matul il-ħarifa u x-xitwa. Ġeneralment min ibati minnha jħossu aħjar fir-rebbiegħa u s-sajf.