‘Kexxun li Ġeħova Biss Jistaʼ Jiftħu’
‘Kexxun li Ġeħova Biss Jistaʼ Jiftħu’
◼ Fl-2007, Erika, tifla taʼ sitt snin, u Mattia, tifel t’erbaʼ snin, tilfu lil missierhom fil-mewt. Madankollu, it-tama tal-irxoxt isserraħ lil dawn it-tfal mill-uġigħ.—Atti 24:15.
Erika tħobb taqsam it-tama tagħha bbażata fuq il-Bibbja m’oħrajn, speċjalment fl-iskola tagħha fi Sqallija. Pereżempju, meta l-ħabiba tagħha Beatrice qalet li issa missier Erika kien fis-sema, Erika bil-ħlewwa wiġbitha li l-Bibbja tgħid mod ieħor. “Allura fejn hu?” staqsiet Beatrice.
“Fil-qabar,” wieġbet Erika. Malli qaltilha hekk, Beatrice riedet tkun taf x’inhu qabar.
“Huwa bħal kexxun li jinfetaħ u jingħalaq,” spjegatilha Erika. “Imma meta dan il-kexxun jingħalaq, ma tkunx tistaʼ tiftħu. Ġeħova biss jistaʼ jiftħu meta tiġi d-dinja l-ġdida.”
Erika mbagħad spjegat lill-ħabiba tagħha li Ġeħova hu l-isem t’Alla, li se jġib ġenna fuq l-art, li mhux se jkun hawn iżjed mard, u li l-mejtin se jerġgħu jieħdu l-ħajja. Imbagħad Erika staqsiet lil Beatrice biex tiċċekkja jekk ommha tħallihiex taċċetta bħala rigal ktieb li jitkellem fuq dawn l-affarijiet.
Meta ġiet aċċertata li omm Beatrice tatha l-permess, Erika tat kopja tal-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir lill-ħabiba tagħha. Erika għadha titkellem m’oħrajn dwar l-affarijiet li qed titgħallem mill-Bibbja u saħansitra tat kopja tal-ktieb imsemmi hawn fuq lill-għalliema tagħha.
M’għandniex xi ngħidu, Erika u ħuha ż-żgħir xorta jgħaddu minn mumenti taʼ dwejjaq minħabba li tilfu lil missierhom. Imma t-tama tal-irxoxt iġġegħelhom iħossuhom aħjar. Dawn it-tfal, bħal ħafna oħrajn madwar id-dinja, jirringrazzjaw lil Ġeħova, l-Alla tal-faraġ veru.—Mattew 21:16; 2 Korintin 1:3, 4.
Tistaʼ titlob kopja taʼ dan il-ktieb bi stampi sbieħ li fih 256 paġna u li l-paġni tiegħu huma daqs il-paġni taʼ din ir-rivista. Sempliċement imla l-kupun t’hawn taħt u ibagħtu fl-indirizz provdut jew f’indirizz xieraq imniżżel f’paġna 5 taʼ din ir-rivista.
□ Mingħajr obbligu, nixtieqkom tibagħtuli kopja tal-ktieb muri hawnhekk.
□ Jekk jogħġobkom ikkuntattjawni rigward studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.