Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Espresso—Kafè Magħmul bis-Sengħa

L-Espresso—Kafè Magħmul bis-Sengħa

L-​Espresso—Kafè Magħmul bis-​Sengħa

Kull sena jinxtorbu mijiet taʼ biljuni taʼ kikkri kafè. Dan jagħmel il-​kafè wieħed mill-​iktar xarbiet popolari fid-​dinja.

GĦAL xi wħud li jħobbu l-​kafè, l-​espresso msajjar b’mod perfett huwa “l-​aqwa kafè,” jgħid il-​ġurnal Scientific American, “għax il-​mod speċjali kif jiġi preparat joħroġ iżjed it-​togħma tal-​kafeni [żrieragħ tal-​kafè].” Dan jinvolvi li fwar jew misħun bil-​pressa jgħaddi mill-​kafè mitħun fin.

“In-​nies jieħdu gost jixorbu tipi differenti taʼ kafè magħmul bħall-​espresso fil-​ħwienet u jkunu jridu jagħmlu kafè tal-​istess kwalità d-​dar,” qal espert f’din l-​industrija lil Stenbaħ! Dan issa jistaʼ jsir permezz taʼ magni tal-​espresso magħmulin biex jintużaw fid-​djar. Ir-​riżultat hu li l-​konsum t’espresso magħmul id-​dar qed jiżdied bil-​ħeffa f’xi pajjiżi.

Int tixrob kafè? Tixtieq titgħallem kif tagħmel espresso mill-​aqwa? X’hemm bżonn biex tagħmel kikkra kafè perfetta? Stenbaħ! staqsa din il-​mistoqsija lil żewġ esperti fl-​inkaljar tal-​kafè, John u missieru Gerardo, li jgħixu f’Sydney, l-​Awstralja.

It-​Taħlita Preċiża

John u Gerardo għandhom fabbrika fejn jinkaljaw il-​kafè. Xkejjer mimlijin kafeni mhux inkaljati minn madwar id-​dinja jinsabu mserrħin mal-​ħitan. John jgħid: “Jien nagħżel diversi kafeni mhux inkaljati u nagħmel taħlita skont riċetta preparata bir-​reqqa. Kull varjetà taʼ kafeni għandha l-​karattru tagħha u teffettwa t-​togħma finali tat-​taħlita. Hemm bżonn taż-​żmien biex tasal għat-​togħma li trid. Fil-​fatt, domt sitt xhur nesperimenta sakemm ħriġt bit-​taħlita eżatta għall-​iktar espresso popolari tagħna.” Mhux taʼ b’xejn li dawk li jinkaljaw il-​kafè joqogħdu attenti ferm li jżommu r-​riċetti tagħhom għalihom!

Gerardo jieħu ħsieb il-​proċess tal-​inkaljar, sengħa li tirrikjedi ħafna taħriġ, għax l-​inkaljar ibiddel il-​karatteristiki kimiċi tal-​kafeni b’mod tal-​għaġeb u joħloq madwar 500 sustanza li malajr jinbidlu f’gassijiet fl-​arja. Waqt li l-​kafeni jkunu qed iduru f’magna li tinkalja l-​kafè—ċilindru li jdur ġewwa kumpartiment imsaħħan bil-​gass—jitħallew jisħnu sakemm jinstemgħu jfaqqgħu. Dan isir meta l-​ilma u d-​dijossidu karboniku jagħlu sew u l-​kafeni jespandu. Meta jespandu, il-​qoxra taċ-​ċelluli ġewwa l-​kafeni tinqasam, u b’hekk joħorġu żjut aromatiċi. Imbagħad dawn iż-​żjut jidentifikaw kemm ir-​riħa tfuħ u kemm it-​togħma partikulari tal-​espresso. Hawn hu fejn tidħol l-​arti tal-​espert fil-​proċess tal-​inkaljar, għax hu jkun jaf b’liema rata għandu jsaħħan il-​kafeni u kemm idewwimhom jinkaljaw.

Fil-ħin u fil-​waqt eżatt, Gerardo jitfaʼ l-​kafeni jaħarqu li jkunu saru kannella skuri f’qoffa tal-​azzar u jitfgħalhom arja kiesħa biex ma jkomplux jinkaljaw iżżejjed. “It-​togħma tal-​kafè tkun fl-​aqwa tagħha ġurnata jew tnejn wara l-​inkaljar,” jgħid John. Iż-​żjut li jagħtu t-​togħma mbagħad ikunu stabbli u lesti biex jintgħamlu f’kafè.

L-​Arti fit-​Tisjir

“Il-​metodu li bih isir il-​kafè espresso huwa l-​iktar metodu effiċjenti—u diffiċli—mill-​metodi l-​oħrajn kollha kif jissajjar il-​kafè,” jispjega John. Biex tagħmel espresso perfett trid b’sengħa żżomm bilanċ bejn tliet proċessi fundamentali: it-​tħin tal-​kafè (1), l-​ippressar tal-​kafè mitħun fil-​filtru tal-​magna tal-​kafè (2), u t-​tferrigħ tal-​espresso (3). “Huwa importanti ferm li titħan il-​kafè kemm suppost,” jgħid John. “Jekk tħalli l-​kafeni mitħunin kbar wisq, l-​espresso mhux se jkun magħqud biżżejjed. Jekk titħnu żżejjed, il-​kafè se jintiegħem morr u maħruq. Fiż-​żewġ każi, meta l-​espresso jkun qed jitferraʼ miż-​żennuna, il-​krema—l-​ixkuma dehbija fil-​wiċċ tal-​espresso frisk—se tindika kemm iż-​żjut ikunu ħarġu tajjeb.”

Wara li jitħan ftit żrieragħ tal-​kafè, John juża għodda biex jippressahom fil-​filtru, sakemm il-​wiċċ ikun lixx u kważi jidher illostrat. Imbagħad jagħlaq il-​filtru fil-​magna u jixgħel il-​pompa. Miż-​żennuna jibda ħiereġ bis-​saħħa likwidu jaħraq u kannella. Kważi minnufih, John, bl-​esperjenza li għandu, jinduna li l-​kafè ma kienx mitħun biżżejjed. “Spiss, biex tagħmel espresso perfett trid tipprova diversi drabi,” jgħid hu. “Ejja nerġgħu nipprovaw b’kafè mitħun kważi trab. U wkoll nippressawh ftit iktar biex il-​kafè joħroġ iktar bil-​mod.”

John jagħmel il-​bidliet neċessarji u jerġaʼ jixgħel il-​magna. L-​espresso bil-​krema magħquda tiegħu issa joħroġ bil-​mod miż-​żennuna tal-​filter qisu għasel sħun. Hekk kif ir-​riħa tfuħ tal-​kafè li taqsamlek qalbek terġaʼ timla kullimkien, it-​tbissima fuq wiċċ John turi li hu kuntent bil-​kafè. “Hu importanti ħafna li nwaqqfu l-​magna meta l-​kulur tal-​kafè li jkun qed jitferraʼ jkun beda jiċċara,” jgħid hu. Dan it-​tferrigħ jieħu inqas minn 30 sekonda. “Jekk tħalli l-​kafè jdum ħiereġ iktar,” iżid hu, “kulma tkun qed tagħmel hu li tagħtih togħma morra u żżidlu l-​kafeina.”

“Naħseb li għadna kemm għamilna espresso perfett,” jgħid John, hekk kif iħares lejn il-​krema magħquda li baqgħet f’wiċċ il-​kafè. “Min irid kafè?”

Xi nies li jippreferu l-​espresso tradizzjonali u klassiku, magħruf bħala ristretto, jiħduh waħdu, bla ma jżidulu xejn ħlief forsi ftit zokkor. Oħrajn għandhom mnejn jippreferu jżidulu ftit ħalib sħun biex jagħmlu cappuccino, jew caffè latte, jew għadd taʼ forom oħrajn t’espresso. “Daż-żmien iktar minn 90 fil-​mija tal-​kafè espresso jinbiegħ kollu f’xarbiet bil-​ħalib miżjud,” tgħid ir-​rivista Fresh Cup Magazine. a

M’hemm l-​ebda dubju li konversazzjoni rilassata b’kikkra sħuna f’idejk—kafè jew te, skont x’tippreferi—hija waħda mill-​pjaċiri sempliċi tal-​ħajja. “Xarba delizzjuża tiġbor lin-​nies flimkien,” jgħid John. “Forsi dan hu l-​akbar ġid li joħroġ minnha!”

[Nota taʼ taħt]

a Jekk għandek dubju jekk Kristjan għandux jevita l-​kafè u t-​te minħabba li fihom il-​kafeina, sustanza li tistaʼ twassal għal dipendenza, tistaʼ taqra l-​artiklu “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fil-​ħarġa tar-​rivista It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April, 2007, li tmur id f’id maʼ din ir-​rivista.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 15]

X’KAFÈ TIXTRI U KIF TAĦŻNU

“Il-​kafè inkaljat jibda jitlef it-​togħma tiegħu wara ġimgħa, il-​kafè mitħun siegħa wara li jintaħan, u l-​kafè msajjar wara ftit minuti,” tgħid gwida dwar kif tixtri l-​kafè. Għaldaqstant, jekk tixtri l-​kafè mhux mitħun, ikun l-​aħjar li tixtrih f’ammonti żgħar u żżommu f’post frisk u mudlam. Imma ddaħħlux fil-​friġġ, għax jistaʼ jassorbi l-​ilma u jitlef it-​togħma. U dejjem sajjar il-​kafè meta tkun għadek kif tħantu.

[Sors tal-​Istampa f’paġna 15]

Ritratt 3: Stampi bil-​korteżija taʼ Sunbeam Corporation, Australia