Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Leali Lejn Alla Għal Iktar Minn 70 Sena

Leali Lejn Alla Għal Iktar Minn 70 Sena

Leali Lejn Alla Għal Iktar Minn 70 Sena

Kif rakkontata minn Josephine Elias

“Toqgħodx tinkwieta,” qalli żewġi b’leħen baxx minn bejn il-​ħadid taċ-​ċella tal-​ħabs. “Sew jekk joqtluni u sew jekk jeħilsuni, jien se nibqaʼ leali lejn Ġeħova.” Jien ukoll kont determinata li nibqaʼ leali. Illum għadni nħossni l-​istess.

JIEN twilidt fl-​1916 f’Sukabumi, belt żgħira fl-​għoljiet taʼ Ġava tal-​Punent, l-​Indoneżja. Il-​ġenituri tiegħi kienu Ċiniżi sinjuri li kienu jgħixu f’dar kbira bil-​qaddejja. Kelli ħames aħwa subien, tlieta akbar minni u tnejn iżgħar. Jien kont l-​unika tifla, u sirt vera mqarba. Kont inħobb nixxabbat mal-​bjut tad-​djar u nieħu sehem fl-​isports. Madankollu, kien hemm xi ħaġa li kienet tinkwetani ħafna.

Il-ħsieb li ninħaraq fl-​infern kien iwerwirni. L-​għalliema tiegħi kienu jgħidu li t-​tfal imqarbin imorru l-​infern. U peress li jien kont imqarba kont inħoss li hemmhekk se nispiċċa. Iktar tard, waqt li kont qed nattendi l-​iskola sekondarja f’Ġakarta (dak iż-​żmien Batavia) imradt. It-​tabib ħaseb li se mmut, u għalhekk sidt il-​kera pprovat tfarraġni billi tgħidli li dalwaqt kont se nkun fis-​sema. Imma jien bżajt li d-​destin tiegħi kien għall-​infern.

Ħija l-​kbir Dodo u ommi, Kang Nio, ġew malajr Ġakarta biex jiħduni d-​dar. Aħna u sejrin id-​dar, Dodo staqsieni, “Kont taf li l-​Bibbja ma tgħallimx li jeżisti n-​nar tal-​infern?”

“Kif taf?” staqsejtu. Ommi qratli xi skritturi mill-​Bibbja li juru li l-​mejtin ma jafu xejn u qed jistennew l-​irxoxt. (Ekkleżjasti 9:5, 10; Ġwanni 5:28, 29) “Dawn l-​affarijiet tgħallimniehom mix-​Xhieda taʼ Ġeħova,” spjegawli. Imbagħad tawni ktejjeb żgħir jismu Where Are the Dead? (Fejn Qegħdin il-​Mejtin?) u bdejt naqrah mill-​ewwel. a Qabel wasalna d-​dar għedtilhom, “Din hi l-​verità!”

Nitkellem Dwar il-​Fidi Tiegħi

Sa dak iż-​żmien il-​familja tiegħi kienet laħqet marret toqgħod Bandung, belt kbira f’Ġava tal-​Punent. Hemmhekk irkuprajt mill-​marda tiegħi bil-​mod il-​mod. F’Marzu tal-​1937 ġie jżurna Clem Deschamp, Xhud Awstraljan li kien qed jaqdi f’Ġakarta. Matul iż-​żjara tiegħu, jien, ommi, u ħuti l-​kbar—Felix, Dodo, u Peng—tgħammidna bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tagħna lil Alla. Iktar tard, ħuti ż-​żgħar, Hartanto u Jusak, u missieri, Tan Gim Hok, ukoll saru Xhieda. b

Wara li tgħammidna, ngħaqadna maʼ Clem f’kampanja speċjali taʼ ppritkar taʼ disat ijiem. Hu wriena kif nippritkaw billi nużaw kard tat-​testimonjanza li kien fiha messaġġ sempliċi mill-​Bibbja bi tliet lingwi. Tajna xhieda wkoll b’mod informali lill-​qraba u l-​ħbieb tagħna. Il-​grupp żgħir tagħna f’Bandung ma damx ma sar kongregazzjoni, it-​tieni waħda fl-​Indoneżja.

Iktar tard dik is-​sena, il-​familja tagħna marret toqgħod Ġakarta biex tipprietka liċ-​Ċiniżi li kienu joqogħdu hemmhekk, 80,000 abitant. Jien, ommi, u Felix dħalna fil-​ministeru Kristjan full-time bħala pijunieri. Jien mort nipprietka wkoll f’Bandung, Surabaya, u postijiet oħrajn. Fil-​biċċa l-​kbira kont nipprietka waħdi. Kont żgħira, b’saħħti, u ferħana naqdi lil Alla. Madankollu, is-​sħab tal-​gwerra kien qed ifiġġ fuq ix-​xefaq, u l-​fidi tiegħi dalwaqt kienet se tgħaddi minn prova.

Il-​Gwerra Ġġib Magħha l-​Provi

F’Diċembru tal-​1941, il-​kaos tat-​tieni gwerra dinjija ħakem l-​Asja f’daqqa. L-​Armata Imperjali tal-​Ġappun ħatfet l-​Indoneżja bħal morsa taħt idejha. Il-​letteratura Biblika tagħna ġiet projbita, u ma stajniex nippritkaw bil-​miftuħ. Meta kont inżur lin-​nies interessati fi djarhom kont inġorr il-​logħba taċ-​ċess miegħi sabiex oħrajn jaħsbu li konna sempliċement qed nilagħbu ċ-​ċess.

Fl-1943 iżżewwiġt lil André, pijunier qalbieni b’vuċi soda u qawwija li kienet tiġbed l-​attenzjoni. Flimkien konna ndaħħlu bil-​moħbi l-​letteratura tal-​Bibbja għax-​Xhieda f’Ġava. Kieku kellhom jaqbduna kienu jittorturawna u joqtluna. Ħafna drabi bil-​ħniena ħlisnieha.

Darba minnhom meta konna se nirkbu ferrovija f’Sukabumi, jien u André ġejna mwaqqfin mill-​Kempeitai, il-​pulizija militari Ġappuniżi li kulħadd kien jibżaʼ minnhom. Jien kont qed inġorr xi letteratura projbita fil-​qiegħ tal-​basket tiegħi. “X’għandek fil-​basket?” ried ikun jaf pulizija minnhom.

“Ħwejjeġ,” wieġeb André.

“U x’hemm taħt il-​ħwejjeġ?” staqsa hu.

“Iktar ħwejjeġ,” qal André.

“Imma x’hemm fil-​qiegħ tal-​basket?” reġaʼ staqsa l-​pulizija. Qalbi bdiet ittaqtaq u tlabt lil Ġeħova minn taħt l-​ilsien. “Aħjar tiċċekkja int,” wieġbu André.

L-assistent tal-​pulizija deffes idu fil-​fond tal-​basket. F’daqqa waħda, werżaq twerżiqa bl-​uġigħ u fil-​pront ħareġ idu mill-​basket. Kien tniggeż b’labra. L-​uffiċjal avvilit malajr ordnalna nagħlqu l-​basket u nirkbu l-​ferrovija.

Matul vjaġġ ieħor lejn Sukabumi, il-​Kempeitai indunaw li kont Xhud, u ordnawli biex immur fil-​kwartieri ġenerali lokali tagħhom. André u ħija Felix ġew miegħi. Hemmhekk André ġie interrogat l-​ewwel. Fajrulu mistoqsijiet diffiċli waħda wara l-​oħra. “Min huma x-​Xhieda taʼ Ġeħova? Int kontra l-​gvern Ġappuniż? Int spija?”

“Aħna qaddejja t’Alla li Jistaʼ Kollox u m’għamilna xejn ħażin,” wieġeb André. Il-​kmandant ħataf sejf taʼ samuraj minn mal-​ħajt u żammu merfugħ fl-​għoli.

“Xi tgħid jekk noqtlok issa?” qal irrabjat. André serraħ rasu fuq l-​iskrivanija u talab f’qalbu. Wara pawsa twila, l-​uffiċjali nfaqgħu jidħqu. “Kuraġġuż int!” qal l-​uffiċjal. Imbagħad bagħat lil André ’l barra u sejjaħ lili u lil Felix. Meta ra li x-​xhieda tagħna kienet taqbel maʼ t’André, l-​uffiċjal għajjat: “Intom m’intomx spiji. Itilqu minn hawn!”

It-tlieta li aħna mxejna lura d-​dar, infaħħru lil Ġeħova bil-​ferħ. Mur għidilna li dalwaqt konna se nġarrbu provi saħansitra iktar diffiċli.

Iktar Provi tal-​Fidi

Xi xhur wara, André ġie akkużat mill-​“aħwa foloz” u l-​Kempeitai tefgħuh il-​ħabs. (2 Korintin 11:26) Jien mort narah il-​ħabs. Kien niexef u dgħajjef. Baqaʼ ħaj għax kien jiekol biċċiet tal-​ikel li laqqat mill-​kanal li kien hemm fiċ-​ċella tiegħu. Il-​gwardjani tal-​ħabs ma kienx irnexxielhom ikissrulu l-​integrità tiegħu. Bħalma semmejt fil-​bidu, hu qalli b’leħen baxx minn bejn il-​ħadid taċ-​ċella: “Toqgħodx tinkwieta. Sew jekk joqtluni u sew jekk jeħilsuni, jien se nibqaʼ leali lejn Ġeħova. Bħala katavru jistgħu joħorġuni minn hawnhekk imma mhux bħala traditur.”

Wara sitt xhur il-​ħabs, André deher quddiem il-​Qorti Superjuri taʼ Ġakarta. Il-​familja u l-​ħbieb tagħna mlew l-​awla. L-​atmosfera kienet mimlija tensjoni.

“Għala ma tridx tidħol fl-​armata Ġappuniża?” ried ikun jaf l-​imħallef.

“Jien suldat għas-​Saltna t’Alla,” wieġeb André, “u suldat ma jistax jaqdi f’żewġ armati f’daqqa.”

“Int tgħid lil oħrajn biex ma jidħlux fl-​armata?” staqsa l-​imħallef.

“Le,” qal André, “dak jarawh huma.”

André kompla jiddefendi ruħu waqt li kkwota ħafna mill-​Bibbja. L-​imħallef, Musulman devot, baqaʼ impressjonat. “It-​twemmin tagħna forsi hu differenti, imma ma se nisforza lil ħadd biex imur kontra l-​kuxjenza tiegħu,” qal l-​imħallef. “Int ħieles.”

Fl-awla nħass serħan kbir, u qalbi bdiet tħabbat bil-​ferħ. André ġie ħdejja u qabadli idi. Il-​familja u l-​ħbieb inġabru madwarna u mimlijin eċċitament bdew jifirħulna.

Nippritkaw il-​Libertà Vera

Wara li spiċċat it-​tieni gwerra dinjija, fl-​Indoneżja bdiet rivoluzzjoni li damet sejra erbaʼ snin kontra l-​ħakma kolonjali Olandiża. Inqatlu eluf taʼ nies, u r-​residenti taʼ rħula sħaħ ħarbu minn djarhom. Nies patrijottiċi pprovaw jisforzawna ngħajtu l-​għajta tagħhom tal-​gwerra “Merdeka,” li tfisser “Libertà.” Imma aħna għednielhom li konna newtrali f’dawn l-​affarijiet politiċi.

Minkejja l-​vjolenza, aħna rġajna qbadna nippritkaw minn dar għal dar. Użajna l-​kards tat-​testimonjanza l-​antiki u l-​letteratura li rnexxielna nsalvaw minn qabel il-​gwerra. F’Mejju tal-​1948, meta battiet il-​vjolenza, jien u André rġajna sirna pijunieri, l-​uniċi pijunieri fl-​Indoneżja. Tliet snin wara tgħidx kemm konna ferħanin li nilqgħu 14-il Xhud f’Ġakarta, ilkoll kemm huma gradwati mill-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead) fin-​naħa taʼ fuq tal-​istat taʼ New York, fl-​Istati Uniti. It-​taħriġ li tawna ppreparana għal iktar responsabbiltajiet.

F’Ġunju tal-​1952, jien u André aċċettajna inkarigu bħala pijunieri speċjali fil-​belt taʼ Semarang, fiċ-​ċentru taʼ Ġava. Is-​sena taʼ wara aħna stess attendejna t-​22 klassi taʼ Gilegħad. Wara li ggradwajna rġajna lura l-​Indoneżja u ġejna assenjati f’Kupang, Timor. Inkarigi oħrajn ħaduna fil-​provinċji taʼ Sulawesi t’Isfel u Sulawesi taʼ Fuq. Hemmhekk iffaċċjajna iktar provi tal-​fidi.

Projbiti mill-​Ġdid

Fl-​1965, kolp taʼ stat wassal għall-​mewt taʼ mijiet t’eluf taʼ nies. Xi wħud mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu involvew ruħhom u sostnew li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu Komunisti. Fortunatament, l-​awtoritajiet ma ġewx imqarrqin kif ġieb u laħaq. Madankollu, il-​kleru ma qatax qalbu u kompla jattakka lix-​Xhieda bil-​malafama. Fl-​aħħar, fil-​25 taʼ Diċembru, 1976, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew projbiti.

Ftit wara li tħabbret il-​projbizzjoni, il-​prosekutur distrettwali f’Manado bagħat għal André biex imur fl-​uffiċċju tiegħu. “Taf li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma projbiti?” staqsieh.

“Iva,” wieġeb André.

“Lest issa li tbiddel ir-​reliġjon tiegħek?” staqsa l-​uffiċjal.

André miel ’il quddiem u b’mod drammatiku ħabbat fuq sidru. “Tistaʼ taqlagħli qalbi minn ġismi, imma qatt ma tistaʼ ġġegħelni nbiddel ir-​reliġjon tiegħi,” qal b’vuċi soda.

Imbellah, il-​prosekutur staqsa, “X’se nittajpja fir-​rapport tiegħi?”

“Ikteb li jien għadni Xhud taʼ Ġeħova u li m’għamilt xejn ħażin,” qallu André.

“Se niħodlok il-​letteratura kollha,” qal il-​prosekutur.

Dak il-​lejl xi Xhieda żgħażagħ neħħew il-​letteratura mid-​dar tagħna, u ħallew biss kaxxi vojta. Aħna komplejna nippritkaw billi nużaw il-​Bibbja. Qatt ma rġajna smajna mingħand il-​prosekutur distrettwali.

Ħajja Meraviljuża!

Iktar tard, jien u André qdejna bħala pijunieri f’Surabaya, fuq il-​gżira taʼ Ġava, u fuq Bangka, gżira lil hinn mill-​kosta tax-​Xlokk taʼ Sumatra. Imma fl-​1982 minħabba problemi taʼ saħħa kellna nerġgħu lura Ġakarta. Hawnhekk, fis-​sena 2000, André miet taʼ 85 sena, pijunier żeluż sal-​aħħar. Is-​sena taʼ wara li miet, il-​projbizzjoni tneħħiet.

X’ħajja meraviljuża għext! Illum għandi 93 sena, u qattajt iktar minn 70 sena fil-​ministeru taʼ pijunier. Fl-​1937, meta tgħammidt, kien hemm biss 25 Xhud taʼ Ġeħova fl-​Indoneżja. Illum, hemm kważi 22,000. Kemm jien ferħana li ħadt sehem f’dan it-​tkabbir! Imma l-​vjaġġ tiegħi għadu jibda. Jien irrid naqdi lil Alla lealment għal dejjem.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma m’għadux jiġi stampat.

b Il-familja kollha baqgħet leali lejn Ġeħova. Josephine u Jusak, l-​uniċi membri li fadal ħajjin, għadhom jaqdu lil Ġeħova b’mod żeluż f’Ġakarta.

[Kumment f’paġna 29]

“Jien suldat għas-​Saltna t’Alla, u suldat ma jistax jaqdi f’żewġ armati f’daqqa”

[Kumment f’paġna 30]

“Tistaʼ taqlagħli qalbi minn ġismi, imma qatt ma tistaʼ ġġegħelni nbiddel ir-​reliġjon tiegħi”

[Mappa f’paġna 31]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

Il-​postijiet fejn għexna u ppritkajna

INDONEŻJA

Sulawesi

Manado

Sumatra

Bangka

Ġava

ĠAKARTA

Sukabumi

Bandung

Semarang

Surabaya

Timor

Kupang

[Stampa f’paġna 31]

M’André fis-​snin 70

[Stampi f’paġna 31]

Meta kelli 15-il sena l-​ktejjeb żgħir “Where Are the Dead?” ikkonvinċieni mill-​verità tal-​Bibbja