Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandi Sebaʼ Mitt Sena Biex Ngħidilhom, “Kollha Ninsabu Hawn!”

Għandi Sebaʼ Mitt Sena Biex Ngħidilhom, “Kollha Ninsabu Hawn!”

Kif Rakkontata Minn Abigail Austin

Kelli disaʼ snin. Kien jum mill-​isbaħ f’April tal-​1995, u grupp minna mill-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ddeċidejna li nqattgħu l-​ġurnata barra fil-​kampanja tal-​Ingilterra. Tlaqna grupp grupp f’karozzi differenti. Jien, oħti l-​kbira Sarah, u ħabiba tal-​familja li jisimha Deborah, konna qed nivvjaġġaw m’ommi u missieri. F’daqqa waħda, quddiemna ġiet karozza b’veloċità qawwija ħafna ssuq lejna fuq in-​naħa żbaljata tat-​triq u baqgħet dieħla fina. Jien biss bqajt ħajja.

META ġejt lura f’sensija ħmistax wara sibt ruħi l-​isptar. L-​iskutella taʼ rasi kienet tfarrket u t-​tobba użaw biċċiet tal-​metall biex jgħaqqduhieli flimkien. Madankollu, ma domtx ma rkuprajt. Il-​qraba fl-​aħħar qaluli x’kien ġara imma m’emminthomx. Bqajt naħseb li l-​ġenituri u oħti żaruni meta kont rieqda u li ma lħaqtx rajthom. Kien biss meta mort lura d-​dar li rrealizzajt x’kien seħħ verament. Ħassejtni mifnija.

X’għenni nkampa maʼ din it-​traġedja tant kerha?

Il-​Wirt Spiritwali Tiegħi

Kont l-​iżgħar waħda minn ħamest itfal. Meta ġara l-​inċident, Sarah kellha 22 sena, Shane kellu 20, Jessica kellha 17, u Luke kellu 15-​il sena. Kellna ġenituri mill-​aħjar li kienu jieħdu ħsiebna. Missieri, Steve, kien jaqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova taʼ West Yorkshire fʼShipley, u kien maħbub minn kulħadd għax kien dejjem jagħtihom il-​ħin biex jismagħhom u jgħinhom. Ommi, Carol, ukoll kienet maħbuba ħafna, waqt li kienet tieħu ħsieb l-​uħud avanzati fil-​kongregazzjoni daqslikieku kienet binthom. Hi kienet tħejji l-​parties għalina ż-​żgħar u kienet tgħinna nsibu ħbieb tajbin. Kulħadd kien milqugħ f’darna. Il-​ġenituri tagħna għallmuna nuru qalb tajba u konsiderazzjoni lill-​ġirien ukoll.

Kull nhar t’Erbgħa filgħaxija konna nistudjaw il-​Bibbja flimkien bħala familja. Kultant konna nirreċtaw drammi Bibliċi u konna nilbsu l-​kostum biex nidhru bħall-​karattri Bibliċi. Ommi u missieri għenuna minn meta konna ċkejknin biex nitgħallmu nippreparaw għal-​laqgħat Kristjani tagħna u wrewna kif nippreżentaw il-​messaġġ tal-​Bibbja lin-​nies fi djarhom. Għalkemm kellhom skeda mimlija daqs bajda b’ħamest itfal, il-​ġenituri tagħna kienu jqattgħu l-​ħin magħna u għenuna nsiru b’saħħitna spiritwalment.

Meta Sarah, Shane, u Jessica ħarġu mill-​iskola, huma saru pijunieri, ministri Kristjani full-​time, bħalma għamlet il-​ħabiba tagħna Deborah. Jien u Sarah kellna ħbiberija mill-​qrib ħafna. Hi kienet qisha omm oħra għalija, u matul il-​vaganzi tiegħi tal-​iskola konna nqattgħu l-​ħin flimkien ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar il-​Bibbja. Kemm kont nieħu gost! Stajt nara kemm kienu ferħanin il-​pijunieri u kont nieħu pjaċir magħhom. Il-​mira tiegħi kienet li naqdi bħala pijuniera maʼ Sarah wara li nispiċċa l-​iskola.

Waqt il-​vaganzi, il-​familja tagħna u oħrajn fil-​kongregazzjoni spiss konna nqattgħu l-​ħin flimkien. Ilkoll, kemm kbar u kemm żgħar, sirna qrib xulxin fl-​imħabba u l-​ħbiberija. Dakinhar xejn ma kont nobsor kemm dawn il-​ħbieb tajbin kienu se jgħinuni u jfarrġuni fil-​ġranet li kienu ġejjin!

Wara l-​Inċident

Meta ħriġt mill-​isptar, mort lura fid-​dar tal-​familja tiegħi. Waqt li ħadmu part-​time u ħadu sehem fil-​ministeru full-​time, Shane u Jessica ħadmu iebes biex jipprovdu għalina lkoll u jieħdu ħsiebna.

Ħafna Xhieda sħabna fil-​kongregazzjoni tagħna għenuna wkoll. Kemm għamlu affarijiet għalina! Ipprovdewlna x’nieklu, naddfulna, marru jixtru għalina, u ħaslulna ħwejjiġna sakemm stajna nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Konna tassew grati. Irċivejna għadd kbir taʼ rigali u kartolini t’inkuraġġiment mingħand Xhieda minn kullimkien, u dan uriena kemm hi qawwija l-​imħabba fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

Wara xi sena, ħuti ddeċidew li kelli bżonn ħajja tal-​familja stabbli. Xi familji fil-​kongregazzjoni b’qalb tajba offrew l-​għajnuna tagħhom, allura l-​familja tiegħi stess poġġiet bilqiegħda u kkunsidrat dak li l-​ġenituri tiegħi kieku kienu jaħsbu li hu l-​aħjar għalija u għall-​futur spiritwali tiegħi. Kien hemm familja waħda li kienet speċjali ħafna. Billy, anzjan, u martu, Dawn, kienu ħbieb speċjalment qrib tal-​familja tagħna, u kellhom tifla taʼ ħames snin, Lois. Huma laqgħuni f’darhom u minn dakinhar ’l hawn ħadu ħsiebi daqslikieku kont binthom. Għalkemm Lois kellha taqsam il-​ġenituri tagħha miegħi, hi qatt m’għeret għalija, u llum aħna ħbieb mill-​qrib daqs żewġ aħwa taʼ veru.

Kif Kampajt mat-​Traġedja

Għall-​ewwel, kont naħseb dwar għala din it-​traġedja tal-​biżaʼ kienet seħħet lill-​familja tagħna, speċjalment minħabba li kemm il-​ġenituri tiegħi u kemm Sarah u Deborah urew imħabba kbira lejn Ġeħova u lejn nies oħrajn. Imma mbagħad ftakart fir-​rakkont Bibliku taʼ Ġob li żamm il-​fidi tiegħu f’Alla minkejja li tilef lil uliedu. (Ġob 1:19, 22) Għedt, ‘Iva, fuq kollox, kien Satana li ġab it-​tbatija u l-​mewt fid-​dinja, u hu jieħu gost jekk din it-​traġedja twaqqafna milli naqdu lil Alla.’ (Ġenesi 3:1-​6; Rivelazzjoni 12:9) Ftakart ukoll, li Ġeħova bi mħabba tana t-​tama meraviljuża tal-​irxoxt. (Ġwanni 5:28, 29) Se nerġgħu naraw il-​familja tagħna u lil Deborah, u din id-​darba f’ġenna tal-​art! Fil-​fatt, l-​imħabba tiegħi għal Ġeħova kibret.

Meta niltaqaʼ maʼ nies li wkoll ġarrbu xi traġedja, tassew insewwed qalbi jekk ma jkunux semgħu bil-​wegħda prezzjuża tal-​Bibbja dwar l-​irxoxt. Inkun irrid naqsam it-​tama tagħna magħhom għax naf li hu biss minħabba Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu li aħna rnexxielna nkampaw maʼ dan iż-​żmien ikrah, minħabba li nafu li għandna xaqq taʼ tama.

Jistaʼ jkun li l-​esperjenza tagħna kienet t’għajnuna b’mod ieħor ukoll, billi ġiegħlet lil xi ġenituri jistaqsu lilhom infushom, ‘Għallimna lil uliedna biżżejjed dwar Ġeħova ħalli jekk jiġrilna xi ħaġa jkomplu jaqduh mingħajrna?’

Jien ipprovajt ngħix ħajti qisu ommi u missieri kienu għadhom ħajjin. Naf li kieku kienu jixtiquni naħdem iebes biex ngħin lil oħrajn, sewwasew bħalma għamlu huma. Ili naqdi bħala pijuniera minn meta spiċċajt l-​iskola, u issa Lois qed taqdi miegħi bħala pijuniera. Ħuti żżewġu u jinsabu ferħanin jaqdu lil Ġeħova fil-​kongregazzjonijiet tagħhom.

Veru qed inħares ’il quddiem għad-​dinja l-​ġdida t’Alla u l-​irxoxt! Dakinhar mhux se jkun hemm iktar uġigħ jew mewt. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Minħabba li naf li se nerġgħu ningħaqdu flimkien, inħossni li nistaʼ nkampa. Għandi ġenn biex ngħannaq waħda tajba lil ommi, missieri, Sarah, u Deborah u ngħidilhom, “Kollha ninsabu hawn!”

[Stampa f’paġna 23]

Abigail (it-​tieni mix-​xellug) illum, flimkien mal-​familja li adottatha