Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Int Żammejt Attitudni Pożittiva”

“Int Żammejt Attitudni Pożittiva”

● Camila tbati bl-​anemija, bi problemi newroloġiċi, u ġisimha ma jikbirx b’mod normali. B’hekk, fl-​età taʼ tmien snin kienet twila 75 ċentimetru biss. Il-​ġenituri taʼ Camila, li huma Xhieda taʼ Ġeħova, iddeċidew li jiħduha għal laqgħa medika li kienet se ssir f’teatru lokali fil-​belt tagħhom fl-​Arġentina. Poġġew bilqiegħda fit-​tieni filliera, u kien hemm preżenti 500 ruħ.

Matul lekċer minnhom, il-​kelliemi, li kien tabib, ipponta lejn Camila bħala eżempju taʼ xi ħadd li deher f’saħħtu. Bla ma kien jaf l-​età tat-​tifla u l-​kundizzjoni medika tagħha, hu staqsa: “Kemm għandha żmien it-​tarbija?”

“Tmien snin,” qalet omm Camila, Marisa.

“Smajt tajjeb? Tmien xhur għedt?” staqsa t-​tabib.

“Le, tmien snin,” sostniet Marisa.

Billi interessa ruħu, it-​tabib stieden lill-​omm u lil bintha fuq il-​palk biex iwieġbu xi ftit mistoqsijiet. Wara li Marisa ddeskriviet l-​istudji li t-​tobba għamlu fuq Camila u l-​kura li tawha, it-​tabib qal: “Hemm ommijiet li jibku għax uliedhom ikollhom sempliċi riħ. Imma wara seba’ snin taʼ kura u wara li għamilt kulma kien possibbli għal Camila, int żammejt attitudni pożittiva. Kif irnexxielek tagħmel dan?”

Bi tweġiba għal din l-​istedina mill-​qalb, Marisa qalet lill-​udjenza dwar it-​tama tagħha bbażata fuq il-​Bibbja taʼ dinja ġdida taʼ tjieba, li fiha kull xorta taʼ mard u tbatija, kif ukoll saħansitra l-​mewt infisha, se jispiċċaw. (Isaija 33:24; Rivelazzjoni 21:3, 4) Fl-​aħħar, Marisa ddeskriviet il-​fratellanza madwar id-​dinja li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jgawdu, u spjegat kif l-​imħabba li għandhom bejniethom tgħin lix-​Xhieda jkampaw maʼ provi u diffikultajiet oħrajn li jitfaċċaw fil-​ħajja.—Ġwanni 13:35.

Meta l-​laqgħa spiċċat, mara avviċinat lil Marisa u talbitha tgħidilha iktar dwar il-​punti li ddiskutiet. Ħerqana biex titgħallem, il-​mara aċċettat studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas, li x-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja joffru lil nies li sinċerament iridu jifhmu l-​Bibbja u l-​iskop meraviljuż t’Alla għall-​umanità.

[Stampa f’paġna 14]

Camila, li għandha tmien snin, flimkien m’ommha, Marisa