Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qima lil Alla Pjaċevoli?

Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qima lil Alla Pjaċevoli?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Matt, a li għandu 16-​il sena, jinsab mixħut fuq is-​sodda tiegħu. Ommu tinsab fil-​bieb. “Matthew, qum minn hemm!” tgħidlu b’mod sod. “Taf li għandna l-​laqgħa llejla!” Matt qed jitrabba bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani hija parti regulari mill-​qima tal-​familja. Imma, dan l-​aħħar, Matt m’għandux aptit imur.

“Uff, ma!” jeqred hu. “Bilfors irrid niġi?”

“Aqtagħha u qum ilbes,” twieġbu hi. “Ma rridx nerġaʼ nasal tard!” Hi ddur u tibda miexja ’l hemm.

“Ara ma,” jgħid Matt waqt li ommu għadha fil-​qrib. “Jistaʼ jkun li din hi r-​reliġjon tiegħek, imma dan ma jfissirx li għandha tkun ir-​reliġjon tiegħi wkoll.” Hu jaf li ommu semgħetu, għaliex il-​passi tagħha jieqfu. Imbagħad mingħajr ma twieġbu tibqaʼ sejra ’l hemm.

Matt iħoss ftit sens taʼ ħtija. Fil-​fatt, mhijiex l-​intenzjoni tiegħu li jweġġaʼ lil ommu. Imma lanqas ma jrid jiskuża ruħu. L-​unika ħaġa li jistaʼ jagħmel hi . . .

Matt jieħu nifs ’il ġewwa, iqum mis-​sodda u jibda jilbes. Imbagħad jgħid, iktar lilu nnifsu milli lil ommu: “Xi darba jien se jkolli nagħmel deċiżjoni. Jien m’iniex bħall-​oħrajn fis-​Sala tas-​Saltna. Forsi lanqas biss irrid inkun Kristjan!”

ĠIELI ħassejtek bħalma jħossu Matt f’din is-​sitwazzjoni? Ġieli tħoss li għalkemm tara li oħrajn jieħdu gost bl-​attivitajiet Kristjani, int sempliċement tagħmilhom għax taʼ bilfors? Pereżempju:

◼ L-​istudju tal-​Bibbja tqisu bħala xi ħowmwerk ieħor li trid tagħmel?

◼ Tħoss li ma jkollokx aptit tmur fil-​ministeru minn bieb għal bieb?

◼ Spiss tħossok tixbaʼ waqt il-​laqgħat Kristjani?

Jekk it-​tweġiba tiegħek għal mistoqsijiet bħal dawn hija iva, taqtax qalbek. Bi ftit aġġustamenti tistaʼ titgħallem tieħu gost taqdi lil Alla. Ejja naraw kif.

L-​Ewwel Sfida: Tistudja l-​Bibbja

Għala mhux faċli. Forsi tħoss li m’intix it-​tip li tħobb tistudja. Donnok ma ddumx tiffoka l-​attenzjoni tiegħek—issibha iebsa wisq li toqgħod bilqiegħda u tikkonċentra! Mhux talli hekk, imma mhux diġà għandek ħafna x’tistudja għall-​iskola?

Għala għandek tagħmel dan. Il-​Bibbja mhux biss hija ispirata minn Alla imma wkoll “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-​sewwa.” (2 Timotju 3:16) Meta tistudja l-​Bibbja u timmedita fuq dak li taqra tistaʼ tiġi megħjun tifhem l-​affarijiet kif qatt ma fhimthom qabel. Ejja ngħiduha kif inhi, jekk ma tagħmilx daqsxejn sforz ma se tikseb xejn tassew tajjeb. Jekk trid tkun tajjeb f’xi sport, trid titgħallem ir-​regoli u tipprattika l-​logħba. Jekk trid tkun f’saħħtek, trid tagħmel l-​eżerċizzju. Jekk trid titgħallem dwar il-​Ħallieq tiegħek, trid tistudja l-​Kelma t’Alla.

Dak li jgħidu xi wħud tamparek. “Meta dħalt fil-​kulleġġ kelli nieħu deċiżjonijiet importanti. It-​tfal tgħidx kemm kienu jagħmlu affarijiet ħżiena u kelli nagħżel: ‘Jien irrid nagħmel bħalhom? Il-​ġenituri tiegħi tassew qed jgħallmuni l-​verità?ʼ Kelli niskopri t-​tweġibiet għalija nnifsi.”—Tshedza.

“Minn dejjem kont nemmen li dak li tgħallimt kien il-​verità, imma ridt nuri dan lili nnifsi. Kien il-​mument li nagħmilha r-​reliġjon tiegħi stess—u mhux sempliċement ir-​reliġjon tal-​familja.”—Nelisa.

Dak li tistaʼ tagħmel. Oħloq pjan tal-​istudju persunali skont l-​interessi u l-​bżonnijiet tiegħek stess. Int se tagħżel liema suġġetti se tistudja. Minn fejn tistaʼ tibda? Għala ma tistudjax bir-​reqqa l-​Bibbja tiegħek u teżamina t-​twemmin tiegħek, forsi billi tuża ktieb bħal Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? b

X’azzjoni se tieħu. Biex tibda, immarka tnejn jew tlieta mis-​suġġetti Bibliċi mniżżlin hawn taħt li tixtieq titgħallem iktar dwarhom—jew, jekk trid, ikteb xi ftit li tagħżel int stess.

□ Jeżisti Alla?

□ Kif nistaʼ nkun ċert li l-​kittieba tal-​Bibbja ġew ispirati minn Alla?

□ Għala għandi nemmen fil-​ħolqien minflok fl-​evoluzzjoni?

□ X’inhi s-​Saltna t’Alla, u kif nistaʼ nuri li teżisti tassew?

□ Kif nistaʼ nispjega t-​twemmin tiegħi dwar dak li jiġri fil-​mewt?

□ Għala għandi nkun konvint li se jkun hemm irxoxt?

□ Kif nistaʼ nkun ċert dwar liema hi r-​reliġjon vera?

□ ․․․․․

It-​Tieni Sfida: Tieħu Sehem fil-​Ministeru

Għala mhux faċli. Tistaʼ tħossok imbeżżaʼ biex tkellem lil oħrajn dwar il-​Bibbja—jew li tiltaqaʼ maʼ xi sieħeb tal-​iskola meta tkun qed tagħmel dan.

Għala għandek tagħmel dan. Ġesù ta l-​istruzzjoni lis-​segwaċi tiegħu: “Agħmlu dixxipli . . . , u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:19, 20) Imma hemm iktar raġunijiet għala għandek tagħmel dan. L-​istudji jissuġġerixxu li f’xi postijiet il-​maġġuranza tal-​adoloxxenti jemmnu f’Alla u fil-​Bibbja. Però, dawn l-​istess żgħażagħ m’għandhom ebda tama ġenwina għall-​futur. Permezz tal-​istudju tiegħek tal-​Bibbja int għandek dik l-​istess informazzjoni li ħafna minn sħabek qed ifittxu għaliha u għandhom bżonn!

Dak li jgħidu xi wħud tamparek. “Jien u seħibti ppreparajna introduzzjonijiet effettivi, u tgħallimna kif negħlbu l-​oġġezzjonijiet u kif nagħmlu żjajjar lura. Malli bdejt nagħmel iktar sforz fil-​ministeru, bdejt nieħu iktar pjaċir.”—Nelisa.

“Waħda oħt Kristjana veru għenitni! Hi sitt snin akbar minni u toħroġni magħha fil-​ministeru u kultant toħroġni biex nieħdu l-​kolazzjon flimkien. Hi wrietni skritturi inkuraġġanti li għenuni nirranġa l-​mod kif naħsibha. Issa nsib li nieħu iktar interess persunali biex ngħin lil oħrajn minħabba l-​eżempju meraviljuż tagħha. Qatt ma se nkun nistaʼ npattilha kollox lura!”—Shontay.

Dak li tistaʼ tagħmel. Bil-​permess tal-​ġenituri, sib lil xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li hu akbar minnek u li miegħu tistaʼ tieħu sehem fil-​ministeru. (Atti 16:1-​3) Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħadid jinsenn bil-​ħadid. Hekk bniedem isinn wiċċ bniedem ieħor.” (Proverbji 27:17) Tistaʼ tibbenefika ħafna jekk tissieħeb maʼ dawk li huma akbar minnek u li għandhom ħafna esperjenza. Alexis, li għandha 19-​il sena, tgħid: “Inħoss li hu iktar faċli li tkun maʼ min hu akbar minnek.”

X’azzjoni se tieħu. Hawn taħt ikteb l-​isem taʼ xi ħadd fil-​kongregazzjoni minbarra l-​ġenituri tiegħek li jistaʼ jgħinek fil-​ministeru.

․․․․

It-​Tielet Sfida: Tattendi l-​Laqgħat Kristjani

Għala mhux faċli. Wara li tkun ilek ġurnata bilqiegħda fil-​klassi, siegħa jew sagħtejn tismaʼ taħditiet ibbażati fuq il-​Bibbja jistgħu jidhru qishom eternità.

Għala għandek tagħmel dan. Il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.”—Ebrej 10:24, 25.

Dak li jgħidu xi wħud tamparek. “Huwa importanti ħafna li tipprepara għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Kultant ikollok bżonn sempliċement tikkonvinċi lilek innifsek li għandek bżonn tistudja. Meta fil-​fatt tipprepara, tieħu pjaċir fil-​laqgħat għaliex tkun taf x’inhu jiġi diskuss, u tistaʼ saħansitra tieħu sehem.”—Elda.

“Bdejt nirrealizza li meta nikkummenta fil-​laqgħat, dawn bdew isiru ħafna iktar interessanti għalija.”—Jessica.

Dak li tistaʼ tagħmel. Warrab il-​ħin biex tipprepara minn qabel, u jekk tistaʼ agħti kumment. Dan se jgħinek tħossok iktar involut f’dak li jkun qed jiġri.

Biex nagħtu eżempju: X’inhu l-​iktar pjaċevoli—li tara xi sport fuq it-​televixin jew li tieħu sehem fih int stess? M’għandniex xi ngħidu, iktar tħossok sodisfatt jekk tieħu sehem milli jekk tkun qed tosserva. Għala ma tħarisx lejn il-​laqgħat b’dan il-​mod?

X’azzjoni se tieħu. Fl-​ispazju hawn taħt ikteb il-​ħin meta tistaʼ tqattaʼ 30 minuta biss fil-​ġimgħa biex tipprepara għal laqgħa tal-​kongregazzjoni.

․․․․․

Ħafna żgħażagħ qed jesperjenzaw kemm hu minnu l-​kliem taʼ Salm 34:8, li jgħid: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.” Tieħu pjaċir li sempliċement tismaʼ dwar ikla tajba? Ma jkunx aħjar li saħansitra dduqha int stess? L-​istess nistgħu ngħidu dwar il-​qima lil Alla. Duq u ara għalik innifsek kemm hu premjanti li tieħu sehem f’attivitajiet spiritwali. Il-​Bibbja tgħid li min jismaʼ imma wkoll jagħmel ix-​xogħol se ‘jkun hieni li qed jagħmlu.’—Ġakbu 1:⁠25.

Iktar artikli mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-​Websajt www.watchtower.org/ype

[Noti taʼ taħt]

a L-​isem ġie mibdul.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

AĦSEB DWAR DAN

◼ Għala adoloxxenti jistaʼ jiddejjaq jagħmel attivitajiet spiritwali?

◼ Liema mit-​tliet aspetti tal-​qima diskussi f’dan l-​artiklu tixtieq taħdem fuqhom, u kif se tagħmel dan?

[Stampa f’paġna 20, 21]

Jekk trid tkun f’saħħtek fiżikament, trid tagħmel l-​eżerċizzju. Jekk trid tkun f’saħħtek spiritwalment, trid tistudja l-​Kelma t’Alla