Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nilħaq il-Miri Tiegħi?

Kif Nistaʼ Nilħaq il-Miri Tiegħi?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

LIEMA minn dawn li ġejjin tixtieq li jkollok?

● Iktar kunfidenza

● Iktar ħbieb

● Iktar ferħ

Il-​verità hi li jistaʼ jkollok it-​tlieta li huma! Kif? Billi tagħmel miri u tilħaqhom. Ikkunsidra dan li ġej.

Iktar kunfidenza Meta tagħmel miri żgħar u tilħaqhom, se jkollok il-​kunfidenza biex tagħmel miri akbar. Ukoll, se tħossok iktar kunfidenti meta tiffaċċja l-​isfidi taʼ kuljum—bħal, pereżempju, li tirreżisti l-​pressjoni minn dawk tamparek. Meta tagħmel dan, ħaddieħor x’aktarx li se jinduna bil-​kunfidenza tiegħek u jirrispettak minħabba fiha. Xi wħud forsi jagħmlulek inqas pressjoni. Fil-​fatt, jistgħu jibdew jammirawk.—Qabbel Mattew 5:14-​16.

Iktar ħbieb In-​nies jieħdu pjaċir iqattgħu ħin maʼ dawk li jagħmlu miri—dawk li jafu xi jridu u huma lesti li jaħdmu għalih. U meta n-​nies jinġibdu lejk minħabba l-​miri tiegħek, spiss isiru l-​uħud li jgħinuk tilħaqhom u jappoġġawk f’dan.—Ekkleżjasti 4:9, 10.

Iktar ferħ Ejja ngħiduha kif inhi: Ma tantx hemm ferħ f’li ma tagħmel xejn jew f’li tistenna li tiġri xi ħaġa f’ħajtek. Min-​naħa l-​oħra, meta tagħmel il-​miri u tilħaqhom, se tħoss li qed twettaq xi ħaġa. Mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Pawlu, Kristjan fl-​ewwel seklu, darba qal: “Ma niġrix mingħajr mira.” (1 Korintin 9:26, Contemporary English Version) U tinsiex, iktar ma tkun kbira l-​mira, iktar se tħoss li wettaqt xi ħaġa ladarba tilħaqha!

Lest biex tibda? Kulma trid tagħmel hu li taqtaʼ l-​paġna li hawn fil-​lemin u titwiha, u mbagħad segwi l-​passi mniżżlin fiha. a

Iktar artikli mis-​sensiela “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-​Websajt www.watchtower.org/ype

[Nota taʼ taħt]

a Dawn is-​suġġerimenti huma prinċipalment għal miri li tistaʼ tilħaq fi ftit ġimgħat jew xhur, imma l-​prinċipji jistgħu japplikaw ukoll għal miri akbar.

AĦSEB DWAR DAN

● Huwa possibbli li jkollok wisq miri f’daqqa? —Filippin 1:10.

● Il-​fatt li tagħmel miri jfisser li tippjana kull minuta taʼ ħajtek?—Filippin 4:⁠5.

[Kaxxa/Stampi f’paġni 25, 26]

Kif tilħaq il-​miri tiegħek

AGĦRAF X’MIRI TRID TAGĦMEL Proverbji 4:25, 26 1

“Tibżax tagħmel miri kbar. Jekk oħrajn qablek irnexxielhom jilħquhom, int tistaʼ wkoll.”—Roben.

1. Aħseb dwar liema miri tistaʼ tagħmel. Agħmel dan il-​pass wieħed pjaċevoli. Toqgħodx tanalizza; sempliċement ikteb kemm tistaʼ ideat. Ara jekk tistax taħseb f’10 jew 20 għażla.

2. Irrivedi l-​ideat tiegħek. Liema jidhru l-​iktar eċċitanti? Liema huma l-​iktar taʼ sfida? Liema minnhom tħossok tassew kburi jekk tilħaqha? Tinsiex, l-​aqwa miri huma dawk li jfissru l-​iktar għalik.

3. Agħmel prijoritajiet. L-​ewwel agħżel xi miri li tistaʼ tilħaq fi ftit ġranet. Imbagħad, agħżel miri li jdumu iktar (li jintlaħqu wara ftit ġimgħat jew xhur). Agħmel il-​miri f’lista bin-​numri skont liema tixtieq tilħaq l-​ewwel.

Eżempji taʼ Miri

Ħbiberija Nagħmel ħabib maʼ xi ħadd li mhuwiex tampari. Nerġaʼ naqbad ħbiberija li kelli qabel.

Saħħa Nagħmel eżerċizzju għal total taʼ siegħa u nofs kull ġimgħa. Norqod tmien sigħat kull lejl.

Skola Intejjeb il-​marki fil-​matematika. Nirreżisti l-​pressjoni minn studenti oħrajn biex inqarraq fl-​eżamijiet.

Spiritwalità Naqra l-​Bibbja għal kwarta kuljum. Naqsam it-​twemmin tiegħi maʼ xi ħadd fil-​klassi dil-​ġimgħa.

Ippjana

Proverbji 21:5 2

“Il-​miri huma tajbin, imma għandek bżonn ukoll pjan biex tilħaqhom. Inkella dejjem se jkollok miri u qatt ma se twettaqhom.”—Derrick.

Għal kull mira li għażilt, agħmel dan li ġej:

1. Ikteb il-​mira tiegħek.

2. Agħżel data meta trid tkun ilħaqtha. Wara kollox, mira mingħajr data meta trid tkun ilħaqtha tibqaʼ sempliċi ħolma!

3. Ippjana l-​passi involuti.

4. Aħseb minn qabel dwar x’jistaʼ jfixklek. Imbagħad, aħseb dwar kif tistaʼ tegħleb il-​problema.

5. Agħmel wegħda. Wiegħed lilek innifsek li se tagħmel l-​almu tiegħek biex tilħaq din il-​mira. Issa ffirmaha u ikteb id-​data.

Nitgħallem l-​Ispanjol għal meta mmur Spanja fl-​1 taʼ Lulju

Passi

1. Nakkwista ktieb tal-​frażijiet.

2. Nitgħallem għaxar kelmiet ġodda kull ġimgħa.

3. Nismaʼ lil ħaddieħor jitkellem bl-​Ispanjol.

4. Nistaqsi lil xi ħadd biex jiċċekkjali l-​grammatika u jara jekk hux qed ngħid il-​kliem sew.

X’jistaʼ jkun taʼ xkiel

M’hawn ħadd li joqgħod viċin tiegħi li jitkellem bl-​Ispanjol.

Kif nistaʼ negħleb il-​problema

Inniżżel rekordings bl-​Ispanjol mill-​Websajt www.pr418.com.

․․․․․ ․․․․․

Firma Data

Aġixxi! Ġwanni 13:17 3

“Hu faċli li taljena rasek u tinsa l-​miri, għalhekk trid tibqaʼ ffokat u tibqaʼ tirsisti għalihom.”—Erika.

Ibda mill-​ewwel. Staqsi lilek innifsek, ‘X’nistaʼ nagħmel illum biex nibda nirsisti lejn il-​mira tiegħi?’ Veru, forsi għadek ma ħsibtx f’kull dettall, imma tħallix dan iżommok lura milli tibda. Bħalma tpoġġiha l-​Bibbja, “jekk tistenna sakemm ir-​riħ u t-​temp ikunu eżatt kif tridhom, qatt m’int se tiżraʼ xi ħaġa u qatt m’int se taħsad xejn.” (Ekkleżjasti 11:4, Today’s English Version) Sib xi ħaġa li tistaʼ tagħmel illum—anki jekk hi xi ħaġa żgħira—u agħmilha.

Irrivedi l-​miri tiegħek kuljum. Fakkar lilek innifsek għala kull waħda hija importanti għalik. Ara l-​progress tiegħek billi tagħmel ħdejn kull pass hekk kif tagħmlu (jew ikteb id-​data).

Kun flessibbli. Huma kemm huma tajbin il-​pjanijiet tiegħek, jistaʼ jkollok bżonn taġġustahom sakemm tilħaq il-​mira. M’hemm xejn ħażin f’dan. Toqgħodx tinkwieta dwar li żżomm b’mod strett maʼ xi pjan. Sempliċement ibqaʼ agħmel progress lejn il-​mira aħħarija.

Uża l-​immaġinazzjoni. Ġib quddiem għajnejk il-​waqt meta tkun ilħaqt il-​mira tiegħek. Immaġina s-​sens taʼ sodisfazzjon. Imbagħad, aħseb dwar kull pass individwali, u ġib kull wieħed quddiem għajnejk. Imbagħad, immaġinak twettaq kull pass u immaġina kif se tħossok meta tilħaq il-​mira tiegħek. Issa, ibda aħdem għaliha!

[Stampa]

Il-​miri huma bħal bluprints—teħtieġ ix-​xogħol biex iġġibhom realtà!

[Kaxxa/Stampi f’paġna 25]

DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK 4

Huwa faċli li ssir skuraġġit jekk ma jkollokx xi ħaġa fuqiex tiffoka jew biex tħares ’il quddiem għaliha. Imma meta tagħmel miri u tilħaqhom, tħossok tajjeb dwarek innifsek.—Reed.

Tikkritikax lilek innifsek jekk m’intix qed twettaq il-​mira b’mod perfett jew f’kemm żmien ħsibt. Imbilli tħossok hekk mhux se jkun t’għajnuna. Biss ibqaʼ pprova!—Cori.

Tkellem maʼ nies li diġà laħqu l-​miri li int għamilt. Huma jistgħu jħeġġuk u jagħtuk suġġerimenti prattiċi. Ukoll, għid lill-​familja tiegħek dwar il-​miri li għandek ħalli huma jkunu fost dawk li jgħinuk tilħaqhom u jappoġġawk.—Julia.

[Dijagramma f’paġna 24]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Aqtaʼ

Itwi