Il-Fidi u r-Raġuni Huma Inkompatibbli?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
“IL-FIDI ġġib ir-raġuni fix-xejn,” jikteb il-filosfu Britanniku A. C. Grayling. Kliemu jiġbor is-sentimenti t’għadd kbir taʼ kittieba u filosfi li tul is-sekli sostnew li l-fidi u r-raġuni huma inkompatibbli.
Xi twemmin reliġjuż b’mod ċar mhuwiex ibbażat fuq ir-raġuni. Imma kkunsidra dan: Ħafna twemmin xjentifiku popolari ġie provat li hu żbaljat. Ifisser dan li t-twemmin xjentifiku kollu hu żbaljat jew mhux ibbażat fuq ir-raġuni? Għala għandna nqisu t-twemmin reliġjuż b’mod differenti? Fil-fatt, il-fidi deskritta fil-Bibbja ma teżistix mingħajr l-għarfien imma, minflok, hi bbażata fis-sod fuq l-għarfien u r-raġuni loġika. Hekk kif tirrivedi l-evidenza, ara kemm il-fidi vera u r-raġuni huma kompatibbli.
Fidi Bbażata fis-Sod fuq ir-Raġuni
Pereżempju, il-Bibbja tgħid li jekk trid li l-qima tiegħek tkun “aċċettabbli għal Alla,” għandha tkun “servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni” tiegħek. Fi kliem ieħor, għandek tqim lil Alla b’mod li jixraq lil bnedmin li għandhom l-abbiltà li jaħsbu. (Rumani 12:1) Għalhekk, il-fidi deskritta fil-Bibbja mhijiex xi ħaġa bla loġika jew fidi għamja, bħalma jsejħulha xi wħud. U ma tfissirx li wieħed jemmen kulma jismaʼ. Minflok, hi xi ħaġa li tkun ħsibt dwarha bir-reqqa—u tirriżulta f’fiduċja f’Alla u f’Kelmtu, li hi bbażata fis-sod fuq ir-raġuni.
M’għandniex xi ngħidu, biex tirraġuna b’mod xieraq, għandek bżonn informazzjoni eżatta. Anki l-iktar programmi tal-kompjuter b’saħħithom disinjati fuq prinċipji solidi tal-loġika se joħorġu b’konklużjonijiet strambi ħafna jekk ma jingħatawx informazzjoni eżatta. Bl-istess mod, il-kwalità tal-fidi tiegħek se tiddependi bil-kbir minn dak li tismaʼ jew minn kemm hi taʼ min joqgħod fuqha l-informazzjoni li tagħti lil moħħok. B’mod xieraq, il-Bibbja tgħid li “l-fidi tiġi minn dak li nstemaʼ.”—Rumani 10:17.
Ħtieġa fundamentali għall-fidi hi “għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Timotju 2:4) “Il-verità” biss, tgħid il-Bibbja, “teħliskom,” teħliskom minn twemmin qarrieq, kemm jekk xjentifiku u kemm jekk reliġjuż. (Ġwanni 8:32) Il-Bibbja twissik biex ma tpoġġix il-fidi “f’kull kelma.” (Proverbji 14:15) Minflok, tgħid li għandek ‘taċċerta ruħek minn kollox’—jew tgħarbel l-affarijiet li tismaʼ qabel ma temminhom. (1 Tessalonikin 5:21) Għala għandek tagħmel riċerka u tgħarbel it-twemmin tiegħek? Għax il-fidi bbażata fuq il-gideb hija biss delużjoni. Xi nies taʼ moħħ nobbli mill-belt tal-qedem taʼ Berea ħallew eżempju mill-aħjar f’li jiksbu fidi xierqa. Avolja dawn l-individwi verament riedu jemmnu dak li l-missjunarji Kristjani kienu qed jgħallmuhom, qagħdu attenti biex “jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.”—Atti 17:11.
Kif Tibni l-Fidi fil-Bibbja
Però, xi ngħidu jekk m’intix ċert dwar kemm hi taʼ min joqgħod fuqha l-Bibbja? Kif tistaʼ tibni l-fiduċja tiegħek fiha bħala sors t’għarfien eżatt? Tajjeb, kif tibni l-fiduċja tiegħek fin-nies? Ċertament li tagħmel dan billi ssir tafhom—billi tara kif iġibu ruħhom fuq perijodu taʼ żmien u tara x’jirriżulta mill-kondotta a
tagħhom. Għala ma tagħmilx l-istess bil-Bibbja?Il-Bibbja tiddeskrivi l-fidi vera bħala “l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebrej 11:1) B’mod ċar, persuna li għandha fidi vera mhux talli ma tiblax kollox imma talli tibbaża t-twemmin tagħha fuq eżami bir-reqqa tal-informazzjoni kollha li hi disponibbli. L-irraġunar fuq informazzjoni bħal din jipproduċi l-konvinzjoni li anki affarijiet li ma tistax tarahom l-għajn letterali huma, xorta waħda, realtajiet.
Però, xi ngħidu jekk dak li titgħallem donnu jikkontradixxi ftit mill-affarijiet li kont temminhom profondament? Għandek sempliċement tinjorah? Dażgur li le. Jistaʼ jkun hemm drabi meta jkun raġunevoli għall-aħħar li tikkunsidra l-evidenza qawwija li tidher li tikkontradixxi dak li temmen. Fil-Bibbja, Alla jwiegħed li jippremja lil individwi sinċieri li jfittxu l-verità billi jagħtihom l-għarfien, id-dixxerniment, u l-abbiltà tal-ħsib.—Proverbji 2:1-12.
Il-fidi li tinbena fuq dak li tgħallem il-Bibbja hi kompatibbli mar-raġuni. Liema tip taʼ fidi għandek int? Ħafna nies “wirtu” t-twemmin reliġjuż tagħhom u qatt ma eżaminawh bis-serjetà biex jaraw jekk għandhomx bażi solida biex jemmnuh. Però, mhuwiex sinjal taʼ diżrispett li teżamina dak li temmen sabiex ‘tagħti prova lilek innifsek’ li l-ħsib tiegħek hu fi qbil mal-Kelma t’Alla. (Rumani 12:2) Il-Bibbja twissina biex ‘ngħarblu l-espressjonijiet imnebbħin biex naraw jekk joriġinawx minn Alla.’ (1 Ġwanni 4:1) Jekk tagħmel hekk, se tkun f’pożizzjoni, anki meta t-twemmin tiegħek jiġi sfidat, biex ‘tiddefendi ruħek quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-tama li għandek.’—1 Pietru 3:15.
[Nota taʼ taħt]
a Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex issib informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha dwar il-Bibbja, ikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Tiskuraġġixxi l-Bibbja l-użu tar-raġuni?—Rumani 12:1, 2.
● Liema tip t’għarfien hu vitali jekk trid tiżviluppa l-fidi vera?—1 Timotju 2:4.
● X’nistgħu nitgħallmu mid-definizzjoni tal-fidi skont il-Bibbja?—Ebrej 11:1.
[Kumment f’paġna 21]
Alla jippremja lil min ifittex il-verità bil-ħerqa