Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Verità tal-Bibbja Ħelsithom

Il-Verità tal-Bibbja Ħelsithom

ĠESÙ KRISTU qal lil grupp taʼ semmiegħa: “Tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġwanni 8:32) Bħalma se juru l-​eżempji li ġejjin, dan il-​ħelsien jinkludi ħelsien mid-​demonji, il-​giddibin u l-​qarriqin li hemm wara l-​okkult.—Ġwanni 8:44.

Kull waħda minn dawn l-​esperjenzi tenfasizza l-​qawwa li teħles tal-​verità Biblika. Iva, hi biss verament teħles lin-​nies. Għala ma teżaminax il-​Bibbja personalment. M’intix se tiddiżappunta ruħek.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]

L-​istampi huma reċtati

Susanna kienet saċerdotessa f’tempju fil-​Brażil. Riedet tuża l-​qawwiet sopranaturali tagħha biex tgħin lil dawk fil-​bżonn. Barra minn hekk, hi kienet tieħu pjaċir “titkellem m’ommha li kienet mejta.” Madankollu, maż-​żmien, “ommha” bdiet titlobha bil-​ħrara biex toqtol lilha nfisha ħalli tgħix magħha fid-​dinja tal-​ispirti. Dan itturmenta lil Susanna u kienet toħlom ikrah. Imbagħad Susanna u żewġha bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma kellhom ġlieda diffiċli biex ‘jopponu lix-​Xitan,’ imma eventwalment hu ‘ħarab minnhom.’ (Ġakbu 4:7) Issa għandhom il-​paċi, u Susanna m’għadhiex toħlom ikrah. “Għandi ħafna affarijiet għal xiex nirringrazzja lil Ġeħova,” kitbet hi, “imma l-​iktar ħaġa li jien grata għaliha hi li ħariġna mid-​dlam spiritwali.”

[Kaxxa/​Stampa fʼpaġna 8]

Timothy, li jgħix fl-​Afrika tal-​Punent, hu trux u mutu. a Minħabba li tobba normali ma setgħux jgħinuh, hu mar għand uħud li jfejqu bil-​fidi (faith healers), imma għalxejn. “Qalbi kienet maqsuma minħabba l-​qerq,” kiteb hu. Imbagħad Timothy studja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, li spjegawlu l-​iskop t’Alla li jneħħi l-​mard u d-​diżabilitajiet kollha. Timothy qal, “Bil-​ħerqa qed nistenna dak il-​jum fid-​dinja l-​ġdida t’Alla meta ‘jinfetħu widnejn it-​torox . . . u lsien il-​mutu se jgħajjat bil-​ferħ.’” (Isaija 35:1-​6) Sadanittant, hu jieħu pjaċir juża DVD plejer li jistaʼ jġorru miegħu biex jaqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja maʼ nies oħrajn li huma neqsin mis-​smigħ, u jgħinhom isibu ħelsien veru.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Evelyn kienet involuta ħafna fl-​okkult fl-​Estonja. Ladarba Ġesù kien ifejjaq lin-​nies, hi riedet tagħmel l-​istess. B’mod speċjali riedet tgħin lil ommha li kienet marida kronikament. B’hekk, fi sforz biex tagħraf u tikkura mard serju, hi tgħallmet tuża l-​pendli. Maż-​żmien, eżaminat il-​Bibbja. X’kien ir-​riżultat? “Irrealizzajt kemm kont ġejt imqarrqa,” qalet hi. “Għalhekk, ħraqt il-​letteratura u l-​pendli spiritistiċi tiegħi.” Issa tgħallem lil oħrajn il-​veritajiet tal-​Bibbja li huma taʼ ħelsien.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Mary trabbiet fuq waħda mill-​gżejjer tal-​Papwa Ginea Ġdida, fejn in-​nies jibżgħu mill-​mejtin. Meta kien imut xi ħadd fir-​raħal tagħha, Mary kienet torqod taħt is-​sodda taʼ xi ħadd ieħor, għax kienet tibżaʼ li l-​ispirtu tal-​mejjet kien se jkiddha jekk tkun waħedha. Imbagħad tgħallmet mill-​Bibbja li l-​mejtin huma reqdin—qegħdin fil-​qabar, jistennew irxoxt għall-​ħajja f’Ġenna fuq l-​art. (Luqa 23:43; Ġwanni 11:11-​14) Minħabba f’hekk, m’għadhiex tibżaʼ mill-​mejtin.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Alicia, li trabbiet f’dar Kristjana fl-​Istati Uniti, interessat ruħha f’kotba u films tal-​okkult. Imbagħad bdiet taħseb bis-​serjetà dwar il-​veritajiet tal-​Bibbja li kienet tgħallmet. Billi rrealizzat li, fir-​realtà, kienet qed tipprova ‘tieħu sehem mill-​mejda taʼ Ġeħova u mill-​mejda tad-​demonji,’ hi għamlet ċerti bidliet u issa għandha kuxjenza nadifa quddiem Alla.—1 Korintin 10:21.