Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

In-Nies Għala Jinġibdu Lejn l-Okkult?

In-Nies Għala Jinġibdu Lejn l-Okkult?

IT-​TWEĠIBA taʼ din il-​mistoqsija fil-​maġġorparti għandha mnejn tiddependi minn fejn jgħix l-​individwu, kif ukoll mit-​twemmin reliġjuż u l-​isfond kulturali tiegħu. Fl-​inħawi tiegħek, x’jiġbed lin-​nies lejn l-​okkult? Forsi huma mħajrin minn wieħed mill-​punti li ġejjin.

Il-​kurżità L-​okkult hu misterjuż, u n-​nies naturalment huma kurjużi dwar affarijiet misterjużi. Għalhekk, xi wħud jaħsbu jekk hemmx xi qawwa moħbija wara l-​okkult. Oħrajn forsi jesperimentaw bil-​Ouija board jew jaqraw l-​oroskopju biex jaraw jekk iseħħx dak li hemm miktub. Jerġaʼ oħrajn għandhom mnejn jattendu xi seduta tal-​ispiritisti jew jikkonsultaw maʼ xi psikiku.

Id-​divertiment Fis-​snin reċenti kien hemm żieda kbira f’daqqa fid-​divertiment—kotba, films, u logħob tal-​kompjuter—ibbażat fuq temi tal-​okkult u superstizzjonijiet reliġjużi tal-​qedem li huma pagani. Ftit minn dan id-​divertiment fih ukoll xeni espliċiti taʼ vjolenza u sess.

L-​ansjetà dwar l-​għada Il-​Bibbja bassret: “Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Tabilħaqq, aħna għaddejjin minn żminijiet diffiċli, u ħafna nies qed jikkonsultaw maʼ nies involuti fl-​okkult—bħal astroloġi, kjaroveġġenti, dawk li jaqraw ix-​xorti, u psikiċi—biex jiggwidawhom. “Huwa wieħed mill-​ftit negozji li mhuwiex effettwat mir-​reċessjoni,” qal wieħed psikiku. “In-​nies ġeneralment ma jiġux għandek meta jkunu ferħanin.” Waħda kjaroveġġent fil-​Kanada qalet: “F’daqqa waħda qed jikkuntattjawni professjonisti tan-​negozju li qed iċemplu mit-​telefon privat tagħhom fl-​uffiċċju jew mit-​telefon ċellulari fil-​kuritur jitkellmu b’leħen baxx.” Hi żiedet tgħid: “Dawn huma nies li, fil-​passat, is-​soltu kienu xettiċi u ma tantx kienu jħossuhom komdi jikkonsultaw maʼ xi psikiku.”

Il-​mard fiżiku F’xi pajjiżi, nies li huma morda serjament spiss jaqtgħu qalbhom minn tobba mediċi u jduru lejn dawk li jfejqu b’mod tradizzjonali u li jużaw metodi li għandhom x’jaqsmu mal-​okkult. Għandhom mnejn jgħidu li l-​mard tagħhom ġie minħabba xi saħta jew magħmul. Sabiex ineħħu l-​magħmul, il-​ħbieb jew il-​qraba tal-​marid għandhom mnejn ifittxu l-​għajnuna mingħand xi ħadd li hu involut fi prattiki tal-​okkult, u dawn għandhom mnejn jitolbu somma flus kbira.

Ix-​xewqa għall-​protezzjoni u għall-​fortuna tajba F’xi reġjuni tal-​Afrika, ir-​raħħala jikru “profeta” minn knisja kariżmatika biex ikeċċi spirti ħżiena mill-​komunità. Ir-​ritwali jinvolvu li jixorbu taħlit maġiku u “ilma mbierek.” F’postijiet oħrajn, in-​nies jikkonsultaw maʼ medji tal-​ispirti sabiex jitolbu għall-​fortuna tajba fuq dar ġdida jew fuq xi qabar.

It-​theddid fuq it-​tfal Fil-​Papwa Ginea Ġdida, omm għandha mnejn tirrifjuta li toħroġ barra bil-​lejl bit-​tarbija l-​ġdida tagħha. Għala? Hi tibżaʼ li spirti mill-​agħar forsi jweġġgħu lit-​tarbija. Fl-​Uganda, hija t-​tradizzjoni li l-​ommijiet jorbtu spag, kultant b’żibeġ u arzell, mal-​polzi u l-​għekiesi tat-​trabi tagħhom biex jipproteġuhom mill-​ħsara.

It-​telf taʼ xi ħadd maħbub L-​awtur Britanniku Sir Arthur Conan Doyle tilef lil ibnu, lil ħuh, lil ħu martu, u lit-​tifel t’oħtu fl-​Ewwel Gwerra Dinjija. Imnikktin għall-​aħħar u ddisprati, Doyle u martu attendew seduti tal-​ispiritisti, bit-​tama li jkellmu lil binhom li kien mejjet. Illum, ukoll, ħafna jikkonsultaw maʼ medji tal-​ispirti bi sforz biex jitkellmu mal-​maħbubin mejtin tagħhom. F’xi pajjiżi, reliġjonijiet tradizzjonali u l-​hekk imsejħin knejjes Kristjani jgħallmu li l-​mewt hi r-​riżultat t’att kattiv minn spirti rrabjati. Jistgħu jsiru diversi ritwali obbligatorji li jqumu l-​flus sabiex nies oħrajn f’komunità jiġu mħarsin mill-​mewt.

Il-​biżaʼ mill-​mejtin Twemmin dwar il-​mewt u l-​mejtin influwenza bil-​kbir lill-​umanità. Għaldaqstant, f’ħafna pajjiżi, in-​nies jagħmlu kull xorta taʼ ritwali, inkluż li jweġġgħu lilhom infushom, biex jikkalmaw lill-​mejtin jew biex “jagħtu prova” taʼ mħabbithom għalihom. Fost xi nies li jgħixu fil-​gżejjer Paċifiċi, irġiel u nisa li huma romol huma sforzati jilbsu l-​iswed u joqogħdu bil-​vistu għal xhur sħaħ, imsakkrin f’darhom fejn ma jistgħux jieklu l-​ikel favorit tal-​individwu li jkun miet. Individwi li jipprattikaw din id-​drawwa jistgħu jsiru dipressi jew morda minħabba l-​ġuħ jew saħansitra jmutu.

B’mod ċar, hemm ħafna affarijiet li jiġbdu lin-​nies lejn l-​okkult. Għalhekk, kemm hu importanti li aħna nifhmu s-​sors veru tat-​tagħlim tal-​okkult! Għaldaqstant, ejja neżaminaw il-​Bibbja, l-​uniku ktieb li jispjega kulma hemm involut fl-​okkult.