Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Hemm Verament Wara l-Okkult?

Min Hemm Verament Wara l-Okkult?

RIGWARD il-​Ħallieq tagħna, il-​Bibbja tgħid: “Alla hu dawl u m’hemm ebda dlam fih.” (1 Ġwanni 1:5) Dan hu speċjalment minnu f’sens spiritwali. Għalhekk, jistaʼ l-​Alla l-​veru jkun il-​qawwa wara l-​okkult? Jew hemm xi forza mill-​agħar involuta?

Fost il-​prattiki tal-​okkult, it-​teħbir u l-​ispiritiżmu huma fuq quddiem, u dawn jinkludu l-​astroloġija, in-​numeroloġija, il-​qari tal-​idejn, u s-​seħer, kif ukoll il-​komunikazzjoni mal-​“mejtin” u l-​magħmul. Dawn il-​prattiki għandhom storja twila ħafna, u l-​biċċa l-​kbira minnhom imorru lura sa Babilonja tal-​qedem, li l-​fdalijiet tagħha jinsabu fl-​Iraq. (Isaija 47:1, 12, 13) Minn Babilonja, il-​prattiki tal-​okkult infirxu madwar id-​dinja tal-​qedem u ġew stabbiliti fis-​sod f’ħafna kulturi u ċivilizzazzjonijiet.

Ikkunsidra ġrajja li seħħet fil-​belt taʼ Filippi, fil-​Maċedonja tal-​qedem. Hemmhekk, grupp żgħir taʼ ministri Kristjani, li inkluda l-​appostlu Pawlu u t-​tabib Luqa, iltaqaʼ maʼ tfajla li kellha qawwiet tal-​okkult. Innota kif Luqa, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja, irrivela s-​sors sigriet tal-​qawwiet tagħha. Hu kiteb: “Iltaqgħet magħna waħda qaddejja li kellha spirtu, demonju tat-​teħbir. Lis-​sidien tagħha kienet tipprovdilhom ħafna qligħ billi tipprattika l-​arti tat-​tbassir.”—Atti 16:16-​18.

Iva, il-​qawwiet taʼ din it-​tfajla ma kinux ġejjin mingħand l-​Alla l-​veru, Ġeħova, imma mingħand demonju, spirtu mill-​agħar. Għalhekk, Pawlu u sħabu rrifjutaw li jagħtuha widen. Forsi issa qed taħseb: ‘Min huma d-​demonji? U minn fejn ġew?’ Għal darb’oħra, innota t-​tweġibiet tal-​Bibbja.

Min Huma d-​Demonji?

Ħafna qabel ma Ġeħova għamel lill-​bnedmin, hu ħalaq għadd mhux magħruf taʼ spirti intelliġenti, ‘ulied Alla,’ fis-​sema. (Ġob 38:4, 7) Bħall-​bnedmin, huma għandhom il-​libertà tal-​għażla, u għal żmien twil, ilkoll baqgħu leali lejn Alla. Imma din is-​sitwazzjoni sabiħa ntemmet ħesrem. Kif?

Wara li Alla ħalaq lill-​umanità, wieħed mill-​ħlejjaq spirti beda jixxennaq b’għira għal xi ħaġa li ma kienx intitolat għaliha—il-​qima. Billi uża serp bl-​istess mod li ventrilokwista juża pupazz, dan l-​anġlu mill-​agħar qarraq bl-​ewwel mara, Eva, biex ma tobdix lill-​Ħallieq tagħha. (Ġenesi 3:1-​6) Il-​Bibbja ssejjaħ lil dan l-​anġlu ribelluż “is-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” (Rivelazzjoni 12:9) Ġesù ddeskrivieh bħala “qattiel” li “ma żammx sħiħ fil-​verità,” u żied jgħid: “Meta jigdeb, jitkellem skond il-​karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-​gidba.”—Ġwanni 8:44.

Maż-​żmien, spirti oħrajn, “ulied l-​Alla l-​veru,” ngħaqdu maʼ Satana fir-​ribelljoni tiegħu. (Ġenesi 6:1, 2) Iktar tard, dawn jissemmew bħala “l-​anġli li dinbu” u “l-​anġli li ma żammewx il-​pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-​post xieraq fejn kellhom jgħammru,” jew il-​post assenjat lilhom fis-​sema. (2 Pietru 2:4; Ġuda 6) Bdew jiġu msejħin demonji. (Ġakbu 2:19) Iktar minn hekk, huma determinati li jdawru kemm jistaʼ jkun bnedmin lil hinn mill-​qima vera, bħalma għamlu lil ħafna Iżraelin fi żminijiet Bibliċi. (Dewteronomju 32:16, 17) B’mod simili llum, bħal fil-​passat, Satana u d-​demonji b’makakkerija jużaw gideb reliġjuż.—2 Korintin 11:14, 15.

Ipproteġi Lilek Innifsek!

Avolja l-​ispirti mill-​agħar għandhom qawwiet sovrumani, bl-​għajnuna t’Alla, aħna nistgħu ‘niqfulhom’ u noħorġu rebbiħin. (1 Pietru 5:9) Madankollu, sabiex niksbu din l-​għajnuna, għandna bżonn insiru nafu x’jirrikjedi minna Alla u naġixxu fi qbil maʼ dan. Rigward il-​Kristjani fi żmienu, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Ma waqafniex nitolbu għalikom biex timtlew bl-​għarfien eżatt dwar ir-​rieda tiegħu bl-​għerf kollu u bl-​abbiltà mogħtija mill-​ispirtu t’Alla biex tifhmu b’mod sħiħ. B’hekk tkunu tistgħu timxu kif jixraq lil Ġeħova bl-​għan li togħġbuh għalkollox.”—Kolossin 1:9, 10.

Fost dawk li kisbu dan l-​“għarfien eżatt” kien hemm għadd taʼ nies fil-​belt t’Efesu li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​okkult. Innota kif effettwahom l-​għarfien tal-​verità. Il-​Bibbja tgħid: “Għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​maġija ġabru l-​kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd.” Issa l-​kotba kienu jiswew “ħamsin elf biċċa tal-​fidda,” u dan ma kienx ammont żgħir! (Atti 19:17-​19) Dan l-​eżempju kuraġġuż kien dokumentat għall-​benefiċċju tagħna.—2 Timotju 3:16.

Prinċipji li Jipproteġu

Hemm affarijiet oħrajn li nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna mid-​demonji. Ikkunsidra l-​prinċipji Bibliċi li ġejjin.

“Temmnux kull espressjoni mnebbħa, imma għarblu l-​espressjonijiet imnebbħin biex taraw jekk joriġinawx minn Alla.” (1 Ġwanni 4:1) Xi stqarrijiet li jagħmlu l-​astroloġi, il-​psikiċi, il-​medji, u s-​sħaħar jistgħu tabilħaqq ikunu veri. Pereżempju, it-​tfajla li kienet maħkuma minn demonju f’Filippi tkellmet il-​verità meta qalet dwar Pawlu u sħabu: “Dawn l-​irġiel huma lsiera t’Alla l-​Iktar Għoli, li qed ixandrulkom it-​triq tas-​salvazzjoni.” (Atti 16:17) Minkejja dan, Pawlu u sħabu m’aċċettawhiex fil-​kumpanija tagħhom. Minflok, Pawlu ordna lill-​ispirtu mill-​agħar biex joħroġ minnha. Għarbel stqarrijiet reliġjużi billi tqabbilhom maʼ dak li tgħid il-​Bibbja.—Atti 17:11.

“Għalhekk, issottomettu ruħkom lejn Alla; imma opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) Id-​demonji huma l-​għedewwa t’Alla u tiegħek ukoll. Issirx saħansitra kurjuż dwar it-​triqat mudlama tagħhom. Minflok, issottometti ruħek lejn Alla billi tobdi l-​kmandamenti kollha mħabba tiegħu li mhumiex tqal. (1 Ġwanni 5:3) Pereżempju, Alla qal lill-​ġens t’Iżrael tal-​qedem: “M’għandux jinstab fik xi ħadd li . . . jeħber, min jipprattika l-​maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-​futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-​ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-​mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-​affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.” (Dewteronomju 18:10-​12) Il-​ħarsa t’Alla ma nbidlitx.—Galatin 5:19, 20.

“M’hemm ebda magħmul kontra [l-​qaddejja taʼ Ġeħova].” (Numri 23:23) Dawk kollha li jridu jogħġbu lil Alla m’għandhomx għalfejn jibżgħu mid-​demonji. Tabilħaqq, dawn l-​ispirti mill-​agħar “jirtogħdu” quddiem Alla, u huma konxji tal-​qawwa kbira ħafna tiegħu, li eventwalment se jużaha biex jeqridhom. (Ġakbu 2:19) Alla se “juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh,” u qatt mhu se “jħalli lill-​ġust jogħtor.”—2 Kronaki 16:9; Salm 55:22.

“Il-​ħajjin jafu li għad imutu; imma l-​mejtin ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5) Il-​Kelma t’Alla tgħallem li l-​mejtin huma fil-​fatt hekk—mejtin! Ħadd m’għandu għalfejn jibżaʼ minnhom, għax issa ma jistgħu jagħmlu ħsara lil ħadd. (Isaija 26:14) Sabiex iqarrqu bin-​nies, id-​demonji kultant jagħmluha taʼ spirti tal-​mejtin, u dan jistaʼ jispjega għala n-​nies isibu li l-​“ispirtu” taʼ individwu li qabel kien qalbu tajba għandu mnejn ikun differenti mill-​individwu li kienu jafu.

“Ma tistgħux tieħdu sehem mill-​‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-​mejda tad-​demonji.” (1 Korintin 10:21, 22) Dawk kollha li verament iħobbu lil Ġeħova se jżommu ’l bogħod mill-​kotba, il-​films, u l-​logħob tal-​kompjuter li għandhom l-​għeruq fl-​okkult jew li jippromwovu prattiki u twemmin tal-​okkult. a Salm 101:3 jgħid: “M’iniex se nqiegħed quddiem għajnejja xi ħaġa li m’hi tajba għal xejn.” Barra minn dan, id-​divertiment tal-​okkult spiss jigglorifika l-​vjolenza u l-​immoralità, affarijiet li dawk ‘li jħobbu lil Ġeħova’ jistmerruhom.—Salm 97:10.

Id-​demonji minn dejjem ipprovaw jaħbu n-​natura vera tagħhom mill-​bnedmin. Imma ma rnexxilhomx kompletament. Permezz tal-​Bibbja, Ġeħova kixifhom għal dak li tassew huma—giddibin malizzjużi u għedewwa kattivi tal-​umanità. X’kuntrast mal-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova! Bħalma juri l-​artiklu li jmiss, hu jħobbna, dejjem jgħidilna l-​verità, u jridna ngħixu ferħanin għal dejjem.—Ġwanni 3:16; 17:17.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​kuxjenzi jvarjaw fis-​sensittività skont l-​isfond reliġjuż u l-​maturità spiritwali taʼ dak li jkun. L-​importanti hu li dak li jkun iżomm kuxjenza nadifa quddiem Alla u ma joffendix il-​kuxjenzi t’oħrajn, inkluż membri tal-​familja. “Ilkoll se nidhru quddiem it-​tron tal-​ġudizzju t’Alla,” jgħid Rumani 14:10, 12.