Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma Xofftejk “Reċipjenti Prezzjużi”?

Huma Xofftejk “Reċipjenti Prezzjużi”?

● Is-​Sultan Salamun tal-​qedem kiteb: “Jeżisti d-​deheb, u wkoll abbundanza taʼ qroll; imma xofftejn l-​għarfien huma reċipjenti prezzjużi.” (Proverbji 20:15) Id-​deheb minn dejjem kien meqjus ħafna, u fi żmien Salamun, il-​qroll ukoll kien prezzjuż. Iżda, xofftejna jistgħu jkunu saħansitra iktar prezzjużi minn dawn. Kif? Mhux minħabba d-​dehra fiżika tagħhom, imma minħabba l-​ħsibijiet li jesprimu.

Minn xofftejn prezzjużi joħorġu t-​tjubija, il-​qalb tajba, u l-​imħabba. U bħala “xofftejn l-​għarfien,” huma jgħidu l-​verità dwar Alla kif imniżżla fil-​Bibbja. Iva, dan il-​ktieb tal-​qedem hu mimli għerf u verità dwar il-​Ħallieq tagħna, kif ukoll fih parir mill-​aqwa għall-​ħajja.—Ġwanni 17:17.

B’sogħba, ħafna nies jagħmlu użu ħażin taʼ xofftejhom billi jgħidu affarijiet dwar Alla li mhumiex veri. Pereżempju, xi wħud iwaħħlu fih għall-​inġustizzja u t-​tbatijiet fid-​dinja, li ħafna minnhom ġew b’idejn il-​bnedmin stess. Fi qbil maʼ dan, Proverbji 19:3 jgħid: “Bi bluhatu l-​bniedem jgħarraq ħajtu, u mbagħad jeħodha kontra l-​Mulej.”—Għaqda Biblika Maltija.

Oħrajn inaqqsu mill-​valur taʼ xofftejhom permezz taʼ diskors mhux sinċier, seksik li jweġġaʼ, jew saħansitra malafama. Proverbji 26:23 juża tixbiha qawwija u jgħid: “Bħal kisja tal-​fidda fuq biċċa fuħħar, hekk huma x-​xofftejn kollhom ħeġġa flimkien maʼ qalb ħażina.” Bħal “kisja tal-​fidda” li taħbi l-​fuħħar li hemm taħt, “xofftejn kollhom ħeġġa,” li jagħtu x’tifhem li wieħed għandu sentimenti qawwijin u li saħansitra hu sinċier, jistgħu fil-​fatt ikunu qed jaħbu “qalb ħażina.”—Proverbji 26:24-​26.

M’għandniex xi ngħidu, ħażen bħal dan mhuwiex moħbi minn Alla. Hu jara x’aħna tassew! Għaldaqstant, Ġesù Kristu qal: “Naddaf l-​ewwel it-​tazza u l-​platt minn ġewwa, imbagħad barra jindaf ukoll.” (Mattew 23:26) Kemm huwa minnu dan! Iktar minn hekk, l-​indafa minn ġewwa, jew is-​safa, flimkien maʼ qalb mimlija b’verità spiritwali, se teffettwa dak li ngħidu. U x’se jkun ir-​riżultat taʼ dan? Xofftejna se jkunu “reċipjenti prezzjużi,” speċjalment f’għajnejn Alla.

[Stampa f’paġna 20]

Xofftejn l-​għorrief huma “reċipjenti prezzjużi”