Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huwa Alla Omnipreżenti?

Huwa Alla Omnipreżenti?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

ĦAFNA nies jemmnu li Alla hu omnipreżenti, jiġifieri, li hu letteralment jinsab kullimkien u f’kollox. Is-​sultan għaref Salamun għamel din it-​talba lil Ġeħova: “Ismaʼ int mis-​smewwiet, il-​post stabbilit fejn tgħammar.” (1 Slaten 8:30, 39) Skont il-​Bibbja mela, Alla Ġeħova għandu post fejn jgħammar. Salamun irrefera għal dan il-​post bħala “s-​smewwiet.” Imma dan xi jfisser?

Il-​Bibbja kultant tuża l-​kliem “sema” u “smewwiet” biex tirreferi għall-​univers fiżiku taʼ madwar id-​dinja. (Ġenesi 2:1, 4) Madanakollu, peress li Alla ħalaq kollox, il-​post fejn jgħammar bilfors li eżista qabel ma għamel l-​univers fiżiku. Għaldaqstant, nistgħu nikkonkludu li Alla jgħix f’qasam li m’għandux x’jaqsam m’affarijiet materjali. Għalhekk, meta l-​Bibbja tirreferi għas-​smewwiet bħala l-​post fejn jgħammar Alla Ġeħova, ma tkunx qed tirreferi għal post fl-​ajru jew fl-​ispazju, imma għal qasam tal-​ispirti.

Viżjoni Impressjonanti

Il-​Bibbja tagħtina lemħa affaxxinanti tal-​post fejn jgħammar Ġeħova permezz taʼ viżjoni li ngħatat lill-​appostlu Ġwanni. F’dik il-​viżjoni, Ġwanni ra bieb miftuħ fis-​smewwiet u mbagħad semaʼ leħen jgħidlu: “Itlaʼ hawn fuq.”—Rivelazzjoni 4:1.

Wara dan, Ġwanni ġie muri viżjoni impressjonanti t’Alla Ġeħova nnifsu. Ftit minn dak li ra kien dan: “Kien hemm tron f’postu fis-​sema . . . Id-​dehra taʼ dak li kien bil-​qiegħda kienet bħal ħaġra tad-​djaspru u ħaġra prezzjuża taʼ lewn aħmar, u madwar it-​tron kien hemm qawsalla li kienet tidher bħall-​iżmerald. . . . Mit-​tron kienu ħerġin sajjetti u ilħna u ragħad . . . U quddiem it-​tron kien hemm qisu baħar tal-​ħġieġ bħall-​kristall.”—Rivelazzjoni 4:2-​6.

Hawn għandna deskrizzjoni dettaljata tas-​sbuħija li tgħammex u l-​ġmiel uniku taʼ Ġeħova. U nnota dak li hemm madwar it-​tron taʼ Ġeħova. Il-​qawsalla tagħti stampa tas-​serenità u l-​paċi. Is-​sajjetti, l-​ilħna, u r-​ragħad jenfasizzaw il-​qawwa t’Alla. Il-​baħar tal-​ħġieġ jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​waqfa nadifa taʼ dawk kollha fil-​preżenza t’Alla.

Għalkemm id-​dehra murija hawn hija simbolika, tgħidilna ħafna dwar il-​post fejn jgħammar Alla. Ġeħova jżomm ordni perfetta fis-​sema. Il-​post fejn jgħammar mhuwiex f’kaos.

Kullimkien fl-​Istess Ħin?

Il-​fatt li Ġeħova għandu post fejn jgħammar jindika li hu mhuwiex kullimkien fl-​istess ħin. Allura, kif jistaʼ jkun jaf x’inhu jiġri? (2 Kronaki 6:39) Mod wieħed hu permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu, jew, il-​forza attiva. Is-​salmista kiteb: “Fejn nistaʼ mmur ’il bogħod mill-​ispirtu tiegħek, u fejn nistaʼ naħrab minn quddiem wiċċek? Kieku kelli nitlaʼ fis-​sema, hemmhekk tkun int; u kieku kelli nifrex soddti fil-​Qabar, ara, int tkun hemmhekk.”—Salm 139:7-​10.

Sabiex tifhem l-​effett mifrux tal-​ispirtu qaddis t’Alla, ġib quddiem għajnejk ix-​xemx. Hi qiegħda f’post speċifiku imma tqassam l-​enerġija lejn il-​biċċa l-​kbira tal-​art. B’mod simili, Alla Ġeħova għandu post fejn jgħammar. Imma hu jistaʼ jagħmel dak kollu li jrid fi kwalunkwe post fl-​univers. Barra minn hekk, Ġeħova jistaʼ juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex ikun jaf x’inhu jiġri fi kwalunkwe post u fi kwalunkwe ħin. B’hekk, it-​2 Kronaki 16:9 jgħid: “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.”

Ukoll, Alla għandu fil-​kontroll tiegħu organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti msejħin anġli. Il-​Bibbja tindika li dawn l-​ispirti għandhom mnejn jgħoddu mal-​mijiet taʼ miljuni—forsi anke biljuni jew iktar. a (Danjel 7:10) Il-​Bibbja tiddokumenta diversi drabi meta l-​anġli aġixxew bħala rappreżentanti t’Alla u ġew fuq l-​art, tkellmu mal-​bnedmin, u rrapportaw dak li sabu lil Alla. Pereżempju, fi żmien Abraham, xi anġli investigaw l-​għajta taʼ lment dwar Sodoma u Gomorra. Alla ddeċieda li jeqred dawn il-​bliet, milli jidher wara li rċieva r-​rapport minn dawk l-​anġli.—Ġenesi 18:20, 21, 33; 19:1, 13.

Għalhekk, il-​Bibbja turina li m’hemmx bżonn li Alla Ġeħova jkun letteralment kullimkien. Permezz tal-​ħidma tal-​ispirtu qaddis u permezz tal-​forzi anġeliċi tiegħu, hu kapaċi jkun jaf dak kollu li qed jiġri fil-​ħolqien tiegħu.

Biċ-​ċar, il-​Bibbja tistaʼ tgħinna nsiru nafu aħjar lill-​Ħallieq tagħna. Hi tgħallimna li Alla jgħix f’post stabbilit li jissejjaħ is-​sema, qasam spirtu ’l barra mis-​smewwiet fiżiċi. Miegħu hemm mirjadi taʼ ħlejjaq spirti setgħanin, li wkoll jgħixu fil-​qasam tal-​ispirti. U l-​post fejn jgħammar hu karatterizzat bis-​serenità, il-​qawwa, u s-​safa. Il-​Bibbja tassigurana li fiż-​żmien xieraq l-​umanità se tgawdi kundizzjonijiet paċifiċi fuq l-​art bħal dawk li jeżistu fis-​smewwiet.—Mattew 6:10.

[Nota taʼ taħt]

a Rivelazzjoni 5:11 jiddeskrivi “mirjadi taʼ mirjadi” t’anġli madwar it-​tron t’Alla. Mirjad hu 10,000. Mirjad għal mirjad darba (10,000 x 10,000) jiġi 100 miljun. Madanakollu, din l-​iskrittura tuża l-​frażi “mirjadi taʼ mirjadi,” u b’hekk tagħti wisaʼ għall-​possibbiltà li hemm ħafna biljuni taʼ ħlejjaq spirti.

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

● Jinsab Alla kullimkien?—1 Slaten 8:30, 39.

● Kemm hu mifrux l-​ispirtu t’Alla?—Salm 139:7-​10.

[Kumment f’paġna 25]

Ix-​xemx qiegħda f’post fiss, imma l-​enerġija tagħha tinħass fuq il-​biċċa l-​kbira tal-​art. B’mod simili, Alla għandu post fejn jgħammar, imma l-​ispirtu qaddis tiegħu jistaʼ jinħass fi kwalunkwe post fl-​univers li hu jagħżel