Int Tistaʼ Ttejjeb Saħħtek
RUSTAM, li joqgħod ir-Russja, jgħix ħajja mgħaġġla. Fil-passat, hu kellu xi vizzji li jagħmlu ħsara lis-saħħa, iżda mbagħad irrealizza li kien qed iħallas prezz għoli għalihom. Hu waqqaf it-tipjip u x-xorb żejjed. Iżda għalkemm waqqaf dawn il-vizzji, il-ġranet sħaħ quddiem il-kompjuter xorta waħda kienu jħalluh bi ftit li xejn enerġija.
Għalkemm Rustam kien jibda l-ġurnata tax-xogħol fit-tmienja taʼ filgħodu, hu rari kien jiġi f’tiegħu qabel l-għaxra, u spiss kien ikun ma jiflaħx. Għalhekk, hu għamel bidla fir-rutina tiegħu. X’kien ir-riżultat? Hu jgħid: “F’dawn l-aħħar sebaʼ snin, ma ħadtx iktar minn jumejn sick fis-sena. Inħossni tajjeb—imqajjem u fuq tiegħi—u qed ingawdi l-ħajja!”
Ram, martu, u ż-żewġ uliedhom li huma adoloxxenti, jgħixu n-Nepal. Fejn joqogħdu huma hemm nuqqas taʼ sanità, u dawn l-inħawi huma invażati bin-nemus u bid-dubbien. Fil-passat, Ram u l-familja tiegħu spiss kienu jbatu minn problemi respiratorji kif ukoll minn infezzjonijiet fl-għajnejn. Anki huma għamlu xi bidliet li bihom tejbu saħħithom bil-kbir.
Ħu Ħsieb Saħħtek!
Sew jekk ikunu sinjuri u sew jekk ikunu fqar, ħafna nies ma jarawx il-konnessjoni bejn il-vizzji li jkollhom u saħħithom. Huma forsi jaħsbu li saħħa tajba tiġi b’kumbinazzjoni, jew iqisuha bħala xi ħaġa li ftit li xejn għandhom kontroll fuqha. Ħarsa negattiva bħal din iżżomm lil ħafna nies lura milli jtejbu saħħithom u milli jgħixu ħajja aħjar.
Il-verità hi li huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi finanzjarji tiegħek, hemm xi passi bażiċi li tistaʼ tieħu sabiex tipproteġi u ttejjeb bil-kbir is-saħħa tiegħek stess u tal-familja tiegħek. Huwa taʼ min jiħodhom dawn il-passi? Dażgur! Int tistaʼ ttejjeb il-kwalità taʼ ħajtek u tevita li tqassar ħajtek bla bżonn.
Il-ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom, kemm bil-kliem u kemm bl-eżempju, biex jiżviluppaw drawwiet tajbin. Dan se jwassal għal saħħa aħjar. Il-ħin li tqattaʼ u l-ispejjeż involuti se jirriżultaw f’inqas tbatija, inqas ħin mitluf minħabba l-mard, u inqas flus li jintefqu f’kura medika. Bħalma jgħid qawl Malti: Il-mard trid tilqagħlu.
Fl-artikli li ġejjin se nikkunsidraw ħames suġġerimenti bażiċi li għenu lil Rustam, lil Ram, u lil ħafna nies oħrajn. Dawn is-suġġerimenti jistgħu jgħinu lilek ukoll!
[Stampa f’paġna 3]
Rustam
[Stampa f’paġna 3]
Ram jimla l-ilma nadif u tajjeb għax-xorb għall-familja tiegħu