Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-3 Suġġeriment—Żomm Ruħek Attiv

It-3 Suġġeriment—Żomm Ruħek Attiv

“Li kieku l-​eżerċizzju kien pillola, kieku kien ikun l-​iktar mediċina preskritta fid-​dinja.” (L-​Iskola tal-​Mediċina fl-​Università taʼ Emory) Minn dak kollu li nistgħu nagħmlu għal saħħitna, ftit hemm affarijiet li ġeneralment huma iktar t’għajnuna mill-​eżerċizzju fiżiku.

Agħmel l-​eżerċizzju. Ħajja attiva fiżikament tistaʼ tgħinna nkunu iktar ferħanin, ikollna moħħna iktar frisk, ikollna iktar enerġija, inkunu iktar produttivi u, flimkien maʼ dieta tajba, nikkontrollaw il-​piż tagħna. M’hemmx għalfejn li l-​eżerċizzju jkun taʼ wġigħ jew estrem sabiex ikun effettiv. Sessjonijiet regulari taʼ eżerċizzju moderat, li jsir bosta drabi fil-​ġimgħa, jistaʼ jkun ferm taʼ benefiċċju.

Jekk tiġġoggja, timxi b’pass mgħaġġel, issuq ir-​rota, u tieħu sehem fi sports attiv—sakemm qalbek tibda tħabbat b’ritmu iktar mgħaġġel u tibda togħroq—tistaʼ ttejjeb ir-​reżistenza tiegħek u tgħin biex tipprevieni xi attakk tal-​qalb jew puplesija. Dawn l-​eżerċizzji erobiċi, flimkien maʼ taħriġ moderat tal-​weight lifting u eżerċizzji sempliċi, jgħinuk biex issaħħaħ għadmek, il-​muskoli interni, riġlejk, u dirgħajk. Dawn l-​attivitajiet jgħinuk ukoll biex ikollok metaboliżmu iktar mgħaġġel u dan awtomatikament jgħinek biex tikkontrolla l-​piż tiegħek.

Imxi. L-​eżerċizzju hu taʼ benefiċċju għal nies taʼ kull età, u m’hemmx għalfejn tkun miktub f’xi gym biex tagħmlu. Jekk sempliċement timxi minflok tuża l-​karozza, il-​karozza tal-​linja, jew il-​lift, ikun bidu tajjeb. Għala tistenna li jrikkbek xi ħadd meta tistaʼ timxi sad-​destinazzjoni tiegħek, u forsi anki tasal qabel? Ġenituri, inkuraġġixxu lil uliedkom biex jieħdu sehem f’logħob attiv, u jekk jistaʼ jkun dan jagħmluh barra. Attività bħal din issaħħilhom ġisimhom u tgħinhom jiżviluppaw koordinazzjoni maʼ ġisimhom kollu b’modi li d-​divertiment taʼ bilqiegħda, bħal-​logħob tal-​kompjuter, ma jistax.

Ikollok kemm ikollok żmien meta tibda, int tistaʼ tibbenefika minn eżerċizzju fiżiku moderat. Jekk int ikbar fl-​età jew jekk għandek problemi taʼ saħħa u ma tagħmilx eżerċizzju, ikun għaqli li tikkonsulta tabib dwar kif għandek tibda. Iżda ibda! Eżerċizzju li jinbeda bil-​mod il-​mod u li ma jkunx eċċessiv jistaʼ jgħin saħansitra lil uħud fostna li huma mdaħħlin fiż-​żmien biex iżommu l-​muskoli u l-​massa tal-​għadam f’saħħa tajba. Jistaʼ wkoll jgħinhom jevitaw il-​waqgħat.

Kien proprju l-​eżerċizzju li għen lil Rustam, li ssemma fl-​ewwel artiklu taʼ din is-​serje. Sebaʼ snin ilu, hu u martu bdew imorru jiġġoggjaw ftit kull filgħodu, ħamest ijiem fil-​ġimgħa. Hu jgħid: “Għall-​ewwel konna nġibu l-​iskużi biex ma mmorrux, iżda l-​fatt li kellna lil xulxin kien taʼ motivazzjoni għat-​tnejn li aħna. Issa saret drawwa pjaċevoli.”

[Stampa f’paġna 6]

L-​eżerċizzju jistaʼ jkun pjaċevoli