Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nħalli Impressjoni Tajba mill-Ewwel darba?

Kif Nistaʼ Nħalli Impressjoni Tajba mill-Ewwel darba?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

“Kemm sejra tajjeb din l-​intervista għax-​xogħol! Għandu jkun ovvju għall-​imgħallem futur tiegħi li jien rilassat; ili nsejjaħlu b’ismu minn meta dħalt. Ċert li se jimpjegani!”

“Dan l-​istess ġuvni li bagħat dak is-​c.v. impressjonanti? M’hemmx ċans li nimpjegah! Jekk ħa jġib ruħu hekk qabel ma nimpjegah, immaġina x’se jagħmel wara!”

Ħares lejn l-​istampa, u aqra l-​kliem t’hawn fuq. Tistaʼ tara tliet modi kif dak li qed japplika għax-​xogħol ma tantx qed iħalli impressjoni tajba?

1 ․․․․․

2 ․․․․․

3 ․․․․․

● It-​tweġibiet hawn taħt

1. Il-​ħwejjeġ tal-​ġuvni huma każwali wisq għal intervista għax-​xogħol. 2. Id-​diskors tiegħu (li jsejjaħ lil min se jħaddmu b’ismu) hu kunfidenti żżejjed. 3. Il-​mod kif qiegħed bilqiegħda juri nuqqas taʼ rispett.

IMMAĠINA li qed idduq ċertu ikel għall-​ewwel darba. Kemm iddum biex tkun taf jekk jogħġbokx? Jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ gidma waħda biss biex tkun taf jekk qattx se terġaʼ tiekol dak l-​ikel—jew anke jekk intix se tispiċċa dak li hemm quddiemek.

Xi ħaġa simili tiġri meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd għall-​ewwel darba. F’mument wieħed, tieħu impressjoni taʼ dik il-​persuna. U hawn punt taʼ min jaħseb dwaru: Fl-​istess ammont taʼ ħin dik il-​persuna tieħu impressjoni tiegħek.

Qed tfittex xogħol? ħabib? sieħeb għaż-​żwieġ? Is-​suċċess tiegħek jistaʼ jiddependi mill-​ewwel impressjoni li tagħti. Ejja nħarsu lejn tliet affarijiet fejn għandek mnejn tkun trid ittejjeb l-​abbiltajiet soċjali tiegħek ħalli l-​impressjoni li tħalli fuq oħrajn tkun waħda tajba.

1. Kif Tidher

Forsi mhuwiex ġust, imma l-​ewwel impressjoni li n-​nies jieħdu tiegħek tistaʼ tkun ibbażata fuq l-​ewwel ħaġa li jaraw, l-​apparenza tiegħek. Dan l-​aspett taʼ li tagħti impressjoni tajba mill-​ewwel spiss ma jingħatax attenzjoni. Żagħżugħa jisimha Clarissa a tgħid, “Meta tmur f’xi restorant illum il-​ġurnata donnok ma tkunx taf jekk in-​nies humiex se jiġu b’xi libsa formali jew bil-​piġama!”

Ovvjament, dak li tilbes għandu jkun xieraq għall-​okkażjoni. Pereżempju, m’intix se tilbes l-​istess ħwejjeġ għall-​intervista għax-​xogħol bħalma kieku tilbes għall-​baħar! Imma xi ngħidu jekk sempliċement ma tafx xi jkun xieraq? Is-​sigriet hu li tuża moħħok u tevita l-​estremi. Meta ma tkunx ċert x’għandek tilbes, spiss ikun aħjar li tilbes xi ħaġa modesta.

FTAKAR DAN! L-​ilbies u d-​dehra tiegħek, bħal eksrej, jistgħu jikxfu x’int minn ġewwa.

“Meta nara n-​nies f’xi ‘get-​together’ u jkunu lebsin stramb, jien inżomm lura milli niltaqaʼ magħhom. Dak il-​ħin, kulma nkun naf dwarhom hu kif jidhru, u l-​ilbies tagħhom jagħti impressjoni ħażina tagħhom.”—Diane.

Il-​Bibbja tirrikkmanda “lbies xieraq” li juri li għandek ‘il-​modestja u l-​għaqal.’—1 Timotju 2:9.

Staqsi lilek innifsek: ‘Dak li nilbes jidher pulit, jew inkella nidher żmattat? Kieku l-​imgħallem, il-​ħabib, jew is-​sieħeb li jistaʼ jkolli jikkonkludi li m’għandix “għaqal” minħabba l-​mod kif nilbes?’

Suġġeriment: Ħu parir mingħand xi ħadd li tirrispetta minħabba l-​mod tajjeb kif jilbes.

2. Dak li Tgħid

Dak li tgħid jikxef jekk intix umli jew minfuħ bik innifsek, dħuli jew grixti. Żomm dan f’moħħok jekk tkun qed tipprova tħalli impressjoni tajba fuq membru tas-​sess oppost mill-​ewwel darba. “Kemm nittika ruħi meta nkun qed nitkellem maʼ ġuvni u ħlief jitkellem dwaru nnifsu ma jagħmilx,” tgħid tfajla jisimha Valerie. Hi żżid, “Fl-​estrem l-​ieħor xi ġuvintur ikunu jridu jafu kollox dwarek mill-​ewwel. Dan jimbottak u jġiegħlek ikollok aptit titlaq tiġri ’l hemm.”

FTAKAR DAN! Kliemek jipprovdi tieqa li minnha ħaddieħor jistaʼ jara x’tip taʼ persuna int tassew—allura kun ċert li l-​veduta tkun waħda li tpaxxi l-​għajn.

“Meta niltaqaʼ maʼ ġuvni, nieħu pjaċir meta sempliċement jaġixxi b’mod naturali. L-​ewwel laqgħa hija importanti. Jekk ikollu jaħseb iżżejjed x’se jgħid, wisq probabbli aħjar ma jgħid xejn.”—Selena.

Il-​Bibbja tgħid: “Se tgħid il-​ħaġa żbaljata jekk titkellem wisq—allura uża moħħok u oqgħod attent x’tgħid.”—Proverbji 10:19, Contemporary English Version.

Staqsi lilek innifsek: ‘Kif nistaʼ nżomm bilanċ bejn li nitkellem iżżejjed u li nitkellem ftit wisq? Hemm xi ħaġa fil-​mod kif nitkellem li għandha mnejn taħsad jew toffendi lil ħaddieħor?ʼ

Suġġeriment: Innota ’l dawk li donnhom għandhom it-​talent li jżommu konversazzjoni għaddejja. X’tekniki jużaw biex jagħmlu dan? Tistaʼ tuża metodu simili?

3. Kif Taġixxi

L-​azzjonijiet tiegħek juru x’tip taʼ persuna int iktar milli juri kliemek. Pereżempju, jekk għandek manjieri tajbin, l-​azzjonijiet tiegħek juru li tirrispetta lil oħrajn. Din xi ħaġa oħra t’għajnuna li għandek tiftakar meta tkun lest li tfittex għal sieħeb biex tiżżewġu. Tfajla jisimha Carrie tgħid, “Li tagħmel affarijiet żgħar, bħal li wieħed iżomm bieb miftuħ, juri rispett. Ħafna minn dawn l-​affarijiet huma sempliċi manjieri tajbin.”

FTAKAR DAN! L-​azzjonijiet tiegħek huma bħal “reklam” li jippreżenta l-​kwalitajiet ġewwinin tiegħek. (Proverbji 20:11) L-​azzjonijiet tiegħek ‘x’jirreklamaw’ dwarek?

“Naħseb li hu importanti li tkun semmiegħ tajjeb. Ukoll, tkun qed turi manjieri tajbin jekk ma taqbiżx fin-​nofs meta xi ħadd ikun qed jitkellem, sakemm ma jkunx hemm il-​bżonn.”—Natalia.

Il-​Bibbja tgħid: “Bħalma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-​istess lilhom.”—Luqa 6:31.

Staqsi lilek innifsek: ‘Għandi manjieri tajbin? Nuri interess ġenwin f’oħrajn? Jien taʼ min jafdani? Inkun fil-​ħin?ʼ

Suġġeriment: Ippjana li tasal minn tal-​inqas għaxar minuti kmieni meta tkun se tiltaqaʼ maʼ xi ħadd, ħalli jekk jinqalaʼ xi ħaġa bla mistenni xorta tasal fil-​ħin. Tħallix l-​ewwel impressjoni li tagħti tkun dik taʼ xi ħadd li dejjem jasal tard.

Kelma taʼ twissija: Li tagħti impressjoni tajba ma jfissirx li turi wiċċ b’ieħor, li fil-​fatt ikun qerq. (Salm 26:4) Minflok, ara x’inhuma l-​kwalitajiet li tixtieq tkun magħruf għalihom, ikkultivahom ġo fik, u mbagħad agħmel sforz biex turihom f’dak kollu li tagħmel. (Kolossin 3:9, 10) Hekk kif tagħmel dan, ftakar li int il-​wieħed li tifforma r-​reputazzjoni tiegħek. Billi tagħti attenzjoni xierqa lill-​apparenza, lid-​diskors, u lill-​azzjonijiet tiegħek, int se tħalli impressjoni tajba mill-​ewwel—waħda li ddum!

Iktar artikli mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-​Websajt www.watchtower.org/ype

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 27]

DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK

“Meta tiġi għall-​ħbiberiji, huwa importanti li tuża l-​għaqal. Nistaʼ nara kif ħbiebi jeffettwaw l-​attitudni tiegħi, allura nipprova nagħżel dawk li se jkollhom influwenza tajba fuqi.”

“Li tagħmel ħbieb ma jiddependix minn kemm int ħelu jew kemm għandek flus—affarijiet li fil-​biċċa l-​kbira m’għandekx kontroll fuqhom—imma mill-​kwalitajiet li għandek. Dan għandek kontroll fuqu!”

[Stampi]

Sier

Ashley

[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]

AFFARIJIET LI JWASSLU GĦAS-​SUĊĊESS . . .

● Tbissem b’mod dħuli

● Ħu b’id dak li jkun b’mod sod (imma tagħfasx iżżejjed)

● Żomm ruħek nadif

● Żomm kuntatt xieraq bl-​għajnejn

[Kaxxa/Stampa f’paġna 28]

TAGĦMILHIEX IŻŻEJJED!

Tkellem IMMA agħti ċans lil ħaddieħor jgħid tiegħu

Staqsi mistoqsijiet IMMA tindaħalx fejn ma jesgħekx

Kun dħuli IMMA titkessaħx

Kun kunfidenti IMMA tiftaħarx

[Kaxxa f’paġna 28]

GĦALA MA TISTAQSIX LILL-​ĠENITURI?

Meta kont tampari, x’tgħallimt dwar kif tħalli impressjoni tajba mill-​ewwel?

․․․․․