Ħarsa Lejn Id-dinja
Xi 17 fil-mija mit-tfal tal-iskola fil-Brażil li l-età tagħhom hi minn 10 snin sa 13-il sena huma involuti fl-ibbuljar—jew bħala vittmi jew bħala dawk li jibbuljaw.—O ESTADO DE SÃO PAULO, IL-BRAŻIL.
Pressjoni għolja, kolesterol għoli, ġebel fil-kliewi, u problemi fil-fwied issa qed jinstabu fi tfal taʼ taħt it-12-il sena. X’inhuma l-kaġuni prinċipali? Stil taʼ ħajja dejjem bilqiegħda, ħafna ikel mhux sustanzjuż, u piż żejjed.—ABC, SPANJA.
L-ispiża biex trabbi tifel li twieled fl-2008 sal-età taʼ 18-il sena f’familja taʼ dħul medju fl-Istati Uniti hi “madwar 153,440 ewro (202,280 ewro meta aġġustata minħabba l-inflazzjoni),” skont stima taʼ gvern.—DIPARTIMENT TAL-AGRIKULTURA TAL-ISTATI UNITI, L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA.
Insew Kif Jilagħbu
Skont stħarriġ li sar dan l-aħħar, wieħed minn kull ħames ġenituri fil-Britannja jsostni li nesa “kif jilgħab maʼ wliedu.” Terz minnhom jistqarru li l-logħob idejjaqhom, waqt li oħrajn la għandhom ħin u lanqas ideat. Rigward dan l-istħarriġ, il-Professoressa Tanya Byron, psikologa klinika, tgħid: “Hemm erbaʼ aspetti fundamentali biex il-ħin tal-logħob jirnexxi bejn il-ġenituri u t-tfal: l-edukazzjoni, l-ispirazzjoni, l-integrazzjoni, u l-komunikazzjoni.” Għalkemm 1 minn kull 3 ġenituri għażel li jilgħab logħob tal-kompjuter maʼ wliedu, il-maġġuranza l-kbira mit-tfal jippreferu li dan jilagħbuh waħedhom. Fost l-attivitajiet li l-biċċa l-kbira minn dawk li għandhom bejn 5 snin u 15-il sena jixtiequ jieħdu sehem mal-ġenituri tagħhom hemm il-logħob li jintlagħab barra mid-dar u dak li jintlagħab fuq il-mejda.
Stejjer taʼ Qabel l-Irqad
Servizz tal-Internet joffri li jgħin lil dawk il-missirijiet li għandhom wisq x’jagħmlu biex huma personalment jaqraw stejjer taʼ qabel l-irqad lil uliedhom. Il-missier jistaʼ juża dan l-apparat teknoloġiku sofistikat biex jirrekordja leħnu hu u jaqra storja taʼ qabel l-irqad, jistaʼ jżid il-mużika u l-effetti tas-sawnd u jibgħat fajl tal-awdjo permezz taʼ e-mail lit-tifel, tispjega gazzetta Awstraljana. (Daily Telegraph) Madankollu, esperti fir-relazzjonijiet huma xettiċi. “Il-qari taʼ storja lil tifel jinvolvi li tibni relazzjoni mat-tifel,” jgħid it-Tabib Richard Fletcher li jmexxi programm taʼ riċerka dwar il-familji fl-Università taʼ Newcastle, l-Awstralja. Jinvolvi li l-missirijiet jikkomunikaw maʼ wliedhom, iħaddnuhom, u jidħqu magħhom. Ebda e-mail ma tistaʼ tirriplejsja l-benefiċċji taʼ li toqgħod bilqiegħda fiżikament u taqra xi storja lit-tifel tiegħek, jgħid Fletcher.