Dak li Jgħidu l-Ġenituri
Is-snin tal-adoloxxenza jġibu magħhom sfidi ġodda għal ħafna ġenituri. Int kif tistaʼ tgħin lil uliedek jirnexxu f’din il-fażi taʼ ħajjithom—li tistaʼ tħawwad lilhom daqskemm tħawwad lilek? Innota x’qalu xi ġenituri minn madwar id-dinja.
IL-BIDLIET
“Meta kien iżgħar, ibni kien jaċċetta l-pariri tiegħi mingħajr ma jiddubitahom. Imma matul is-snin tal-adoloxxenza, donnu ma baqax jafda fl-awtorità tiegħi. La kien jaqbel maʼ dak li kont ngħid u lanqas mal-mod taʼ kif kont ngħidu.”—Frank, il-Kanada.
“Ibni m’għadux jitkellem daqskemm kien. Ikolli nistaqsih x’għandu f’moħħu minflok ma nistennieh jgħidli. Mhuwiex faċli li nieħu tweġiba mingħandu. Eventwalment iwiġibni—imma mhux mill-ewwel.”—Francis, l-Awstralja.
“Il-paċenzja hi importanti ħafna. Xi kultant ikollna aptit inkellmu lit-tfal tagħna bir-rabja, imma li nikkalmaw u li jkollna konversazzjoni magħhom hu dejjem soluzzjoni aħjar!”—Felicia, l-Istati Uniti.
IL-KOMUNIKAZZJONI
“Kultant binti, li hi adoloxxenti, tibda tiġġustifika ruħha, u xi kultant taħseb li qed naqbad magħha. Ikolli nfakkarha li nħobbha, li qed niġbdu ħabel wieħed, u li rridha tirnexxi!”—Lisa, l-Istati Uniti.
“Meta kienu iżgħar, uliedi kienu jiftħu qalbhom miegħi faċilment. Kien faċli biex inkun naf x’għandhom f’moħħhom. Issa rrid nipprova nifhimhom u nuri li nirrispettahom bħala individwi. Dan hu l-uniku mod kif jiftħu qalbhom miegħi.”—Nan-hi, il-Korea.
“Mhuwiex biżżejjed li ma nħallux lill-adoloxxenti jagħmlu ċerti affarijiet. Għandna nirraġunaw magħhom u jkollna konversazzjonijiet siewja li jmissulhom qalbhom. Jekk irridu ninkuraġġuhom jgħidu dak li jaħsbu verament, neħtieġu li nkunu lesti nisimgħu dak li għandhom x’jgħidu, anki jekk dan jinkludi affarijiet li nippreferu ma nisimgħuhomx.”—Dalila, il-Brażil.
“Jekk ikun hemm bżonn li nikkoreġi lil binti, nipprova nagħmel dan fil-privat minflok quddiem xi ħadd ieħor.”—Edna, in-Niġerja.
“Kultant meta nkun qed nitkellem maʼ ibni, niġi aljenata minn attivitajiet oħrajn fid-dar u ma nagħtihx l-attenzjoni sħiħa tiegħi. Hu jinduna b’dan, u naħseb li din hi waħda mir-raġunijiet għala ma tantx ikellimni. Għandi bżonn nipprova nagħtih iktar attenzjoni meta nitkellmu sabiex ikompli jesprimi ruħu.”—Miriam, il-Messiku.
L-INDIPENDENZA
“Jien dejjem kont nibżaʼ nagħtihom l-indipendenza lill-adoloxxenti tiegħi, u żgur li dan wassal għal ħafna konflitti. Iddiskutejt il-kwistjoni magħhom bil-miftuħ. Spjegajt għala kont inħossni beżgħan, u wara huma spjegawli għala xtaqu iktar libertà. Irnexxielna naslu għal qbil li bih huma setaʼ jkollhom iktar libertà fil-limiti raġunevoli li kont għamilt jien.”—Edwin, il-Gana.
“Ibni ried jixtri mutur. Tant kont kontra din l-idea li spiċċajt inċanfru u nurih l-aspetti negattivi kollha taʼ li jixtri wieħed, mingħajr ma tajtu l-opportunità jispjega ruħu. Dan irrabjah u għamlu iktar determinat li jixtri wieħed! Iddeċidejt li nipprova nirraġuna miegħu b’mod differenti. Inkuraġġejt lil ibni biex jagħmel riċerka fuqu minn kull angolu, inkluż il-perikli, l-ispejjeż, u x’hemm bżonn biex tikseb u żżomm liċenzja. Għedtlu wkoll biex jieħu pariri mingħand Kristjani maturi fil-kongregazzjoni. Bdejt nirrealizza li minflok ma nkun iebsa miegħu, kien ikun aħjar li ninkuraġġixxi lil ibni jgħid dak li jħoss dwar ix-xewqat tiegħu. B’dan il-mod stajt nilħaqlu qalbu.”—Hye-young, il-Korea.
“Għamilna limiti, imma tajna wkoll libertajiet bil-mod il-mod. Iktar ma t-tfal tagħna użaw bil-għaqal dawn il-libertajiet, iktar kienu jirċievu. Konna nagħtuhom opportunitajiet biex jiksbu l-libertà, u wrejniehom li kienet ix-xewqa tagħna għalihom li jiksbuha; imma ma konniex inżommu lura l-konsegwenzi jekk kienu jabbużaw mill-fiduċja tagħna.”—Dorothée, Franza.
“Qatt ma baxxejt il-livelli tiegħi. Imma meta wliedi kienu jobdu, kont lesta li nċedi ftit. Pereżempju, kultant kont nagħtihom permess jibqgħu barra iktar mis-soltu. Imma jekk kienu jdumu barra mingħajr permess iktar minn darba, kien ikun hemm il-konsegwenzi.”—Il-hyun, il-Korea.
“Iktar ma impjegat ikun ubbidjenti u responsabbli, iktar se jkun stmat mill-imgħallem tiegħu. Bl-istess mod, ibni jistaʼ jara li iktar ma jkun ubbidjenti u responsabbli fil-limiti li tajnieh aħna, bil-mod il-mod se jikseb iktar indipendenza. Ibni jaf li sewwasew bħalma impjegat jiġi kastigat jekk ma jwettaqx ir-responsabbiltajiet tiegħu, hu jistaʼ jitlef l-indipendenza li jkun kiseb jekk ma jużahiex b’mod responsabbli.”—Ramón, il-Messiku.
[Kumment f’paġna 22]
“Għallem lit-tfal kif għandhom jgħixu, u jiftakruh tul ħajjithom kollha.”—Proverbji 22:6, Good News Translation
[Kaxxa/Stampi f’paġna 23]
NILTAQGĦU MAʼ FAMILJA
“Hi Esperjenza Meraviljuża li Tkun Ġenitur tal-Adoloxxenti”
Joseph: It-tfal il-kbar bniet tiegħi huma adoloxxenti, u nħoss li hu importanti li nismaʼ u nirrikonoxxi l-opinjonijiet tagħhom. Il-fatt li nkun onest dwar in-nuqqasijiet tiegħi stess—u li nuri rispett meta nitkellem mal-bniet tiegħi—jgħin biex ikun hemm komunikazzjoni tajba. Fuq kollox, inħoss li hi esperjenza meraviljuża li tkun ġenitur tal-adoloxxenti, grazzi għall-gwida li ningħataw mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Lisa: Innotajt li meta t-tifla l-kbira tagħna saret adoloxxenti, kellha bżonn saħansitra iktar l-attenzjoni tiegħi. Niftakar li qattajt ħafna ħin nismagħha, inkellimha, u nassiguraha. Jien u żewġi għamilna ċert li l-bniet tagħna jafu li jistgħu jiftħu qalbhom magħna u li se nirrispettaw is-sentimenti tagħhom. Nipprova napplika l-parir għaqli li hemm f’Ġakbu
1:19, li jgħidilna biex inkunu ‘ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu.’
Victoria: Ommi hi l-aqwa ħabiba tiegħi. Qatt ma ltqajt maʼ xi ħadd ġentili u qalbu tajba daqsha—u hi hekk maʼ kulħadd. Ma nistax naħseb f’kelma aħjar minn “ġenwina” biex niddeskriviha. Ħadd qatt ma jistaʼ jiħdilha postha.
Olivia: Missieri hu qalbu tajba u ġeneruż. Hu lest li jgħin lil oħrajn materjalment anki meta aħna bħala familja ma tantx ikollna x’nagħtu. Jaf kif ikun serju, imma wkoll jaf verament kif jieħu pjaċir. Hu missier speċjali, u jien ferħana li hu tiegħi!
“M’Għandniex Ħin Biex Niddejqu!”
Sonny: Jekk il-bniet ikollhom problema, noqogħdu bilqiegħda bħala familja u niddiskutuha. Aħna dejjem inkunu onesti dwar kif inħossuna, u nibbażaw id-deċiżjonijiet tagħna fuq il-prinċipji tal-Bibbja. Jien u Ynez nipprovaw nagħmlu ċert li l-bniet ikollhom sħubija tajba u matura spiritwalment. Il-ħbieb tagħna huma l-ħbieb tagħhom, u l-ħbieb tagħhom huma tagħna.
Ynez: Aħna nibqgħu attivi, u nagħmlu affarijiet flimkien bħala familja. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna beżlin fil-ministeru, fl-istudju tal-Bibbja persunali u tal-familja, u fix-xogħol volontarju—inkluż li nagħtu għajnuna meta jkun hemm diżastru u fil-kostruzzjoni taʼ Swali tas-Saltna. Nibbilanċjaw dan kollu b’rikreazzjoni tajba. M’għandniex ħin biex niddejqu!
Kellsie: Missieri hu semmiegħ tajjeb u dejjem jiddiskuti mal-familja kollha qabel ma jieħu deċiżjoni importanti. Ommi dejjem tkun hemm għalija meta jkolli bżonn l-għajnuna—jew sempliċement biex nitkellem.
Samantha: Ommi ġġegħelni nħossni speċjali, maħbuba, u importanti ħafna—anki meta hi lanqas tinduna b’dan. Hi tismagħni. Jimpurtaha minni. Il-ħbiberija tagħna ma nbiddilha maʼ xejn.
[Stampi]
Il-familja Camera: Joseph, Lisa, Victoria, Olivia, u Isabella
Il-familja Zapata: Kellsie, Ynez, Sonny, u Samantha
[Stampa f’paġna 22]
Il-ġenituri jistgħu jagħtu ċerta indipendenza, imma jistabbilixxu wkoll limiti raġunevoli