It-Trobbija tat-Tfal Bejn l-Infanzja u l-Adoloxxenza
“Sakemm uliedek ikollhom ħames snin, huma jkunu fis-sigurtà fl-ambjent tal-familja u jkun iktar faċli li tnaqqax fihom kwalitajiet tajbin. Imma ladarba jibdew imorru l-iskola, ikunu esposti għal modi differenti taʼ kif jagħmlu l-affarijiet u modi differenti taʼ kif jitkellmu.”—Valter, l-Italja.
HEKK kif it-tfal jikbru, huma jiskopru l-limiti tad-dinja tagħhom li dejjem qed tikber. Jagħmluha maʼ iktar nies—tfal li jilagħbu magħhom, sħabhom tal-iskola, u qrabathom. Kif jinnota Valter, ikkwotat hawn fuq, m’għadekx l-uniku wieħed li tinfluwenza l-ħajja tat-tifel tiegħek, kif kont meta kien tarbija. Għalhekk, hu essenzjali li tuża dawn is-snin biex tgħallem lit-tifel tiegħek il-valur tal-ubbidjenza u tal-manjieri tajbin. Huwa importanti wkoll li tagħtih direzzjoni rigward x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
L-abbiltajiet li għadna kif iddiskutejna ma jiġux malajr malajr u awtomatikament. X’aktarx li jkollok bżonn ‘twiddeb, iċċanfar, tħeġġeġ, bil-paċenzja kollha u bl-arti tat-tagħlim.’ (2 Timotju 4:2) Il-ġenituri Iżraelin ngħataw dan il-kmand rigward il-liġijiet t’Alla: ‘Daħħalhom sew f’qalb ibnek u tkellem dwarhom meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum.’ (Dewteronomju 6:6, 7) Kif tindika din l-iskrittura, l-istruzzjoni kontinwa tiegħek hi vitali.
Ir-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal tinkludi għadd taʼ sfidi. Ejja nikkunsidraw ftit minnhom biss.
Żmien li Tagħti Widen
Il-Bibbja tgħid li waqt li hemm “żmien li titkellem,” hemm ukoll żmien li tagħti widen. (Ekkleżjasti 3:7) Kif tistaʼ tgħallem lil ibnek biex joqgħod attent meta jitkellem ħaddieħor—inkluż int stess? Mod wieħed hu billi tħalli l-eżempju. Tagħti widen int bl-attenzjoni lil ħaddieħor, inkluż lil uliedek?
It-tfal jistgħu jaljenaw ruħhom faċilment, u bla dubju l-paċenzja tiegħek se tiġi testjata hekk kif tipprova tikkomunika magħhom. Kull wild hu differenti, u għalhekk osserva u ddetermina liema metodi taʼ komunikazzjoni jirnexxu l-iktar mat-tifel tiegħek. Pereżempju, David, missier fil-Britannja, jgħid: “Lit-tifla tagħna nqabbadha tgħidli fi kliemha stess dak li nkun għadni kif għedt. B’riżultat taʼ dan, hi qed tagħti iktar widen hekk kif tikber.”
Meta kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu, Ġesù qalilhom: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu.” (Luqa 8:18) Jekk l-adulti għandhom bżonn jagħmlu dan, kemm iktar għandhom jagħmluh it-tfal!
“Aħfru lil Xulxin mill-Qalb”
Il-Bibbja tistqarr: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd Kolossin 3:13) It-tfal jistgħu jiġu mħarrġin jiżviluppaw l-abbiltà li jaħfru. Kif?
għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.” (Bħalma ddiskutejna qabel rigward l-arti taʼ li tagħti widen, int għandek bżonn tagħti l-eżempju. Ħalli lil uliedek jaraw li int lest li taħfer lil ħaddieħor. Marina, omm fir-Russja, tistinka biex tagħmel dan. “Nipprovaw nagħtu eżempju tajjeb lil uliedna billi naħfru lil ħaddieħor, inċedu, u ma niħdux għalina,” tgħid hi, u żżid: “Meta niżbalja, niskuża ruħi maʼ wliedi. Irridhom jitgħallmu jagħmlu l-istess maʼ ħaddieħor.”
L-abbiltà li jirranġaw id-differenzi u li jaħfru se tkun neċessarja meta jsiru adulti. Ħarreġ lil uliedek issa biex ikunu qalbhom tajba m’oħrajn u biex jaċċettaw ir-responsabbiltà għall-iżbalji tagħhom stess. Billi tagħmel dan, se tkun qed tagħtihom għotja taʼ valur li se tkun utli ferm hekk kif jikbru.
“Uru li Intom Grati”
F’dawn iż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” ħafna nies “iħobbu lilhom infushom.” (2 Timotju 3:1, 2) Issa, waqt li wliedek għadhom żgħar, hu ż-żmien li tnaqqax fihom spirtu taʼ gratitudni. “Uru li intom grati,” kiteb l-appostlu Pawlu.—Kolossin 3:15.
Saħansitra meta jkunu għadhom żgħar, it-tfal jistgħu jitgħallmu juru manjieri tajbin u jaħsbu f’ħaddieħor. Kif? It-tabib Kyle Pruett jgħid lil rivista Amerikana (Parents) li l-aħjar mod kif tistaʼ tgħallem lil uliedek biex ikunu grati hu li int stess tkun dejjem grat għall-membri l-oħrajn tal-familja. Hu jżid: “Dan ifisser li regolarment tgħid kemm tapprezza l-għajnuna li tingħata jew atti oħrajn taʼ qalb tajba . . . Dan jirrikjedi ħafna prattika.”
Richard, missier fil-Britannja, jistinka biex jagħmel dan: “Jien u marti nuru kif għandna nirringrazzjaw lil dawk li juru qalb tajba magħna, bħall-għalliema tal-iskola jew in-nanniet,” jgħid hu. “Kull meta mmorru għand familja li tistidinna għall-ikel niktbu kartolina biex nirringrazzjawhom, u wliedna kollha jiffirmawha jew ipinġu xi stampa fuqha.” Billi turi l-ħlewwa u l-gratitudni, tistaʼ tgħin lil ibnek jiżviluppa relazzjonijiet dejjiema u mill-qrib iktar tard fil-ħajja.
“Iżżommx Lura d-Dixxiplina”
Hekk kif uliedek jikbru, ikun essenzjali li jitgħallmu li kulma jagħmlu jkollu l-konsegwenzi. Saħansitra meta jkunu żgħar, it-tfal iridu jagħtu kont lil dawk taʼ fuqhom, mhux biss fid-dar imma wkoll fl-iskola u fil-komunità. Int tistaʼ tgħin lil uliedek jitgħallmu l-prinċipju: taħsad dak li tiżraʼ. (Galatin 6:7) Kif?
Il-Bibbja tgħid: “Iżżommx lura d-dixxiplina.” (Proverbji 23:13) Jekk għamiltha ċara li ċertu aġir żbaljat se jġib miegħu konsegwenza partikulari, tibżax tagħmel dak li għedt u ddixxiplina lil ibnek. “Il-konsistenza hi vitali,” tgħid Norma, omm fl-Arġentina. “L-inkonsistenza tinkuraġġixxi lil tifel jimmanipula s-sitwazzjonijiet ħalli jagħmel dak li jrid.”
Il-ġenituri jistgħu jagħmlu ħafna biex jevitaw argumenti li ma jispiċċaw qatt wara li t-tifel ma jobdix billi jkunu ċerti li wliedhom jifhmu x’inhuma l-konsegwenzi tad-diżubbidjenza minn qabel. It-tfal x’aktarx li mhux se jibqgħu jwebbsu rashom jekk ikunu jafu r-regoli u x’se jiġrilhom jekk jiksruhom u jekk tagħtihom għal xiex jemmnu li l-konsegwenzi ma jistgħux jitbiddlu.
Efesin 4:31) Id-dixxiplina qatt m’għandha tkun brutali u qatt m’għandha tkun abbużiva—la fiżikament u lanqas emozzjonalment.
Naturalment, biex id-dixxiplina tkun effettiva m’għandhiex tingħata bir-rabja. Il-Bibbja tistqarr: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen.” (Imma kif tistaʼ tikkontrolla t-tempra tiegħek meta ibnek ikun kważi telliflek il-paċenzja kollha? “Mhux dejjem faċli,” jammetti Peter, missier fin-New Zealand, “imma t-tfal għandhom bżonn jitgħallmu li d-dixxiplina hi l-konsegwenza taʼ dak li jagħmlu u mhux għax il-ġenitur naqas li jikkontrolla lilu nnifsu.”
Peter u martu jipprovaw jgħinu lil uliedhom jaraw il-benefiċċju fit-tul tal-korrezzjoni. “Anki jekk it-tfal jagħmlu xi ħaġa li ddejjaqna ħafna,” jgħid hu, “aħna nkellmuhom dwar x’tip taʼ persuni għandhom ikunu u mhux dwar il-persuna li kienu meta m’obdewx.”
“Ħa Jkun Jaf Kulħadd Kemm Intom Raġunevoli”
Rigward il-korrezzjoni li kien se jagħti lill-poplu tiegħu, Alla qal: “Se jkolli nikkastigak kemm jistħoqqlok.” (Ġeremija 46:28) Int se jkollok l-aħjar riżultati jekk tagħti korrezzjoni li hi ġusta u xierqa għall-ħażen li sar. “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli,” kiteb Pawlu lill-Kristjani.—Filippin 4:5.
Parti milli tkun raġunevoli tinvolvi li tagħti korrezzjoni b’tali mod li wliedek iżommu d-dinjità tagħhom. Santi, missier fl-Italja, jgħid: “Jien qatt ma nċekken lil uliedi. Minflok, nipprova nidentifika l-għerq tal-problema u ngħinhom jikkoreġuh. Ma niddixxiplinax lil uliedi quddiem ħaddieħor, lanqas saħansitra quddiem xulxin, jekk ikun possibbli. U ma noqgħodx inwaqqagħhom għaċ-ċajt minħabba n-nuqqasijiet tagħhom fil-pubbliku jew fil-privat.”
Richard, li ssemma qabel, ukoll jara l-għerf taʼ li wieħed ikun raġunevoli. “Il-kastig qatt m’għandu jinġemaʼ, billi kull għemil ħażin ġdid jiżdied mal-kastig,” jgħid hu. “Wara li tkun tajt id-dixxiplina, huwa importanti li ma tibqax sejjer biha u tfakkar lil ibnek dwar il-ħtijiet tiegħu.”
It-trobbija tat-tfal hi xogħol iebes li jinvolvi li tagħmel sagrifiċċji persunali, u madankollu jġib premjijiet kbar. Dan hu dak li sabet Yelena, omm fir-Russja. Hi tgħid: “Għażilt xogħol part-time sabiex inkun nistaʼ nqattaʼ iktar ħin maʼ ibni. Dan jirrikjedi sforz u jirriżulta f’telf finanzjarju, imma ma jiddispjaċinix mis-sagrifiċċju meta nara kemm iġiblu ferħ lil ibni u kif iressaqna qrib xulxin.”
[Stampa f’paġna 11]
It-tfal jistgħu jitgħallmu jaħsbu f’ħaddieħor
[Stampa f’paġna 12]
Ikkoreġi lit-tfal b’tali mod li jżommu d-dinjità tagħhom