Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Adoloxxenza Preparazzjoni Biex Isiru Adulti

L-Adoloxxenza Preparazzjoni Biex Isiru Adulti

IMMAĠINA li għadek kif ivvjaġġajt minn gżira tropikali għaċ-​Ċirku Artiku. Kif toħroġ mill-​ajruplan tirrealizza li qiegħed fi klima inġazzata. Tistaʼ tadatta ruħek? Iva, imma se jkollok bżonn tagħmel xi ftit aġġustamenti.

Meta wliedek isiru adoloxxenti tħabbat wiċċek maʼ sitwazzjoni simili. Qisu mil-​lejl għan-​nhar, il-​klima tinbidel. It-​tifel li darba ma kienx jitlaq minn ħdejk issa jippreferi l-​kumpanija taʼ dawk tamparu. It-​tifla li kien ikollha sebaʼ mitt sena biex tgħidlek dwar il-​ġurnata tagħha issa taqtagħlek fil-​qasir.

“Kif mort l-​iskola?” tistaqsi int.

“Tajjeb,” twieġeb hi.

Silenzju.

“X’qed taħseb?” tistaqsiha.

“Xejn,” twieġeb hi.

Iktar silenzju.

X’ġara? Sa ftit ilu, it-​tifel tiegħek kien lest li jgħidlek kważi kollox, imma issa donnu ma tantx hu lest jiftaħ qalbu miegħek, u xi kultant saħansitra jgħid lil oħrajn dak li mhux lest jgħid lilek. Għandek mnejn tħoss li tistaʼ biss tara lill-​adoloxxent tiegħek jikber u li ma tistax tgħinu.

Huwa impossibbli li tibqaʼ qrib uliedek matul l-​adoloxxenza? Le, lanqas xejn. Int tistaʼ tibqaʼ qrib uliedek hekk kif jgħaddu s-​snin tal-​adoloxxenza. Imma, l-​ewwel, għandek bżonn tifhem x’inhu għaddej matul din il-​fażi tal-​iżvilupp li hi interessanti imma kultant taʼ taħwid.

Minn Tifel Għal Adult

Xi riċerkaturi darba ħasbu li moħħ taʼ tifel kien ikun kważi żviluppat għalkollox sa kemm ikollu ħames snin. Issa jemmnu li filwaqt li d-​daqs tal-​moħħ bilkemm jinbidel wara dik l-​età, ma jistax jingħad l-​istess dwar il-​mod kif jaħdem. Meta jidħlu fil-​pubertà, l-​adoloxxenti jibdew rivoluzzjoni tal-​ormoni li tbiddel il-​mod kif jaħsbu. Pereżempju, waqt li t-​tfal żgħar normalment jaraw l-​affarijiet b’termini attwali, iswed u abjad, l-​adoloxxenti għandhom it-​tendenza li jaħsbu b’mod astratt, billi jikkunsidraw il-​kwistjonijiet bażiċi taʼ kwistjoni. (1 Korintin 13:11) Huma jiżviluppaw konvinzjonijiet, u ma jistħux jesprimuhom.

Paolo, mill-​Italja, innota din il-​bidla fl-​adoloxxent tiegħu. “Meta nħares lejn ibni li hu adoloxxent,” jgħid hu, “inħoss qisu għandi raġel żgħir quddiemi; m’għadux iktar tifel. Ma nbidilx biss fiżikament. L-​aktar li jgħaġġibni hu l-​mod kif jaħseb. Ma jibżax jesprimi l-​opinjonijiet tiegħu u jiddefendihom!”

Osservajt xi ħaġa simili fl-​adoloxxent tiegħek? Forsi meta kien tifel, kien sempliċement jobdi. “Għax hekk għedtlek,” kienet l-​ispjegazzjoni kollha li kellu bżonn. Issa, bħala adoloxxent, irid raġunijiet, u forsi saħansitra jiddubita mill-​valuri li tgħix bihom il-​familja. Kultant meta jħaqqaqha jidher qisu qed jirribella.

Imma tikkonkludix li l-​adoloxxent tiegħek se jaqleb il-​valuri tiegħek taʼ taħt fuq. Għandu mnejn qiegħed sempliċement jitqabad biex il-​valuri tiegħek jagħmilhom tiegħu, biex isibilhom post fil-​ħajja tiegħu. Biex nagħtu eżempju, immaġina li se tmur toqgħod f’dar oħra u li se tieħu l-​għamara tiegħek miegħek. Se jkun faċli biex issib post għal kull biċċa għamara fid-​dar il-​ġdida? X’aktarx li le. Imma ħaġa waħda hi ċerta, m’intix se tarmi xi ħaġa li tqisha prezzjuża.

L-​adoloxxent tiegħek jiffaċċja sitwazzjoni simili hekk kif jipprepara għaż-​żmien meta hu se “jħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) Veru, forsi għad fadal ħafna għal dak il-​jum; l-​adoloxxent tiegħek għadu lanqas hu adult. Iżda, f’ċertu sens, hu diġà qed jippakkja. Matul is-​snin tal-​adoloxxenza, hu qed jeżamina l-​valuri li trabba bihom, u qed jiddeċiedi liema minnhom se jieħu miegħu meta jkun adult. a

L-​idea li ibnek jieħu dawn id-​deċiżjonijiet għandha mnejn tbeżżgħek. Però, tistaʼ tkun ċert li meta jsir adult se jżomm biss il-​valuri li hu jqishom bħala prezzjużi. Għalhekk, issa—waqt li l-​adoloxxent tiegħek għadu d-​dar—hu ż-​żmien li fih hu jeżamina bir-​reqqa l-​prinċipji li se jgħix bihom.—Atti 17:11.

Fil-​fatt, hu taʼ benefiċċju li l-​adoloxxent tiegħek jagħmel dan. Wara kollox, jekk issa jaċċetta l-​livelli tiegħek bla ma jiddubita, għandu mnejn iktar tard jaċċetta l-​livelli t’oħrajn bl-​istess mod. (Eżodu 23:2) Il-​Bibbja tiddeskrivi lil żagħżugħ bħal dan bħala li jiġi mqarraq faċilment għax għandu “qalb belha”—frażi li fost affarijiet oħrajn tfisser nuqqas taʼ dixxerniment. (Proverbji 7:7) Żagħżugħ mingħajr konvinzjonijiet jistaʼ jiġi ‘mitfugħ ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajjar minn kull riħ taʼ tagħlim bl-​ingann tan-​nies.’—Efesin 4:14.

Kif tistaʼ ma tħallix li jiġri dan lil ibnek? Agħmel ċert li hu għandu dawn it-​tliet affarijiet:

1 L-​ABBILTÀ LI JAGĦŻEL

L-​appostlu Pawlu kiteb li “nies maturi . . . għandhom is-​sensi tagħhom [l-​abbiltà li jagħżlu] imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:14) Int forsi tgħid, ‘Imma jien għallimt lil ibni dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin snin ilu.’ U, bla dubju, dak it-​taħriġ kien taʼ benefiċċju għalih dak iż-​żmien u ppreparah għal din il-​fażi taʼ żvilupp li jmiss. (2 Timotju 3:14) Xorta waħda, Pawlu qal li n-​nies għandhom bżonn iħarrġu s-​sensi tagħhom. Waqt li t-​tfal żgħar jistgħu jiksbu għarfien taʼ dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, l-​adoloxxenti għandhom bżonn ‘jikbru għalkollox fil-​mentalità tagħhom.’ (1 Korintin 14:20; Proverbji 1:4; 2:11) Int ma tridx li l-​adoloxxent tiegħek jobdik b’għajnejh magħluqa, imma li juża l-​qawwa tar-​raġuni. (Rumani 12:1, 2) Kif tistaʼ tgħinu jagħmel dan?

Mod wieħed hu billi tħallih jesprimi lilu nnifsu. Twaqqfux f’nofs kliem, u agħmel l-​aħjar li tistaʼ biex ma tagħmilhomx bi kbar—anki jekk jgħid xi ħaġa li ma tridx tismagħha. Il-​Bibbja tgħid: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19; Proverbji 18:13) Iktar minn hekk, Ġesù qal: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mattew 12:34) Jekk tagħti widen, se ssir taf x’qed jikkonċerna lill-​adoloxxent tiegħek verament.

Meta titkellem, ipprova uża mistoqsijiet minflok ma tagħmel stqarrijiet diretti. Ġesù kultant staqsa, “X’taħsbu intom?” biex jesprimu ruħhom mhux biss id-​dixxipli tiegħu imma wkoll dawk li kienu stinati. (Mattew 21:23, 28) Int tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili mal-​adoloxxent tiegħek, anki meta jesprimi opinjoni li hi kuntrarja għal tiegħek. Pereżempju:

Jekk l-​adoloxxent tiegħek jgħid: “Ma nafx jekk nemminx f’Alla.”

Minflok ma twieġeb: “Għallimniek aħjar minn hekk—u żgur li temmen f’Alla!”

Tistaʼ tgħid: “Xi jġiegħlek tħossok hekk?”

Għala għandek tħeġġeġ lill-​adoloxxent tiegħek jesprimi ruħu? Għax għalkemm diġà qed tismaʼ dak li qed jgħid, hemm bżonn li ssir taf x’inhu jaħseb. (Proverbji 20:5) Il-​kwistjoni forsi iktar għandha x’taqsam mal-​livelli t’Alla milli mal-​eżistenza t’Alla.

Pereżempju, żagħżugħ li jħossu taħt pressjoni biex ma jobdix il-​liġijiet morali t’Alla għandu mnejn jipprova jagħmel dan aċċettabbli billi jiddeċiedi li ma jemminx f’Alla. (Salm 14:1) Hu jistaʼ jirraġuna, ‘Jekk Alla ma jeżistix, allura m’għandix għalfejn ngħix fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja.’

Jekk l-​adoloxxent tiegħek jidher li qed jaħseb b’dan il-​mod, forsi għandu bżonn jirraġuna fuq din il-​mistoqsija, Nemmen jien verament li l-​livelli t’Alla huma għall-​ġid tiegħi? (Isaija 48:17, 18) Jekk jemmen li huma għall-​ġid tiegħu, għinu jara li jekk jagħmel sforz biex iżomm maʼ dawn il-​livelli, hu se jibbenefika.—Galatin 5:1.

Jekk l-​adoloxxent tiegħek jgħid: “Din forsi r-​reliġjon tiegħek, imma ma jfissirx li hi tiegħi.”

Minflok ma twieġeb: “Hi r-​reliġjon tagħna, int it-​tifel tagħna, u int se temmen dak li ngħidulek aħna.”

Tistaʼ tgħid: “Din stqarrija qawwija. Però, jekk tiċħad it-​twemmin tiegħi, irid ikollok xi ħaġa oħra minfloku. Allura, x’inhu t-​twemmin tiegħek? Int b’liema livell taʼ mġiba taħseb li għandek tgħix?”

Għala għandek tħeġġeġ lill-​adoloxxent tiegħek jesprimi ruħu? Għax jekk tirraġuna miegħu b’dan il-​mod tistaʼ tgħinu jeżamina l-​ħsib tiegħu. Għandu mnejn jissorprendi ruħu li jsir jaf li t-​twemmin tiegħu hu l-​istess bħal tiegħek, imma dak li qed jikkonċernah, fil-​fatt, hu xi ħaġa totalment differenti.

Pereżempju, forsi l-​adoloxxent tiegħek ma jafx kif jispjega t-​twemmin tiegħu lil oħrajn. (Kolossin 4:6; 1 Pietru 3:15) Jew għandu mnejn qed jinġibed lejn persuna tas-​sess oppost li m’għandhiex ir-​reliġjon tiegħu. Sir af l-​għerq tal-​problema, u għin lill-​adoloxxent tiegħek jagħmel l-​istess. Iktar ma juża l-​abbiltà tiegħu li jagħżel, iktar se jkun preparat għal meta jsir adult.

2 IL-​GWIDA TAʼ ADULT

Illum, f’xi kulturi, ftit hemm evidenza, jekk hemm, tat-​“taqlib u l-​istress” li xi psikoloġi jsostnu li huma mistennijin matul is-​snin tal-​adoloxxenza. Xi riċerkaturi sabu li f’dawn is-​soċjetajiet, iż-​żgħażagħ jintegraw fil-​ħajja adulta t’età żgħira. Huma jaħdmu mal-​adulti, jissieħbu mal-​adulti, u jiġu fdati b’responsabbiltajiet tal-​adulti. Termini bħal “kultura taż-​żgħażagħ,” “delinkwenza taż-​żgħażagħ,” u saħansitra “adoloxxenza” ma jeżistux.

B’kuntrast, ikkunsidra l-​esperjenza taʼ żgħażagħ f’ħafna pajjiżi li jkollhom imorru fi skejjel iffollati żżejjed fejn l-​unika sħubija siewja li għandhom hi maʼ żgħażagħ oħrajn. Meta jmorru d-​dar, id-​dar tkun vojta. Il-​ġenituri tagħhom it-​tnejn jaħdmu. Il-​qraba jgħixu ’l bogħod ħafna. In-​nies li l-​aktar jassoċjaw magħhom huma dawk tamparhom. b Qed tarah il-​periklu? Mhijiex biss kwistjoni li jkunu mal-​grupp żbaljat. Xi riċerkaturi sabu li saħansitra żgħażagħ eżemplari għandhom it-​tendenza li jċedu għal imġiba irresponsabbli jekk jiġu iżolati mid-​dinja tal-​adulti.

Iżrael tal-​qedem kien soċjetà waħda li ma kinitx tiżola liż-​żgħażagħ mill-​adulti. c Pereżempju, il-​Bibbja titkellem dwar Użżija, li sar sultan taʼ Ġuda meta kien għadu adoloxxent. X’għen lil Użżija jieħu ħsieb din ir-​responsabbiltà kbira? Evidentement, sa ċertu punt, kienet l-​influwenza taʼ adult jismu Żakkarija, li l-​Bibbja tiddeskrivih bħala wieħed “li kien jgħallmu jibżaʼ mill-​Alla l-​veru.”—2 Kronaki 26:5.

Għandu l-​adoloxxent tiegħek ħabib jew ħbieb adulti taʼ fiduċja li għandhom l-​istess valuri tiegħek? Tgħirx għal ħbiberiji li l-​adoloxxent tiegħek għandu maʼ nies bħal dawn. Huma jistgħu jgħinuh jagħmel dak li hu tajjeb. Proverbju Bibliku jgħid: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref.”—Proverbji 13:20.

3 IS-​SENS TAʼ RESPONSABBILTÀ

F’xi pajjiżi, il-​liġi tipprojbixxi liż-​żgħażagħ milli jiġu impjegati għal iktar minn ċertu ammont taʼ sigħat fil-​ġimgħa jew milli jagħmlu ċerti tipi taʼ xogħol. Dawn ir-​restrizzjonijiet saru biex jipproteġu lit-​tfal minn kundizzjonijiet perikolużi taʼ xogħol—minħabba r-​rivoluzzjoni industrijali tat-​18 u d-​19-​il seklu.

Filwaqt li l-​liġijiet dwar ix-​xogħol mill-​minorenni jipproteġu liż-​żgħażagħ mill-​periklu u l-​abbuż, xi esperti jsostnu li dawn ir-​restrizzjonijiet jipproteġuhom ukoll mir-​responsabbiltà. Minħabba f’hekk, ktieb dwar l-​adoloxxenti jgħid li ħafna adoloxxenti jaħsbu li għandhom dritt, “li kważi jistħoqqilhom li jkollhom l-​affarijiet li jaqilgħu mingħajr ma jkollhom għalfejn jissieltu biex jiksbuhom.” L-​awturi jinnotaw li din l-​attitudni “tidher li hi reazzjoni naturali għall-​fatt li qed jgħixu f’dinja li hi iktar disinjata biex tiddeverti lill-​adoloxxenti milli biex tistenna xi ħaġa mingħandhom.”—Escaping the Endless Adolescence.

B’kuntrast, il-​Bibbja titkellem dwar żgħażagħ li refgħu responsabbiltajiet kbar t’età żgħira. Ikkunsidra lil Timotju, li probabbilment kien għadu adoloxxent meta ltaqaʼ mal-​appostlu Pawlu—raġel li kellu influwenza qawwija fuqu. F’ċertu punt, Pawlu qal lil Timotju: ‘Kebbes bħan-​nar l-​għotja t’Alla li qiegħda fik.’ (2 Timotju 1:6) Meta forsi kellu madwar 20 sena, Timotju telaq mid-​dar u vvjaġġa mal-​appostlu Pawlu u għenu jistabbilixxi kongregazzjonijiet u jinkuraġġixxi lill-​aħwa. Wara madwar għaxar snin jaħdem maʼ Timotju, Pawlu setaʼ jgħid lill-​Kristjani f’Filippi: “M’għandi lil ħadd bl-​istess attitudni tiegħu li se jieħu ħsieb ġenwinament dak li għandu x’jaqsam magħkom.”—Filippin 2:20.

Spiss, l-​adoloxxenti jkollhom sebaʼ mitt sena biex jerfgħu xi responsabbiltà, speċjalment meta jindunaw li dan jinvolvi xogħol siewi li jagħmel differenza. Dan mhux biss iħarriġhom biex isiru adulti responsabbli fil-​futur, imma juri wkoll l-​aħjar kwalitajiet tagħhom issa.

Adatta Għal “Klima” Ġdida

Bħalma ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, jekk int ġenitur t’adoloxxent, probabbilment tħoss li qiegħed fi “klima” differenti minn dik li kont fiha ftit taʼ snin ilu biss. Serraħ moħħok li tistaʼ tadatta ruħek, sewwasew bħalma adattajt ruħek fil-​fażijiet l-​oħrajn tal-​iżvilupp taʼ ibnek.

Qis is-​snin tal-​adoloxxenza taʼ ibnek bħala opportunità biex (1) tgħinu jikkultiva l-​abbiltà li jagħżel, (2) tipprovdilu gwida taʼ adult, u (3) tnaqqax fih sens taʼ responsabbiltà. Billi tagħmel hekk, tkun qed tipprepara lill-​adoloxxent tiegħek biex isir adult.

[Noti taʼ taħt]

a Xogħol wieħed taʼ referenza b’mod xieraq jirreferi għall-​adoloxxenza bħala żmien meta l-​adoloxxenti jippreparaw biex jitilqu lill-​ġenituri. Għal iktar informazzjoni, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Lulju, 2009, paġni 18-​20, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

b Id-​divertiment disinjat għall-​adoloxxenti jieħu vantaġġ mill-​inklinazzjoni tagħhom biex ikunu maʼ dawk tamparhom, u jkompli jagħti l-​idea li ż-​żgħażagħ għandhom is-​sottokultura tagħhom stess li l-​adulti la jistgħu jifhmuha u lanqas jidħlu fiha.

c It-​terminu “adoloxxenti” ma jinsabx fil-​Bibbja. Milli jidher, iż-​żgħażagħ fost il-​poplu t’Alla kemm qabel il-​Kristjanità kif ukoll fi żminijiet tal-​Kristjanità kienu jintegraw fil-​ħajja tal-​adulti t’età iżgħar milli hi komuni llum f’ħafna kulturi.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 20]

“MA NISTAX NIMMAĠINA ĠENITURI AĦJAR”

Bil-​kliem u bl-​eżempju, ġenituri li huma Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu lil uliedhom jgħixu fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja. (Efesin 6:4) Madankollu, ma jisforzawhomx jagħmlu dan. Ġenituri li huma Xhieda jirrealizzaw li kull wild, meta jkun kbir biżżejjed biex jieħu d-​deċiżjonijiet tiegħu stess, għandu jiddeċiedi b’liema valuri se jgħix.

Aislyn, li għandha 18-​il sena, adottat il-​valuri li trabbiet bihom. Hi tgħid: “Għalija, ir-​reliġjon tiegħi mhijiex xi ħaġa li nagħmilha darba fil-​ġimgħa. Hija l-​mod taʼ ħajja tiegħi. Teffettwa kull ħaġa li nagħmel u kull deċiżjoni li nieħu—mill-​ħbieb li għandi sal-​lezzjonijiet li nieħu u l-​kotba li naqra.”

Aislyn tapprezza ħafna t-​trobbija li tawha l-​ġenituri Kristjani tagħha. “Ma nistax nimmaġina ġenituri aħjar,” tgħid hi, “u jien ixxurtjata li naqqxu fija xewqa biex inkun waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u biex nibqaʼ hekk. Il-​ġenituri tiegħi se jkunu sors taʼ gwida f’ħajti sakemm indum ħajja.”

[Stampa f’paġna 17]

Ħallu lill-​adoloxxenti tagħkom jitkellmu

[Stampa f’paġna 18]

Ħbieb adulti taʼ fiduċja jistaʼ jkollhom influwenza tajba fuq uliedkom

[Stampa f’paġna 19]

Xogħol siewi jistaʼ jgħin lill-​adoloxxenti jsiru adulti responsabbli