Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhi l-Mira tal-Ġenituri?

X’Inhi l-Mira tal-Ġenituri?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

LIEMA minn dawn li ġejjin tixtieq li jsir l-​adoloxxent tiegħek?

A. Eżatt bħalek.

B. Ribell li l-​mira tiegħu hi li jsir l-​oppost tiegħek.

Ċ. Adult responsabbli li jieħu deċiżjonijiet għaqlin.

Xi ġenituri li jagħżlu ċ-​Ċ għandhom mnejn jaġixxu bħallikieku jippreferu l-​Għażla A. Huma jipprovaw jisforzaw il-​valuri tagħhom fuq l-​adoloxxent tagħhom billi, pereżempju, jgħidulu x’karriera għandu jagħżel. Xi jkun ir-​riżultat? Malli jikseb ċertu ammont taʼ indipendenza, jitlaq jiġri fid-​direzzjoni l-​opposta. Ironikament, ħafna ġenituri li jiżirgħu l-​Għażla A jaħsdu l-​Għażla B.

Għala Kontroll Sħiħ Mhux Se Jirnexxi

Int trid li l-​adoloxxent tiegħek isir adult responsabbli li jieħu deċiżjonijiet għaqlin. Imma kif tistaʼ tilħaq dan l-​għan? Ħaġa waħda hi ċerta: Kontroll sħiħ mhuwiex is-​soluzzjoni. Ikkunsidra żewġ raġunijiet.

1. Il-​metodu taʼ kontroll sħiħ mhuwiex Skritturali. Alla Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin bil-​libertà tal-​għażla. Hu jħalli lin-​nies jagħżlu l-​ħajja li jixtiequ jgħixu, kemm jekk tajba u kemm jekk ħażina. Pereżempju, meta Kajjin tant kien irrabjat għal ħuh Abel li ried joqtlu, Ġeħova qallu: “Jekk iddur biex tagħmel it-​tajjeb, ma tiġix milqugħ? Imma jekk ma ddurx biex tagħmel it-​tajjeb, hemm id-​dnub lest għalik wara biebek, u hu mlebleb għalik; u se trażżnu int, min-​naħa tiegħek?”—Ġenesi 4:7.

Innota li filwaqt li Ġeħova ta parir ċar lil Kajjin, ma sforzahx biex jobdih. Kajjin kellu jagħżel jekk irażżanx ir-​rabja tiegħu jew le. X’inhi t-​tagħlima? Jekk Ġeħova ma jipprovax iġiegħel lill-​ħlejjaq tiegħu biex jobduh, lanqas int m’għandek tipprova tagħmel dan mal-​adoloxxenti tiegħek. a

2. Il-​metodu taʼ kontroll sħiħ ġeneralment jaħdem bil-​kontra. Immaġina li wieħed bejjiegħ jipprova jagħmillek pressjoni biex tixtri xi ħaġa. Iktar ma jipprova jbegħlek, int iktar tirreżisti b’mod sod. Anki jekk għandek bżonnu l-​prodott li qed ibigħ, probabbilment jimbottak bil-​manjiera tiegħu. Tkun trid teħles minnu.

Tistaʼ tiġri xi ħaġa simili jekk tipprova tisforza l-​valuri, it-​twemmin, u l-​miri tiegħek fuq l-​adoloxxent tiegħek. Se “jixtrihom”? X’aktarx li le! Infatti, il-​metodu tiegħek għandu mnejn jaħdem bil-​kontra, billi jġiegħel lill-​adoloxxent tiegħek jiżviluppa stmerrija għal-​livelli tiegħek. Ħafna drabi, meta l-​ġenituri jipprovaw jikkontrollaw għalkollox lil uliedhom, it-​tfal jirribellaw. Allura, x’tistaʼ tagħmel?

Minflok ma tipprova tikkontrolla għalkollox il-​ħajja tal-​adoloxxent tiegħek, billi timponi l-​valuri tiegħek fuqu bħalma forsi għamilt meta kien iżgħar, għinu jara l-​għerf taʼ li jagħmel dak li hu sewwa. Pereżempju, jekk int Kristjan, urih kif billi jgħix fi qbil mal-​prinċipji t’Alla fl-​aħħar mill-​aħħar se jkun iktar kuntent.—Isaija 48:17, 18.

Hekk kif tagħmel dan, ħalli l-​eżempju. Kun it-​tip taʼ persuna li trid li l-​adoloxxent tiegħek isir. (1 Korintin 11:1) Uri b’mod ċar x’inhuma l-​valuri li int għażilt li tgħix fi qbil magħhom. (Proverbji 4:11) Jekk l-​adoloxxent tiegħek jiżviluppa mħabba għal Alla u għal-​livelli tiegħu, se jagħmel għażliet għaqlin, anki meta int ma tkunx preżenti.—Salm 119:97; Filippin 2:12.

Għallimhom Abbiltajiet Prattiċi

Bħalma ssemma f’paġna 2 taʼ din ir-​rivista, se tasal il-​ġurnata—forsi malajr wisq fl-​opinjoni tiegħek—meta t-​tifel adult tiegħek “iħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) Bħala ġenitur, trid tkun ċert li għandu l-​abbiltajiet meħtiġin biex jaġixxi bħala adult indipendenti. Ikkunsidra ftit mill-​abbiltajiet li tistaʼ tgħinu jiżviluppa issa, waqt li għadu d-​dar.

Abbiltajiet Domestiċi. Jistaʼ l-​adoloxxent tiegħek jipprepara xi ikliet? jaħsel u jgħaddi ħwejġu? iżomm kamartu nadifa u żbarazzata? jagħmel ftit manutenzjoni u tiswijiet bażiċi fuq il-​karozza? Jekk jiżviluppa abbiltajiet bħal dawn, ibnek, jew bintek, fil-​futur se jkun kapaċi jmexxi familja. L-​appostlu Pawlu spjega li hu kien kapaċi jieħu ħsieb lilu nnifsu ‘f’kull ċirkustanza li sab ruħu fiha.’—Filippin 4:11.

Abbiltajiet Soċjali. (Ġakbu 3:17) L-​adoloxxent tiegħek kemm jingwalaha m’oħrajn? Jistaʼ jirranġa nuqqas taʼ qbil bil-​kalma u bil-​qalb tajba? Ħarriġtu biex jittratta lin-​nies bir-​rispett u biex jirranġa konflitti bil-​paċi? (Efesin 4:29, 31, 32) Il-​Bibbja tgħid: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.”—1 Pietru 2:17.

L-​Immaniġġar tal-​Flus. (Luqa 14:28) Tistaʼ tgħin lill-​adoloxxent tiegħek jitgħallem xi sengħa, jgħix skont il-​mezzi tiegħu, u jevita d-​dejn? Ħarriġtu biex ifaddal għall-​affarijiet li jkollu bżonn u biex jevita li jixtri bl-​addoċċ u biex ikun kuntent bin-​neċessitajiet? (Proverbji 22:7) Pawlu kiteb: “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti.”—1 Timotju 6:8.

Adoloxxenti li jitgħallmu jgħixu fi qbil maʼ valuri retti u li jiżviluppaw abbiltajiet prattiċi huma preparati tassew biex ikunu adulti. Il-​ġenituri tagħhom ikunu laħqu l-​mira tagħhom!—Proverbji 23:24.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni, ara It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Frar, 2011, paġni 18-​19.

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

● X’inhi l-​mira tiegħek bħala ġenitur?—Ebrej 5:14.

● X’se tkun ir-​responsabbiltà tal-​adoloxxent tiegħek meta jsir adult?—Ġożwè 24:15.

[Stampi f’paġna 25]

Liema tixtieq li jsir l-​adoloxxent tiegħek?

Eżatt bħalek . . .

Ribell . . .

Adult responsabbli