Għerf għall-Qalb u s-Saħħa
“Qalb kalma hija l-ħajja tal-ġisem.”—PROVERBJI 14:30.
“Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.”—PROVERBJI 17:22.
● Dawn il-frażijiet sempliċi iżda profondi lissinhom is-Sultan Salamun t’Iżrael xi tlett elef sena ilu. a Imma huma veri? Il-mediċina moderna xi tgħid?
F’li tqabbel nies li huma kalmi maʼ dawk li għandhom ħabta jkunu rrabjati, ġurnal mediku (Journal of the American College of Cardiology) jgħid: “Skoperti kurrenti juru li hemm konnessjoni taʼ ħsara bejn ir-rabja u l-ostilità u s-CHD (mard tal-qalb).” Għalhekk, il-ġurnal jgħid: “Il-prevenzjoni u t-trattament tas-CHD b’suċċess jistgħu jinvolvu . . . mhux biss il-kura fiżika u l-mediċina normali, iżda wkoll għajnuna psikoloġika li tiffoka fuq li tikkontrolla r-rabja u l-ostilità.” Fi kliem ieħor, qalb kalma tippromwovi saħħa tajba, sewwa sew kif tgħid il-Bibbja.
Effetti pożittivi simili jiġu minn qalb ferriħija. It-tabib Derek Cox, uffiċjal tas-saħħa fl-Iskozja, f’rapport tal-aħbarijiet tal-BBC qal: “Jekk int ferħan, x’aktarx li fil-futur ikollok inqas mard fiżiku minn dawk li mhumiex ferħanin.” L-istess rapport qal: “Nies iktar ferrieħa għandhom ukoll iktar protezzjoni kontra affarijiet bħalma huma l-mard tal-qalb u l-puplesija.”
L-għerf taʼ Salamun—biex ma nsemmux dak tal-kittieba l-oħra tal-Bibbja—għala kien tant avanzat għal żmienu? Ir-risposta hi faċli. “Alla baqaʼ jagħti lil Salamun ħafna għerf u abbiltà li jifhem.” (1 Slaten 4:29) Iktar minn hekk, dak l-għerf hu miktub bi kliem sempliċi biex kulħadd jistaʼ jibbenefika minnu. U jiġi bla ħlas.
Għala ma tagħmilx il-qari regulari tal-Bibbja parti minn ħajtek? Bħalma b’ferħ kbir għalihom skoprew miljuni taʼ nies, “meta l-għerf jidħol f’qalbek u ruħek tibda tieħu pjaċir bl-għarfien, l-abbiltà li taħseb tibqaʼ tgħasses fuqek, u d-dixxerniment iħarsek.” (Proverbji 2:10, 11) Ma jqawwilekx qalbek dan?
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelma “qalb” fil-Bibbja s-soltu tirreferi għall-persuna ġewwinija kollha kemm hi, inkluż l-emozzjonijiet tagħha.