Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Iktbu lil Anton!”

“Iktbu lil Anton!”

● Xhud żagħżugħ taʼ Ġeħova jismu Anton kien jgħix fir-​raħal imwarrab taʼ Schelkan fi Stavropol’ Kray, ir-​Russja. Fi tfulitu sabulu d-​distrofija muskolari Duchenne, marda li ma titfejjaqx u li ġġiegħel il-​muskoli jiddeterjoraw b’ħeffa u ġeneralment twassal għall-​mewt qabel l-​20 sena. Sakemm Anton kellu disaʼ snin, ma kienx għadu jiflaħ jimxi jew iqum waħdu.

Meta żaru kongregazzjoni tax-​Xhieda, Yevgeny flimkien maʼ martu Diana, iltaqgħu m’Anton. Diana spjegat: “Anton kien dgħajjef ferm fiżikament imma kien b’saħħtu spiritwalment. Peress li ħuh il-​kbir miet bl-​istess marda meta kellu 19-​il sena, Anton kien jaf li kien se jmut fi ftit żmien. Madankollu kien ferħan u ottimist.”

Diana u żewġha inkuraġġew lil Anton jespandi l-​ministeru tiegħu billi jikteb l-​ittri lil nies fi rħula iżolati oħra. Fl-​2005, hu kiteb madwar 500 ittra u bagħathom f’indirizzi fi rħula fil-​viċin. Madankollu, kien diżappuntat li ma rċieva l-​ebda risposta. Għalkemm ħassu skuraġġit, Anton kompla jikteb l-​ittri, u talab bil-​ħrara għad-​direzzjoni dwar kif setaʼ jkun predikatur produttiv minkejja ċ-​ċirkustanzi tiegħu.

Ġurnata waħda, waqt li kien qed jaqra gazzetta, Anton qara ittra mingħand mara marida li kellha bżonn il-​faraġ. Anton kitbilha ittra u parti minnha ġiet stampata fl-​istess gazzetta: “Għalkemm il-​marda tiegħi ma titfejjaqx, il-​qari tal-​Bibbja jgħinni nħares ’il quddiem bil-​fiduċja,” kiteb hu. “L-​hena tiegħi nirċievi l-​ittri u dejjem nistenniehom bil-​ħerqa.”

Billi ġiet effettwata b’dak li qrat, il-​mara kitbet ittra lill-​istess gazzetta. L-​ittra ġiet stampata f’kolonna intitolata “Iktbu lil Anton!” Il-​mara esprimiet apprezzament għall-​ħsibijiet spiritwali li tkellem dwarhom Anton fl-​ittra tiegħu u żiedet: “Ejja ngħinu lil Anton! Wiġbuh u iktbulu. Dan il-​ġuvni tant għandu bżonn kliem taʼ inkuraġġiment!” L-​indirizz taʼ Anton ġie stampat.

Ittri indirizzati lil Anton bdew jaslu fl-​uffiċċju ċkejken tal-​posta fir-​raħal tiegħu—sa 30 kuljum! Ġew minn madwar ir-​Russja kollha, kif ukoll mill-​Baltiċi, il-​Ġermanja, u anke Franza. Hu rċieva mijiet t’ittri mill-​qarrejja tal-​gazzetta. “Anton kien ferħan se jtir!” tiftakar Diana. “Issa kellu mijiet taʼ nies lil min jistaʼ jikteb u jaqsam it-​twemmin tiegħu bbażat fuq il-​Bibbja.”

Anton qattaʼ ’l fuq minn sena jikkorrispondi maʼ dawk li kienu kitbulu u qasam veritajiet Bibliċi magħhom. Eventwalment, hekk kif idejh iddgħajfu, l-​ittri tiegħu beda jiddettahom. F’Settembru tal-​2008, Anton miet fl-​età taʼ 20 sena. Għalkemm kien veru fraġli fiżikament, il-​fidi u l-​imħabba taʼ Anton għall-​ministeru fetħulu opportunitajiet biex imiss mijiet taʼ qlub.