Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

In-Nazi Ma Setgħux Ibiddluni

In-Nazi Ma Setgħux Ibiddluni

Kif Rakkontata Minn Hermine Liska

IT-​TFULIJA paċifika u kalma tiegħi ġiet ħesrem fi tmiemha fl-​1938 meta Adolf Hitler u l-​partit Nazista tiegħu ġew fil-​poter f’art twelidi, l-​Awstrija. Ma damx ma kien meħtieġ li jien u sħabi tal-​iskola nagħtu t-​tislima “Heil Hitler,” inkantaw għanjiet Nazisti, u ningħaqdu fil-​moviment taż-​Żgħażagħ taʼ Hitler. B’mod sod irrifjutajt li nagħmel dawn l-​affarijiet. Ħa nispjega.

Trabbejt flimkien m’erbaʼ ħuti, kollha subien akbar minni, f’razzett f’St. Walburgen f’Carinthia, l-​Awstrija. Il-​ġenituri tiegħi kienu Johann u Elisabeth Obweger. Fl-​1925, missieri sar Bibelforscher, jew, Student tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien. Ommi tgħammdet fl-​1937. Minn tfuliti għallmuni prinċipji Bibliċi u għenuni niżviluppa mħabba għal Alla u għall-​ħolqien tiegħu. Pereżempju, urewni li hu ħażin li tagħti qima b’unur lil kwalunkwe bniedem. Ġesù Kristu qal: “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.”—Luqa 4:8.

Ommi u missieri kienu ospitabbli ferm. Kellna ħafna viżitaturi, u wħud minn dawk li ħadmu fir-​razzett għexu mal-​familja tagħna taʼ sebgħa. Konna nkantaw ħafna—drawwa li għadha popolari f’Carinthia—u kellna ħafna diskussjonijiet interessanti fuq il-​Bibbja. Għadni ngħożż il-​memorja tal-​familja tagħna miġbura mal-​mejda fil-​kamra tas-​salott kull nhar taʼ Ħadd filgħodu għall-​istudju tal-​Bibbja.

Minn Ħelsien Għal Biżaʼ

Il-​Ġermanja ħadet kontroll tal-​Awstrija meta kelli kważi tmien snin. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, żiedet il-​pressjoni biex naġixxu fi qbil maʼ dak li ried il-​partit Nazista, u malajr iċ-​ċittadini kollha kellhom jilqgħu lil xulxin bit-​tislima “Heil Hitler.” Irrifjutajt li nagħmel dan għax bil-​Ġermaniż il-​kelma “heil” tfisser “salvazzjoni,” u ma kontx se nagħti l-​krettu għas-​salvazzjoni lil Hitler! Kont naf li Ġesù Kristu kien is-​Salvatur tiegħi. (Atti 4:12) Minħabba l-​waqfa tiegħi, il-​ħin kollu kont niġi mwaqqgħa għaċ-​ċajt kemm mill-​għalliema kif ukoll mit-​tfal tal-​klassi. Meta kelli 11-​il sena, is-​surmast tal-​iskola primarja tiegħi qalli: “Hermine, ħa nibagħtek lura fl-​ewwel sena. Ma nistax inġerragħ tifla tant rasha iebsa fil-​klassi tiegħi!”

Peress li jien u ħuti b’mod sod irrifjutajna li ngħidu “Heil Hitler,” missieri ġie msejjaħ jidher quddiem il-​qorti. Ġie mitlub jiffirma dokument biex jiċħad il-​fidi tiegħu. Id-​dokument ukoll qal li kien se jrabbi lil uliedu skont l-​ideoloġija Nazista. Minħabba li rrifjuta li jiffirmah, hu u ommi tilfu l-​kustodju tagħna t-​tfal, u jien ġejt mibgħuta f’faċilità t’edukazzjoni mill-​ġdid xi 40 kilometru ’l bogħod mid-​dar.

Ma domtx ma mmissjajt ferm il-​familja u bkejt ħafna. Sadattant, il-​mara li kienet tieħu ħsieb hemmhekk ipprovat iġġegħelni ningħaqad maż-​Żgħażagħ taʼ Hitler, imma kollu għalxejn. Tfajliet oħra pprovaw iżommuli idi l-​leminija ’l fuq waqt li sellmu l-​bandiera Nazista, imma ma rnexxilhomx. Ħassejtni l-​istess bħall-​qaddejja t’Alla tal-​qedem li qalu: “Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna, min-​naħa tagħna, li nitilqu lil Ġeħova sabiex naqdu allat oħrajn.”—Ġożwè 24:16.

Il-​ġenituri ma setgħux iżuruni. Iżda sabu modi kif jiltaqgħu miegħi fis-​sigriet jien u sejra l-​iskola u fl-​iskola. Dawk il-​laqgħat qosra ħeġġewni bil-​kbir biex nibqaʼ leali lejn Ġeħova. Darba minnhom, meta ltqajna flimkien, missieri tani Bibbja żgħira, li ħbejt bir-​reqqa fis-​sodda tiegħi. Kemm ħadt gost naqraha, avolja kelli nagħmel dan bil-​moħbi! Tabilħaqq, ġurnata minnhom kważi nqbadt, imma malajr ħbejt il-​Bibbja taħt il-​kutra.

Mibgħuta f’Kunvent

Ladarba l-​isforzi kollha biex jedukawni mill-​ġdid fallew, l-​awtoritajiet issuspettaw li kont għadni taħt l-​influwenza tal-​ġenituri. Għaldaqstant, f’Settembru tal-​1942, bagħtuni bit-​trejn Munich, il-​Ġermanja, u qegħduni fi skola Kattolika msejħa Adelgunden, li kienet ukoll kunvent. Jien u sejra, xi sorijiet rawli l-​Bibbja u ħaduhieli.

Xorta waħda, kont determinata li nibqaʼ leali lejn it-​twemmin tiegħi, u rrifjutajt li nattendi servizzi tal-​knisja. Meta għedt lil soru li l-​ġenituri tiegħi kienu jaqrawli l-​Bibbja kull nhar taʼ Ħadd, hi għamlet xi ħaġa li ma stennejthiex. Tatni lura l-​Bibbja! Milli jidher dak li għedt messilha qalbha. Infatti, saħansitra ħallietni naqralha l-​Bibbja.

Darba minnhom, għalliema qaltli: “Hermine, int bjonda, u għandek għajnejk blu. Int Ġermanika, mhux Lhudija. Ġeħova hu l-​Alla tal-​Lhud.”

Jien wiġibt: “Imma Ġeħova għamel kollox. Hu l-​Ħallieq tagħna lkoll!”

Is-​surmast ukoll ipprova jagħmilli pressjoni. Darba minnhom qal: “Ara, Hermine, wieħed minn ħutek daħal fl-​armata. X’eżempju mill-​aħjar għalik biex issegwi!” Kont naf li wieħed minn ħuti kien daħal fl-​armata, imma ma kelli l-​ebda intenzjoni li nsegwi l-​eżempju tiegħu.

“M’iniex segwaċi taʼ ħija,” għedtlu. “Jien segwaċi taʼ Ġesù Kristu.” Is-​surmast imbagħad hedded li jibgħatni f’sala psikjatrika, u saħansitra qal lis-​soru biex tlesti ħa tiħodni hemm. Però, m’għamilx dak li kien heddidni bih.

Fis-​sajf tal-​1943, waqgħu l-​bombi fuq Munich u t-​tfal minn Adelgunden intbagħtu fil-​kampanja. Matul dak iż-​żmien spiss qgħadt naħseb fuq kliem ommi: “Jekk xi darba ninfirdu u lanqas ma tirċievi l-​ittri tiegħi, ftakar li Ġeħova u Ġesù se jkunu miegħek. Huma qatt mhu se jabbandunawk. Allura ibqaʼ itlob.”

Tħallejt Immur id-​Dar

F’Marzu tal-​1944, ittiħidt lura Adelgunden, fejn qattajna kważi l-​ħin kollu tagħna—lejl u nhar—fix-​xelter minħabba l-​ħafna bombi li kienu qed jaqgħu fuq Munich. Sadattant, il-​ġenituri tiegħi regolarment talbu biex jiħduni lura għandhom. Din it-​talba fl-​aħħar ġiet milqugħa u wasalt id-​dar fl-​aħħar t’April 1944.

Meta wasal il-​waqt biex ngħid ċaw lis-​surmast, hu qal: “Iktbilna la tasal id-​dar, Hermine. U ibqaʼ kif int.” Kemm kienet inbidlet l-​attitudni tiegħu! Sirt naf li ftit wara li tlaqt, disaʼ tfajliet u tliet sorijiet mietu b’attakk għal għarrieda bil-​bombi. Kemm hi kerha l-​gwerra!

Min-​naħa l-​oħra, kont ferħana li nerġaʼ ningħaqad maʼ familti. F’Mejju tal-​1944, hekk kif baqgħet għaddejja l-​gwerra, tgħammidt f’banju, u b’hekk issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova. Meta l-​gwerra waqfet fl-​1945, bdejt nieħu sehem fil-​ministeru full-​time, u kont ħerqana li naqsam m’oħrajn l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, l-​unika tama għall-​bnedmin għal paċi u sigurtà dejjiema.—Mattew 6:9, 10.

Fl-​1950, iltqajt maʼ żagħżugħ minn Vienna, l-​Awstrija, jismu Erich Liska, li qeda bħala ministru li jivvjaġġa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Iżżewwiġna fl-​1952 u għal ftit żmien kont immur maʼ Erich hekk kif żar il-​kongregazzjonijiet biex isaħħaħhom spiritwalment.

L-​ewwel tifla tagħna twieldet fl-​1953, u wara kellna żewġt itfal oħra. Minħabba r-​responsabbiltajiet miżjudin tagħna, ma bqajniex fil-​ministeru full-​time sabiex nieħdu ħsieb il-​familja tagħna. Tgħallimt li jekk tibqaʼ mqabbad m’Alla, hu qatt mhu se jiddiżappuntak, imma se jagħtik is-​saħħa. Hu qatt ma naqas milli jieħu ħsiebi. Speċjalment minn mindu tlift lill-​għażiż żewġi fil-​mewt fl-​2002, Ġeħova kien u għadu sors taʼ faraġ u saħħa għalija.

Hekk kif nirrifletti fuq ħajti, jien tassew grata lejn il-​ġenituri tiegħi talli meta kont żgħira daħħlu sew f’qalbi l-​imħabba għal Alla u għall-​Kelma miktuba tiegħu, is-​sors tal-​għerf veru. (2 Timotju 3:16, 17) Imma iktar minn kull ħaġ’oħra, jien grata lejn Ġeħova, li jibqaʼ jsaħħaħni biex inkampa mal-​provi tal-​ħajja.

[Kumment f’paġna 27]

“M’iniex segwaċi taʼ ħija . . . Jien segwaċi taʼ Ġesù Kristu”

[Stampa f’paġna 27]

Maʼ familti fir-​razzett tagħna f’St. Walburgen

[Stampa f’paġna 27]

Il-​ġenituri tiegħi Elisabeth u Johann Obweger

[Sors]

Iż-​żewġ ritratti: Foto Hammerschlag

[Stampa f’paġna 28]

Mar-​raġel, Erich