Jimpurtah Alla mill-Annimali?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
L-ANNIMALI jinsabu f’periklu. Ħafna xjenzati jemmnu li l-estinzjoni tal-annimali qed isseħħ b’rata mgħaġġla. L-annimali qed ibatu konsegwenzi devastanti għax il-bnedmin qed jiħdulhom l-abitat tagħhom. Affarijiet bħall-produzzjoni industrijali tal-ikel u meta b’kattiverija n-nies iġelldu l-annimali jew meta bla qalb jabbandunaw l-annimali domestiċi, iżidu maʼ din l-istampa kerha.
Imma xi wħud jaħsbu li sitwazzjoni bħal din hi r-riżultat naturali li jiġi mill-progress tal-bniedem. Imma Alla hekk ried? Abbanduna hu l-annimali biex ibatu taħt idejn il-bnedmin? Kif nafu li Alla jimpurtah mill-annimali?
Sa mill-Bidu Ntwera li Jimpurtah
Wara li Alla ħalaq il-ħut, l-għasafar, u l-annimali tal-art, hu kien sodisfatt. Il-Bibbja tgħid li “ra li dan kien tajjeb.” (Ġenesi 1:21, 25) Dawn il-ħlejjaq kollha, miż-żgħar sal-kbar, kienu mħarsin bi mħabba mill-Ħallieq. Alla ma ħalaqhomx biss “għorrief bl-istint” imma wkoll għamel provvedimenti għalihom ħalli jkattru fl-ambjent tagħhom. Bħalma qal sew kittieb tal-Bibbja: “Ilkoll kemm huma—lilek jibqgħu jistennew biex tagħtihom l-ikel fl-istaġun tiegħu. Dak li tagħtihom huma jiġbruh. Int tiftaħ idek—huma jissodisfaw ruħhom b’affarijiet tajbin.”—Proverbji 30:24; Salm 104:24, 25, 27, 28.
Veru, Alla għamel l-annimali sottomessi lejn l-ewwel raġel, Adam. Huma ma ġewx maħluqin bl-abbiltà li jirraġunaw jew bil-kapaċità għall-ispiritwalità. (2 Pietru 2:12; Ġuda 19) B’kuntrast, Adam kien ħlejqa iktar superjuri, maħluq “fix-xbieha t’Alla.” Kien kapaċi jimita l-personalità tal-Ħallieq tiegħu, Ġeħova. (Ġenesi 1:27; Salm 83:18) Imma dan ma fissirx li l-bnedmin kellhom il-jedd li jittrattaw l-annimali b’tali mod li jmur kontra r-rieda tal-Ħallieq tagħhom.
Pereżempju, Adam beda jagħti ismijiet lill-annimali għax Ġeħova tah dan il-privileġġ. Iktar minn hekk, Ġeħova għen lil Adam billi “ġab [lill-bhejjem] għand ir-raġel biex jara x’se jsemmi lil kull waħda.” (Ġenesi 2:19) Kien biss jekk il-bniedem jaħdem taħt id-direzzjoni tal-Ħallieq tiegħu li setaʼ jirnexxi f’li jieħu ħsieb l-annimali.
Alla Tassew Jimpurtah!
B’sogħba, Adam ħadha kontra l-Ħallieq tiegħu. Ir-ribelljoni tiegħu ġabet konsegwenzi devastanti fuq il-familja umana u fuq il-ħajja kollha fuq l-art. Madankollu, il-Ħallieq wera biċ-ċar kif l-annimali kellhom jiġu trattati. Għalkemm eventwalment il-bniedem tħalla jużahom għall-ikel u għal skopijiet prattiċi oħrajn, Alla qatt ma ppermetta li jiġu trattati bi krudeltà. Il-Bibbja tgħid: “Il-ġust jieħu ħsieb l-annimal domestiku tiegħu, imma l-ħniniet tan-nies mill-agħar huma krudili.”—Proverbji 12:10.
Alla saħansitra ta lill-ġens t’Iżrael tal-qedem liġijiet rigward il-benesseri tal-annimali. L-arranġament tas-Sabat, ġurnata taʼ mistrieħ assolut kull ġimgħa, kien taʼ ġid għall-annimali tal-Iżraelin fis-sens li huma wkoll setgħu jistrieħu. (Eżodu 23:12) Taʼ min jinnota li għalkemm l-ebda xogħol ma kien permess f’din il-ġurnata sagra, in-nies kellhom jgħinu annimal imweġġaʼ jew f’diffikultà. (Luqa 14:5) Ukoll, Alla kkmanda li l-baqar kellhom jingħataw l-ikel waqt li jkunu jaħdmu, u l-annimali ma kellux ikollhom tagħbija tqila wisq. (Eżodu 23:5; Dewteronomju 25:4) Kien projbit li taħt madmad jitpoġġew flimkien barri u ħmar, u dan għen biex l-ebda annimal ma jweġġaʼ. (Dewteronomju 22:10) Jidher ċar li l-Bibbja tgħallem li l-annimali kellhom jiġu trattati kif jixraq, b’rispett, u b’mogħdrija!
Għalkemm ħafna nies jiffokaw fuq il-problemi tagħhom u jinjoraw kwalunkwe konsegwenza għall-annimali, Alla b’mogħdrija jaħseb fihom. Meta l-profeta Ġona rreaġixxa bla ħniena meta l-abitanti taʼ Ninwe nidmu u nħelsu mill-ġudizzju t’Alla, Ġeħova qal: “Jien, min-naħa tiegħi, m’għandux jiddispjaċini għal Ninwe l-belt il-kbira, li fiha hemm iktar minn mija u għoxrin elf bniedem li lanqas biss jafu d-differenza bejn idhom il-leminija u x-xellugija, minbarra li hemm ħafna annimali domestiċi?” (Ġona 4:11) Iva, il-Ħallieq ġietu ħniena anke mill-annimali!
Ċertezza Dwar il-Ħarsien fil-Futur
Huwa ċar li Alla tassew jimpurtah minn kif l-annimali jiġu trattati. Ibnu l-maħbub, Ġesù, saħansitra qal li m’hemmx għasfur tal-bejt li jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missieru. (Mattew 10:29) B’kuntrast, anke bl-aħjar intenzjonijiet, il-bnedmin ma jifhmux bis-sħiħ kif l-azzjonijiet tagħhom jinfluwenzaw l-ambjent. Hemm bżonn taʼ bidla fil-mod taʼ kif l-umanità taħseb biex is-soċjetà umana tiġi mħarsa b’tali mod li juri tħassib għall-annimali.
B’ferħ, il-Bibbja tiddeskrivi ż-żmien meta taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla, “l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) Għarfien bħal dan se jagħti lill-bnedmin ubbidjenti l-edukazzjoni u t-taħriġ li jeħtieġu biex jieħdu ħsieb l-art kif suppost. L-influwenza tal-Ħallieq imbagħad se tagħmel ċert li jkun hemm il-paċi bejn il-bnedmin u l-annimali, u b’hekk il-kundizzjonijiet fuq l-art jerġgħu għal dawk li Alla oriġinalment kien ried.
Il-Bibbja tiddeskrivi l-bidla li mbagħad se ssir billi tispjega: “Il-lupu se jgħammar għal xi żmien mal-ħaruf, u l-leopard jimtedd mal-gidi, u l-għoġol u l-iljun b’saħħtu u l-annimal magħluf tajjeb ilkoll flimkien; u tifel ċkejken se jkun mexxej fuqhom. U l-baqra u l-ors se jirgħu; il-frieħ tagħhom se jimteddu flimkien. U saħansitra l-iljun se jiekol it-tiben bħall-barri. U t-tarbija tal-ħalib se tilgħab fuq il-ħofra tal-kobra; u t-tifel li qataʼ l-ħalib iqiegħed idu fuq il-bokka tal-bejta taʼ serp velenuż.” X’tama tal-għaġeb biex naħsbu fuqha!—Isaija 11:6-8.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Jimpurtah Alla minn kif jiġu trattati l-annimali?—Proverbji 12:10; Mattew 10:29.
● Huwa possibbli li jkun hemm paċi sħiħa bejn il-bnedmin u l-annimali?—Isaija 11:6-9.
[Kumment f’paġna 11]
Hemm bżonn taʼ bidla fil-mod taʼ kif l-umanità taħseb biex l-annimali jiġu mħarsin sew
[Sors tal-Istampa f’paġna 11]
La Voz de Galicia/Fotógrafo: Víctor Mejuto