Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Timmaniġġa Flusek

Kif Timmaniġġa Flusek

BAŻIKAMENT, hemm tliet modi kif timmaniġġa l-​flus: (1) Tonfoqhom, (2) tfaddalhom, jew (3) tagħtihom. Ejja niddiskutu kif nonfqu l-​flus bil-​għaqal.

L-​iktar ħaġa importanti li wrietna r-​Reċessjoni l-​Kbira hi l-​għerf taʼ li tgħix permezz taʼ baġit maħsub sew. X’inhu baġit? Fi kliem sempliċi, hu kalkolu taʼ kif se jintuża d-​dħul, kemm jekk minn individwu, familja, negozju, jew gvern.

Proġett tal-​Familja

Kif tistaʼ tagħmel baġit? Fil-​ktieb tagħha (Budgeting), Denise Chambers tgħid: “Il-​membri kollha tal-​familja għandhom jieħdu sehem f’li jħejju l-​baġit ħalli kulħadd iħossu responsabbli biex iżomm mill-​qrib miegħu.” Kull tant żmien għandhom jiltaqgħu kollha flimkien biex jaraw kif sejrin bil-​baġit. Il-​ħolqien taʼ baġit li jaħdem jistaʼ jsir proġett tal-​familja premjanti hekk kif kull membru jsib modi kif jgħix fil-​limitu tad-​dħul tal-​familja.

Xi wħud jużaw programm tal-​kompjuter biex ifasslu baġit. Oħrajn sempliċement jużaw karta u lapes u jaqsmu l-​karta f’żewġ kolonni. Kolonna minnhom tkun għad-​dħul, u l-​oħra għall-​ispejjeż. Ukoll, hu importanti li fil-​baġit tinkludu ammont kull xahar biex ikopri l-​ispejjeż taʼ darba fis-​sena, bħat-​taxxa fuq id-​dħul u forsi xi vaganza.

Metodu li ilu jintuża taʼ kif jintgħamel baġit hu bbażat fuq l-​użu taʼ envelopsijiet jew folders li fuqhom ikun hemm miktub “Ikel,” “Kera,” “Trasport,” “Dawl u Ilma,” “Mediċina,” eċċetra. Fil-​passat, kull xahar in-​nies kienu jpoġġu l-​flus għal dawn l-​ispejjeż f’envelopsijiet. Issa ħafna nies iħossu li hu iktar sigur u eħfef li jitfgħu l-​flus f’kont bankarju u jiġbduhom skont il-​bżonn.

Jonathan u Anne, li jgħixu fl-​Afrika t’Isfel maż-​żewġt ibniet tagħhom, spiss jużaw il-​metodu tal-​folders biex jagħmlu baġit. Jonathan jgħid: “Jekk is-​salarju tiegħek jintefaʼ f’kont bankarju, xorta jkun importanti li tkun strett dwar kif tqassam flusek. Pereżempju, jekk jispiċċalek l-​ammont għal xahar li warrabt għal-​laħam, m’għandekx tieħu mill-​flus li warrabt għat-​tfaddil biex tixtri iktar laħam.”

Fil-​passat, Jonathan kellu n-​negozju tiegħu, imma issa hu u familtu ddeċidew li jkunu ħaddiema volontarji u huma involuti f’li jibnu postijiet għall-​qima. Peress li jgħożżu din il-​ħajja taʼ li jagħtu minnhom infushom, ikollhom jgħixu permezz taʼ baġit iktar minn qatt qabel. Il-​familja regolarment tiddiskuti flimkien biex tara kif sejra bil-​baġit u biex tagħmel l-​aġġustamenti meħtieġa.

Ferħ Ikbar

L-​istudji juru li meta tagħti mir-​riżorsi tiegħek lil oħrajn, inkluż il-​ħin u l-​enerġija kif ukoll xi flus, tikseb ferħ ikbar. Sakemm jippermettulek ir-​riżorsi tiegħek, tistaʼ tkun l-​aħjar għażla mit-​tlieta msemmijin fl-​introduzzjoni.

Chris Farrell, fil-​ktieb tiegħu (The New Frugality), jgħid li jekk tfaddal ikollok l-​opportunità li taqsam maʼ ħaddieħor. Hu jirrikkmanda: “Waħda mill-​iktar affarijiet sensibbli u taʼ valur li tistaʼ tagħmel bi flusek hi li tagħtihom.” a Farrell iżid: “Meta taħseb fuq dak li hu l-​iktar importanti, spiss ikunu r-​relazzjonijiet, l-​esperjenzi, u l-​fatt li tistaʼ tferraħ lil oħrajn, mhux il-​flus u l-​affarijiet li tippossiedi.”

Michael Wagner, ekonomista, jidher li jaqbel. Fil-​ktieb tiegħu (Your Money, Day One), li nkiteb bl-​iskop li jimmotiva liż-​żgħażagħ ifaddlu, jgħid: “Meta minn jeddek tgħin lil dawk li huma inqas fortunati, il-​qalb tajba u l-​ġenerożità li tkun urejt se jiġu lura għandek b’varjetà taʼ modi pożittivi, imma l-​iktar ħaġa premjanti hi dak li tħoss f’qalbek meta tgħin lill-​proxxmu tiegħek.”

L-​istudji juru li l-​benefiċċji li jiġu milli wieħed jagħti milli jkollu mhumiex xi ħaġa ġdida. Huma bbażati fuq stqarrijiet li jgħoddu għal dejjem u li tniżżlu fil-​Bibbja żmien twil ilu. Ejja nikkunsidraw sebgħa minnhom.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​flus jistgħu jingħataw permezz taʼ rigali jew billi tkun ospitabbli, bħal pereżempju, billi tipprepara ikliet għall-​ħbieb u l-​familja.