Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-dinja

Ħarsa Lejn id-dinja

Skont 76.3 fil-​mija tal-​adulti li ġew mistħarrġin fil-​Ġermanja, “ma fiha xejn ħażin” jekk titkessaħ maʼ dawk tas-​sess oppost u “ma jfissirx li trid tibda relazzjoni mal-​persuna.” Kważi nofs dawk li ġew mistħarrġin qalu li ma jkun ġara xejn jekk persuna miżżewġa titkessaħ maʼ xi ħadd li ma tafux.—APOTHEKEN UMSCHAU, IL-​ĠERMANJA.

Stħarriġ li sar mal-​pajjiż kollu juri li 48 fil-​mija tar-​Russi jemmnu li attakki terroristiċi saru “mistennijin mija fil-​mija” u huma “parti normali mill-​ħajja.”—KOMMERSANT, IR-​RUSSJA.

“F’attentat bla mistħija taʼ xejn u li kien jixbah assedju medjevali,” kuntrabandisti Messikani dan l-​aħħar ipprovaw metodu mhux tas-​soltu biex jevitaw is-​sigurtà li jkun hemm mal-​fruntiera—“katapulta kbira” mpoġġija fuq trejler u armata b’elastiku b’saħħtu, “biex iwaddbu d-​droga lejn it-​Tramuntana” minn fuq il-​fruntiera li hemm mal-​Istati Uniti.—REUTERS NEWS SERVICE, L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA.

“Żewġ tqaliet minn kull ħamsa” fil-​belt taʼ New York jispiċċaw f’abort. Il-​proporzjon “bilkemm inbidel f’iktar minn għaxar snin.”—THE NEW YORK TIMES, L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA.

Dawk li xogħolhom jikkontrollaw l-​annimali u l-​insetti li jagħmlu l-​ħsara baqgħu mgħaġġbin meta ntalbu jaqbdu volpi mit-​72 sular taʼ skajskrejper li kien qed jinbena f’nofs Londra. L-​annimal, li kien qed “jgħix fuq il-​fdalijiet t’ikel li ħallew il-​bennejja,” ġie meħlus f’post fil-​viċin.—THE TELEGRAPH, LONDRA.

Qassisin Ortodossi Russi Jistgħu Joħorġu għall-​Elezzjoni

“Il-​Konċilju tal-​Isqfijiet tal-​Knisja Ortodossa Russa ta l-​approvazzjoni tiegħu biex il-​membri tal-​kleru tiegħu joħorġu għall-​elezzjoni f’ċirkustanzi mhux tas-​soltu ħalli jipproteġu lill-​knisja minn frid u theddid dirett ieħor,” tirrapporta l-​aġenzija tal-​aħbarijiet RIA Novosti. Skont stqarrija mill-​isqfijiet, ċirkustanzi bħal dawn iqumu meta jkollhom bżonn “jikkonfrontaw xi forzi, inkluż forzi li jridu jifirdu u dawk minn nies taʼ twemmin ieħor, li jfittxu li jużaw il-​qawwa tal-​politika biex jiġġieldu kontra l-​Knisja Ortodossa.”

Problemi Legali Ġodda

Prattiki fil-​mediċina riproduttiva, li darba tqiesu li kienu impossibbli, qed joħolqu dilemmi legali ġodda. “Kull sena, qed jitwieldu iktar u iktar trabi mill-​isperma jew mill-​embriji li jkunu ġew maħżunin għal diversi xhur jew snin,” jispjega ġurnal Amerikan (The Wall Street Journal). “F’xi każi, ġenitur minnhom ikun diġà miet, ġeneralment il-​missier.” Fl-​Istati Uniti, xi orfni jingħataw pagamenti kull xahar mis-​sistema tas-​Sigurtà Soċjali. Imma l-​liġijiet taʼ stati differenti jvarjaw dwar jekk pagamenti bħal dawn għandhomx isiru jekk it-​tarbija titnissel wara l-​mewt taʼ wieħed mill-​ġenituri. “It-​teknoloġija avanzat ħafna iktar milli qatt bassret il-​liġi,” qal Sonny Miller, avukat minn Minnesota.