Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Pressjoni Biex Tkun Diżonest

Il-Pressjoni Biex Tkun Diżonest

“L-​onestà fin-​negozju hi xi ħaġa tal-​passat, u dawk li jipprovaw jipprattikawha żgur li se jfallu.”—Stephen, l-​Istati Uniti tal-​Amerika.

TAQBEL int maʼ din l-​opinjoni ħarxa? Irridu nammettu li d-​diżonestà spiss iġġib il-​gwadann—għall-​inqas għal żmien qasir. Minħabba f’hekk, dawk li jipprovaw ikunu onesti jesperjenzaw pressjoni kbira fl-​oqsma li ġejjin.

Tentazzjoni Persunali. Min ma jiħux pjaċir ikollu iktar flus jew xi affarijiet lussużi oħrajn? Jistaʼ jkun diffiċli li tirreżisti opportunità biex tiggwadanja finanzjarjament b’mod diżonest.

● “Jien nagħmel kuntratti għan-​nom tal-​kumpanija tiegħi. Offerti taʼ tixħim huma komuni. Il-​ġibda għall-​flus mingħajr tbatija hi waħda qawwija.”—Franz, il-​Lvant Nofsani.

Pressjoni Biex Tagħmel Iktar Qligħ. Fi snin reċenti, negozji madwar id-​dinja ssieltu maʼ kundizzjonijiet ekonomiċi batuti. Iridu wkoll ikampaw maʼ teknoloġija li l-​ħin kollu tinbidel u maʼ kompetizzjoni reġjonali u globali li dejjem tiżdied. L-​impjegati forsi jħossu li d-​diżonestà hi l-​unika mod kif jilħqu ċerti miri li jagħmlulhom is-​sidien u l-​maniġers.

● “Ħsibna li ma kellniex għażla oħra. . . . Inkella, il-​kumpanija konna se nfalluha.”—Reinhard Siekaczek, arrestat minħabba t-​tixħim.—The New York Times.

Pressjoni Minn Oħrajn. Ħaddiema sħabek jew konsumaturi kultant għandhom mnejn jissuġġerixxu, jew saħansitra jinsistu, li tingħaqad magħhom fi skemi diżonesti.

● “Maniġer taʼ klijent importanti avviċinani u qal li kont se nitlef in-​negozju tiegħu jekk ma nagħtihx flus minn taħt.”—Johan, l-​Afrika t’Isfel.

Kultura. F’xi kulturi, hija d-​drawwa li fi transazzjonijiet tan-​negozju jkun hemm tpartit taʼ rigali. Skont id-​daqs u ċ-​ċirkustanzi tar-​rigal, forsi ma jkunx ċar jekk transazzjoni tan-​negozju tkunx verament onesta. F’ħafna pajjiżi, uffiċjali korrotti jitolbu l-​flus qabel ma jwettqu dmirhom u minn jeddhom jaċċettaw ħlas biex jittrattaw lil dak li jkun b’mod speċjali.

● “Dejjem hu taʼ sfida li tagħmel distinzjoni bejn tipp u tixħim.”—William, il-​Kolombja.

Ambjent. Dawk li jgħixu f’faqar estrem jew f’pajjiżi fejn kien hemm kollass fl-​ordni ċivili jiffaċċjaw l-​akbar pressjoni. F’ambjenti bħal dawn, dawk li ma jkunux lesti li jqarrqu jew jisirqu għandhom mnejn jitqiesu bħala li ma jipprovdux biżżejjed għall-​familji tagħhom.

● “Id-​diżonestà hi meqjusa bħala xi ħaġa normali, neċessarja, u aċċettabbli dment li ma tinqabadx.”—Tomasi, il-​Kongo Kinshasa.

Kif l-​Onestà Qed Tiddgħajjef

Il-​pressjoni biex tkun diżonest għandha effett profond. Stħarriġ li sar fuq maniġers tan-​negozju fl-​Awstralja rrapporta li 9 minn kull 10 qiesu t-​tixħim u l-​korruzzjoni bħala li huma “ħżiena imma li ma tistax tevitahom.” Dawk li ġew mistħarrġin qalu li kienu lesti li jinjoraw il-​morali tagħhom biex jirbħu kuntratt jew biex il-​kumpanija tagħhom tiggwadanja.

Madankollu, dawk li jieħdu sehem fid-​diżonestà spiss iqisu lilhom infushom bħala onesti. Kif isibu armonija bejn il-​ħarsa tagħhom lejhom infushom u l-​imġiba tagħhom? Wieħed ġurnal jirrapporta: “In-​nies jaġixxu b’kemm hemm bżonn diżonestà biex jagħmlu qligħ, imma b’kemm hemm bżonn onestà biex iġiegħlu lilhom infushom iħossu li huma nies morali u onesti.” (Journal of Marketing Research) Biex itaffu t-​taqbida li jħossu ġo fihom, in-​nies jiskużaw, iċekknu, jew jiġġustifikaw id-​diżonestà b’diversi modi.

Pereżempju, id-​diżonestà tistaʼ tiġi deskritta f’termini li ma jinstemgħux daqstant ħżiena moralment. Dak li jkun, minflok ma jgħid li qed jigdeb jew iqarraq jgħid li qed iħaffef il-​proċess jew li hu kompetittiv. It-​tixħim jistaʼ jiġi deskritt bħala sempliċi “favur” jew “ħlas biex ix-​xogħol jitlesta malajr.”

Oħrajn jiskużaw imġiba dubjuża billi jtaffu d-​definizzjoni tagħhom tal-​onestà. Tom, li jaħdem fl-​industrija finanzjarja, josserva: “Il-​mod kif in-​nies iqisu l-​onestà iktar għandu x’jaqsam maʼ sa fejn jistgħu jaslu mingħajr ma jinqabdu milli maʼ x’inhi tassew il-​verità.” David, li fil-​passat kien direttur f’negozju, jgħid: “Għalkemm id-​diżonestà meta tinkixef ma tiġix approvata, hi meqjusa bħala aċċettabbli jekk ma tinqabadx. Nies li ma jinqabdux huma meqjusin għaqlin għall-​‘kreattività’ tagħhom.”

Ħafna saħansitra jsostnu li d-​diżonestà hi neċessarja biex tirnexxi. Wieħed li ilu negozjant jgħid: “Attitudni kompetittiva spiss tqanqal lin-​nies biex jgħidu, ‘Trid tagħmel kulma hemm bżonn biex takkwista x-​xogħol.’” Imma huwa minnu dan? Jew dawk li jipprovaw jiġġustifikaw id-​diżonestà fir-​realtà qed ‘iqarrqu bihom infushom bi rraġunar falz’? (Ġakbu 1:22) Ikkunsidra l-​vantaġġi prattiċi tal-​onestà li hemm fl-​artiklu li jmiss.

[Kumment f’paġna 5]

“Il-​mod kif in-​nies iqisu l-​onestà iktar għandu x’jaqsam maʼ sa fejn jistgħu jaslu mingħajr ma jinqabdu milli maʼ x’inhi tassew il-​verità”

[Stampa f’paġna 5]

Ħafna jsostnu li d-​diżonestà hi neċessarja biex tirnexxi