Kif Tgħin lil Dawk li Jbatu bl-Ansjetà
“Qalbi spiss tħabbat ħafna, ixoqq l-għaraq għalija, u jibda jinqatagħli nifsi. Inħossni maħkuma minn twerwir, ansjetà, u taħwid mentali.”—Isabella, għandha fuq l-erbgħin sena u tbati b’attakki taʼ paniku.
META wieħed iħossu nervuż jew inkwetat nistgħu ngħidu li għandu l-ansjetà. Pereżempju, qatt ħassejtek nervuż meta ġejt wiċċ imb wiċċ maʼ kelb irrabjat? X’jiġri meta jitlaq il-kelb? Ma tibqax tħossok nervuż u inkwetat, hux hekk? Però, xi jfisser li tbati bl-ansjetà?
Meta l-ansjetà ssir kronika, meta tkompli anki meta ma jkunx għad hemm għalfejn tħossok ansjuż, l-ansjetà tistaʼ titqies bħala kundizzjoni mentali mhix normali. Skont studju li sar f’università fi Dresden, madwar 14 fil-mija tal-popolazzjoni Ewropea jbatu bl-ansjetà. Ikkunsidra lil Isabella, li ġiet kwotata fl-introduzzjoni. Ansjetà kontinwa, bħalma tesperjenza hi, jistaʼ jkollha konsegwenzi serji għal min ibati biha.
Mhux hekk biss, imma l-membri tal-familja li jgħixu mal-individwu wkoll jistgħu jiġu effettwati b’mod negattiv. Però, hemm aħbar tajba. Pubblikazzjoni tal-Istitut Nazzjonali Amerikan għas-Saħħa Mentali tgħid: “Hemm disponibbli terapiji effettivi għal dawk li jbatu bl-ansjetà, u r-riċerka qed tiskopri kuri ġodda li jistgħu jgħinu lill-biċċa l-kbira min-nies li jbatu bl-ansjetà biex jgħixu ħajja produttiva u sodisfaċenti.”
Il-familja u l-ħbieb ukoll jistgħu jgħinu lil xi ħadd li jbati bl-ansjetà. Kif?
Kif Tistaʼ Tgħin
Agħti l-appoġġ: Monica, li tbati bl-ansjetà ġeneralizzata u bl-istress li jiġi wara xi ġrajja trawmatika (post-traumatic stress disorder), tispjega diffikultà li tiffaċċja: “Il-maġġuranza tan-nies isibuha diffiċli biex jifhmu l-problemi emozzjonali tiegħi.”
Minħabba f’hekk, dawk li jbatu bl-ansjetà ħafna drabi tant jibżgħu li jiġu mifhumin ħażin li jipprovaw jaħbu l-problema tagħhom minn oħrajn. Dan jistaʼ jġegħelhom iħossuhom ħatjin, u b’hekk l-istat emozzjonali tagħhom saħansitra jsir agħar. Għalhekk, huwa importanti ferm li l-familja u l-ħbieb jagħtu l-appoġġ tagħhom.
Tgħallem iktar dwar il-kundizzjoni: Dan is-suġġeriment jistaʼ jkun adattat speċjalment għal dawk li jqattgħu ħafna ħin maʼ dawk li jbatu bl-ansjetà. Dan jistaʼ jinkludi membru tal-familja li jgħix fid-dar mal-individwu jew ħabib tal-qalb.
Ibqgħu farrġu lil xulxin: Pawlu, il-missjunarju tal-ewwel seklu, ħeġġeġ lil sħabu fil-belt Griega taʼ Tessalonika biex ‘jibqgħu jfarrġu lil xulxin u jibnu lil xulxin.’ (1 Tessalonikin 5:11) Dan nistgħu nagħmluh kemm bi kliemna kif ukoll bit-ton taʼ leħinna. Irridu nuru li jinteressana profondament minn sħabna, u rridu nevitaw insinwazzjonijiet li jweġġgħu.
Ikkunsidra t-tliet taparsi ħbieb tar-raġel Ġob, li fil-Bibbja għandu ktieb imsemmi għalih. Dawn l-irġiel, bħalma forsi tiftakar, b’mod żbaljat taw x’jifhem li Ġob kien b’xi mod qed jgħatti xi dnubiet li għamel fil-moħbi, u minħabba f’hekk kien qed ibati.
Allura, ħoss għal min qed ibati. Ismaʼ b’attenzjoni. Ipprova qis l-affarijiet kif iqishom hu, minflok kif tqishom int. Taqbadx u tasal għal konklużjonijiet waqt li tkun qed tagħti widen. It-taparsi ħbieb taʼ Ġob hekk għamlu, u b’riżultat taʼ dan, issejħu ‘farraġa li jaqilgħu l-inkwiet.’ Saħansitra ġegħluh iħossu agħar!—Ġob 16:2.
Ftakar biex tismaʼ b’attenzjoni lil dawk li qed ibatu. Ħallihom jesprimu ruħhom. Dan jistaʼ jgħinek tifhem aħjar minn xiex ikunu għaddejjin. U aħseb fis-sodisfazzjon li jistaʼ jkollok! Forsi tkun tistaʼ tgħin lil dawk li jbatu biex igawdu ħajja iktar sodisfaċenti u taʼ skop.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 23]
Nidentifikaw Tipi Differenti t’Ansjetà
Huwa vitali li nifhmu l-kundizzjonijiet differenti tal-ansjetà, speċjalment meta n-nies involuti jkunu membri tal-familja li jgħixu magħna jew ħbieb tal-qalb. Ikkunsidra ħamsa minn dawn il-kundizzjonijiet.
Attakki taʼ Paniku (Panic Disorders) Ftakar f’Isabella, li ssemmiet fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Mhumiex biss l-attakki tal-ansjetà li jħalluha bla saħħa. Hi tgħid: “Bejn attakk u ieħor, ikun hemm il-biżaʼ li jerġaʼ jkolli attakk ieħor.” Minħabba f’hekk, dawk li jbatu bl-attakki għandhom it-tendenza li jevitaw postijiet fejn kellhom xi attakk. Xi wħud isiru tant ristretti li ma joħorġux mid-dar jew ikunu kapaċi jiffaċċjaw sitwazzjoni tal-biżaʼ meta jkunu maʼ xi ħadd li jafdaw biss. Isabella spjegat: “Is-sempliċi fatt li nkun waħdi hu biżżejjed biex iqabbadni attakk. Inħossni moħħi mistrieħ meta nkun m’ommi, u ttini rasi jekk ma tkunx viċin tiegħi.”
Kundizzjoni li Tagħmlek Ossessjonat (Obsessive-Compulsive Disorder) Persuna ossessjonata bil-mikrobi jew bil-ħmieġ tistaʼ tibda tħossha mġiegħla taħsel idejha darba wara l-oħra. Rigward kundizzjoni simili, Renan jgħid: “Moħħi dejjem f’konfużjoni sħiħa hekk kif noqgħod nhewden dwar żbalji tal-passat, nerġaʼ neżaminahom u nqishom minn kull angolu possibbli.” Tispiċċa tkun ossessjonat b’li tistqarr żbalji tal-passat m’oħrajn. Renan ikollu bżonn min iserraħlu rasu kontinwament. Imma l-mediċina għenitu jikkontrolla l-ossessjoni tiegħu. a
Stress li Jiġi Wara Xi Ġrajja Trawmatika (Post-Traumatic Stress Disorders [PTSD]) Fi żminijiet reċenti, dan it-terminu ntuża biex jiddeskrivi diversi sintomi psikoloġiċi li n-nies jistgħu jesperjenzaw wara ġrajja trawmatika ħafna li fiha jkunu weġġgħu fiżikament jew kważi. Dawk li jbatu bil-PTSD għandhom mnejn jinħasdu malajr, iħossuhom irritabbli, bla sentimenti, ma jibqgħux juru interess f’affarijiet li qabel kienu jħobbu, u jsibuha diffiċli jħossu affezzjoni għal oħrajn—speċjalment għal dawk li qabel kienu qrib tagħhom. Xi wħud isiru aggressivi, saħansitra vjolenti, u għandhom it-tendenza li jevitaw sitwazzjonijiet li jfakkruhom fil-ġrajja trawmatika li għaddew minnha oriġinarjament.
Fobja Soċjali, jew Ansjetà Soċjali (Social Phobia, or Social Anxiety Disorder) Dan hu terminu li jintuża biex jidentifika lil nies li huma ansjużi b’mod esaġerat u konxji żżejjed tagħhom infushom f’sitwazzjonijiet soċjali taʼ kuljum. Uħud li jbatu b’din il-fobja għandhom biżaʼ intens u persistenti li oħrajn qed jarawhom u jiġġudikawhom. Għandhom mnejn idumu ġranet jew ġimgħat sħaħ jinkwetaw qabel ma jattendu xi okkażjoni. Il-biżaʼ tagħhom jistaʼ tant jiggrava li jkun taʼ xkiel għax-xogħol, għall-iskola, jew għal attivitajiet komuni oħrajn u jagħmilha diffiċli għalihom biex jagħmlu l-ħbieb u jibqgħu ħbieb.
Ansjetà Ġeneralizzata (Generalized Anxiety Disorder) Monica, li ssemmiet qabel, tbati b’din it-tip t’ansjetà. Il-ġurnata tgħaddiha mimlija “tħassib esaġerat,” avolja hemm ftit jew l-ebda raġuni biex titħasseb. Dawk li jbatu b’din l-ansjetà għandhom it-tendenza li jistennew li ġej xi diżastru u huma konċernati żżejjed bi kwistjonijiet taʼ saħħa, flus, problemi fil-familja, jew diffikultajiet fuq ix-xogħol. Is-sempliċi ħsieb kif se jgħaddu l-ġurnata jistaʼ jagħmilhom ansjużi. b
[Noti ta’ taħt]
a Stenbaħ! mhuwiex favur xi kura medika speċifika.
b L-informazzjoni t’hawn fuq hija bbażata fuq il-pubblikazzjoni tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Mentali tad-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Umani fl-Istati Uniti.
[Stampa f’paġna 22]
“Ibqgħu farrġu lil xulxin”